Help Print this page 
Title and reference
It-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

It-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (UE) Nru 1169/2011 — informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi

SOMMARJU

Il-moviment liberu ta’ ikel sikur u sustanzjuż fl-Unjoni Ewropea (UE) huwa ta’ benefiċċju kbir għas-saħħa u l-benesseri tal-pubbliku u huwa karatteristika essenzjali tas-suq uniku. Minbarra li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa, il-liġi tal-UE tiżgura li l-konsumaturi jkollhom tagħrif adegwat sabiex ikunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati dwar l-ikel li jixtru u jieklu.

X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Huwa jiggarantixxi lill-konsumaturi d-dritt tagħhom għal tagħrif adegwat billi jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali, ir-rekwiżiti u r-responsabbiltajiet għat-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li jikkonsmaw. Huwa jipprovdi biżżejjed flessibbiltà sabiex jiġu ffaċċjati l-iżviluppi futuri fis-settur tal-ikel. Huwa jamalgama l-leġiżlazzjoni preċedenti, jiġifieri d-Direttivi 2000/13/KE dwar it-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel u 90/496/KEE dwar it-tikkettar dwar in-nutrizzjoni.

PUNTI EWLENIN

Il-leġiżlazzjoni tapplika għan-negozji fl-istadji kollha tal-katina tal-ikel u għall-ikel kollu maħsub għall-konsum finali. Dan jinkludi ikel ikkunsinjat minn, jew fornut lil, fornituri tal-ikel tal-massa.

Hija r-responsabbiltà tal-manifattur li jikkummerċjalizza l-ikel taħt ismu li jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa u li jiżgura li tali informazzjoni tkun preċiża. Jekk dan ikun ibbażat barra l-UE, mela allura r-responsabbiltà taqa’ fuq l-importatur.

Ċerta informazzjoni hija obbligatorja. Din tinkludi l-isem tal-prodott tal-ikel, il-lista ta’ ingredjenti li jkun fih, il-kwantità netta, id-data sa meta għandu jintuża, struzzjonijiet għall-użu, jekk ikunu meħtieġa, l-isem u l-indirizz tal-operatur u dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni.

L-informazzjoni obbligatorja għandha tkun disponibbli, mingħajr ebda ħlas addizzjonali, għall-konsumaturi li jużaw il-bejgħ mill-bogħod biex jixtru l-ikel, qabel jagħmlu x-xirja tagħhom.

Għandha tingħata l-qawwa alkoħolika reali għal kwalunkwe xarbiet b’volum ta’ alkoħol ta’ aktar minn 1.2 %.

Għandu jingħata tagħrif obbligatorju għal ċerti tipi ta’ ikel, bħal dawk li jkun fihom sustanzi li jagħtu ħlewwa, melħ tal-ammonju jew b’kontenut għoli ta’ kaffeina.

Il-kwantità netta ta’ ikel u likwidi hija espressa f’litri, ċentilitri, millilitri, kilogrammi jew grammi.

Ċerti prodotti tal-ikel huma eżentati mid-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni obbligatorja, bħal ħxejjex aromatiċi u ħwawar, aromatizzanti u tejiet tal-ħxejjex.

Oħrajn, b’mod partikolari frott u ħxejjex friski, l-ilma karbonat, il-ħall u prodotti tal-ikel magħmula mill-ħalib, bħal ġobon, butir, krema u ħalib iffermentat, ma għandhomx bżonn jipprovdu lista ta’ ingredjenti.

L-informazzjoni dwar l-ikel ma għandhiex tqarraq bil-pubbliku, b’mod partikolari billi tissuġġerixxi li l-ikel ikun fih karatteristiċi jew effetti speċjali li fil-verità ma jkollux. Hija għandha tkun preċiża, ċara u faċli biex tinftiehem mill-konsumatur.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Mit-13 ta’ Diċembru 2014, bl-eċċezzjoni tal-introduzzjoni ta’ dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni (mit-13 ta’ Diċembru 2016) u r-rekwiżiti speċifiċi dwar id-deżinjazzjoni ta’ “laħam ikkapuljat”, li bdew japplikaw mill- 1 ta’ Jannar 2014.

SFOND

Informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi — leġiżlazzjoni fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea.

ATT

Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18–63)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1169/2011 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.

l-aħħar aġġornament 23.11.2015

Top