Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Il-kwalità tal-ilma għall-għawm

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Il-kwalità tal-ilma għall-għawm

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Id-Direttiva 2006/7/KE dwar l-immaniġġjar tal-kwalità tal-ilma għall-għawm

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Id-Direttiva dwar l-Ilma għall-Għawm tfittex li tiżgura li

  • tiġi mmonitorjata l-kwalità tal-ilma għall-għawm;
  • jiġu introdotti miżuri ta’ ġestjoni mtejba;
  • l-informazzjoni ssir disponibbli għall-pubbliku.

PUNTI EWLENIN

  • L-Unjoni Ewropea (UE) hija impenjata biex tipproteġi l-kwalità ambjentali u s-saħħa tal-bniedem. Għalhekk, din id-Direttiva ssaħħaħ ir-regoli li jiggarantixxu l-kwalità tal-ilma għall-għawm. Din tissupplimenta d-Direttiva 2000/60/KE dwar il-protezzjoni u l-immaniġġjar tal-ilma.
  • Din id-Direttiva ma tapplikax għall-pixxini jew għall-pixxini tal-ispas, jew għal ilmijiet konfinati maħluqa b’mod artifiċjali, soġġetti għal kura jew użati għal skopijiet terapewtiċi.

Il-monitoraġġ tal-ilma għall-għawm

  • Kull sena, il-pajjiżi tal-UE jridu jidentifikaw l-ilmijiet għall-għawm fit-territorju tagħhom u jiddefinixxu t-tul tal-istaġun tal-għawm.
  • Dawn iridu jistabbilixxu l-monitoraġġ tal-post li l-aktar jintuża mill-għawwiema jew fejn hemm l-akbar riskju ta’ tniġġis. Il-monitoraġġ irid isir permezz ta’ kampjunar:
    • tal-inqas 4 kampjuni, inkluż 1 qabel il-bidu tal-istaġun tal-għawm;
    • 3 kampjuni biss jekk l-istaġun tal-għawm ma jaqbiżx 8 ġimgħat jew jekk ir-reġjun ikun soġġett għal restrizzjonijiet ġeografiċi speċjali biss.
  • Il-pajjiżi tal-UE jridu jikkomunikaw ir-riżultati tal-monitoraġġ tagħhom lill-Kummissjoni Ewropea b’deskrizzjoni tal-miżuri tal-immaniġġjar tal-kwalità tal-ilma. Il-monitoraġġ jista’ jiġi sospiż b’mod eċċezzjonali ladarba l-Kummissjoni tkun ġiet infurmata.

Id-determinazzjoni tal-kwalità tal-ilma għall-għawm

  • Il-kwalità tal-ilma tiġi vvalutata abbażi ta’ data mikrobijoloġika definita f’konformità mal-parametri stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva. Il-klassifikazzjoni tal-ilmijiet ta’ kwalità baxxa, suffiċjenti, tajba jew eċċellenti tiġi stabbilita f’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Anness II tad-Direttiva.
  • Skont id-Direttiva, sal-aħħar tal-istaġun tal-għawm tal-2015, l-ilmijiet għall-għawm kollha fl-UE kellhom ikunu tal-inqas ta’ kwalità suffiċjenti. Barra minn hekk, il-pajjiżi tal-UE għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex itejbu n-numru ta’ ilmijiet għall-għawm ta’ kwalità tajba jew eċċellenti.
  • Jekk il-kwalità tkun baxxa, il-pajjiżi tal-UE jridu jadottaw il-miżuri neċessarji biex jimmaniġġjaw u jeliminaw it-tniġġis, u biex jipproteġu u jinfurmaw lill-għawwiema.

Il-profil tal-ilma għall-għawm

  • Id-Direttiva tipprovdi biex jiġu stabbiliti profili għal kull ilma għall-għawm. Dawn jistgħu jkopru sit individwali wieħed jew aktar minn ilma għall-għawm wieħed kontigwu. B’mod partikolari, dawn jinkludu valutazzjoni ta’:
    • il-karatteristiċi fiżiċi, ġeografiċi u idroloġiċi tal-ilma għall-għawm u ta’ ilmijiet tal-wiċċ oħrajn fiż-żona ta’ qbid;
    • it-tniġġis u s-sorsi tiegħu;
    • il-miżuri ta’ mmaniġġjar.
  • Il-profili tal-ilma għall-għawm iridu jiġu reveduti u aġġornati skont kif previst fl-Anness III tad-Direttiva.

Miżuri eċċezzjonali

  • Il-pajjiżi tal-UE jridu jadottaw miżuri eċċezzjonali jekk sitwazzjonijiet mhux mistennija jiddeterjoraw il-kwalità tal-ilmijiet jew jirrappreżentaw riskju għas-saħħa tal-għawwiema.
  • Jekk ikun hemm riskju ta’ proliferazzjoni tal-alka, irid jiġi implimentat ukoll monitoraġġ xieraq. Għalhekk, l-awtoritajiet responsabbli jridu:
    • jieħdu miżuri ta’ mmaniġġjar u jipprovdu informazzjoni immedjatament jekk ikun hemm proliferazzjoni ta’ ċjanobatterji (jew “alka kaħlanija”);
    • jivvalutaw ir-riskji tas-saħħa jekk ikun hemm proliferazzjoni ta’ makroalka u/jew fitoplankton tal-baħar.

Ilmijiet transkonfinali

  • Jekk baċin tax-xmara jkun jestendi fuq diversi territorji, il-pajjiżi tal-UE jridu jiskambjaw informazzjoni u jieħdu azzjoni konġunta.

Informazzjoni lill-pubbliku

  • L-awtoritajiet nazzjonali jridu jħallu lill-pubbliku jikseb informazzjoni u jipparteċipa fl-immaniġġjar tal-kwalità tal-ilma. Għalhekk, iċ-ċittadini jistgħu jgħaddu suġġerimenti, kummenti jew ilmenti. Dawn jistgħu wkoll jipparteċipaw fl-istabbiliment, fir-reviżjoni u fl-aġġornament ta’ listi tal-kwalità tal-ilma.
  • Barra minn hekk, il-pajjiżi tal-UE jridu jiżguraw li l-informazzjoni adegwata tinxtered b’mod attiv u li din tkun disponibbli faċilment matul l-istaġun tal-għawm. B’mod partikolari, dan jittratta:
    • il-klassifikazzjoni tal-ilma, projbizzjonijiet jew pariri kontra l-għawm;
    • deskrizzjoni ġenerali tal-ilma f’lingwaġġ mhux tekniku;
    • deskrizzjoni tan-natura u durata tat-tniġġis.
  • Id-Direttiva 2013/64/UE temenda d-Direttiva 2006/7/KE wara l-emendar tal-istatus ta’ Mayotte fir-rigward tal-UE. Franza hija l-unika destinatarja.
  • Fil-31 ta’ Diċembru 2014, id-Direttiva 2006/7/KE ħassret u ssostitwixxiet id-Direttiva 76/160/KEE.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din ilha tapplika mill-24 ta’ Marzu 2006. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sal-24 ta’ Marzu 2008.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Direttiva 2006/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2006 dwar l-immaniġġjar tal-kwalità tal-ilma għall-għawm u li tħassar id-Direttiva 76/160/KEE (ĠU L 64, 4.3.2006, p. 37-51)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2006/7/KE ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.

DOKUMENTI RELATATI

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/64/KE tal-21 ta’ Jannar 2009 li tispeċifika, skont id-Direttiva 2006/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, EN ISO 17994:2004(E) bħala l-istandard dwar l-ekwivalenza ta’ metodi mikrobijoloġiċi (ĠU L 23, 27.1.2009, p. 32)

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/321/UE tas-27 ta’ Mejju 2011 li tistabbilixxi, skont id-Direttiva 2006/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, simbolu sabiex il-pubbliku jkun infurmat dwar il-klassifikazzjoni tal-ilma għall-għawm u kwalunkwe projbizzjoni tal-għawm jew parir kontra l-għawm (ĠU L 143, 31.5.2011, p. 38-40)

l-aħħar aġġornament 22.02.2017

Top