Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
In-nutrizzjoni, il-piż żejjed u l-obeżità — Strateġija tal-UE

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

In-nutrizzjoni, il-piż żejjed u l-obeżità — Strateġija tal-UE

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

White Paper (COM(2007) 279 final) dwar kwistjonijiet ta' saħħa marbuta man-nutrizzjoni, il-piż żejjed u l-obeżità

X’INHU L-GĦAN TA' DIN IL-WHITE PAPER?

  • Il-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi approċċ integrat tal-UE lejn it-tnaqqis tal-mard minħabba n-nutrizzjoni ħażina, il-piż żejjed u l-obeżità.
  • Hija tiffoka fuq il-proponiment ta’ azzjonijiet li jistgħu jittieħdu f’livell lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE minn firxa varjata ta’ msieħba sabiex jindirizzaw din il-problema ta’ saħħa pubblika. Dawn l-azzjonijiet jikkumplimentaw u jappoġġjaw il-miżuri eżistenti fil-pajjiżi tal-UE.
  • Hija tqis b'mod speċifiku d-dimensjoni soċjoekonomika tal-kwistjoni tal-obeżità minħabba l-assoċjazzjoni tagħha ma’ gruppi aktar żvantaġġjati fis-soċjetà.

PUNTI EWLENIN

  • L-għan primarju tal-istrateġija huwa li tiġġieled l-ambjent obeżoġeniku (jiġifieri ambjent li jippromwovi ż-żieda fil-piż) u li tgħin liċ-ċittadini jnaqqsu l-imġiba ta' riskju għoli, bħan-nutrizzjoni ħażina u n-nuqqas ta’ eżerċizzju, li jwasslu għal piż żejjed u obeżità.
  • Hija tfittex li tikseb dan billi tiffoka fuq azzjonijiet li:
    • jagħtu ċ-ċans lill-konsumaturi jagħmlu għażliet infurmati sabiex jiżguraw li jkun hemm disponibbli għażliet tajbin għas-saħħa, eż. fis-supermarkits u l-kantins;
    • jinkoraġġixxu l-involviment tas-settur privat;
    • l-industrija tal-ikel (inklużi l-bejjiegħa bl-imnut) tista’ tirriformula r-riċetti tal-prodotti tagħha, b’mod partikolari billi tnaqqas il-livelli ta’ melħ, zokkor u xaħmijiet u tnaqqas u timmira l-kummerċjalizzazzjoni tagħha sabiex ma tpoġġix fil-mira lit-tfal b'mod mhux xieraq u biex tippromwovi għażliet aktar tajbin għas-saħħa;
    • dawk li jħaddmu jistgħu jinkoraġġixxu stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa (eż. il-mixi jew is-sewqan tar-rota sal-post tax-xogħol);
    • jimmotivaw lin-nies jagħmlu attività fiżika regolari billi jenfasizzaw il-benefiċċji tas-saħħa.

Sħubiji

  • L-istrateġija tenfasizza l-importanza tal-bini ta’ sħubiji madwar l-UE sabiex tittieħed azzjoni fuq il-post, jiġifieri fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali, kif ukoll fil-livell tal-UE. Dawn jinvolvu s-settur privat (eż. il-manifatturi tal-ikel, il-bejgħ bl-imnut u l-industrija tar-reklamar), is-settur tas-saħħa pubblika u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (eż. assoċjazzjonijiet sportivi, tal-konsumaturi u tas-saħħa pubblika) li jaħdmu flimkien.
  • Billi tibni fuq il-Pjattaforma ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Dieta, l-Attività Fiżika u s-Saħħa, imnedija fl-2005, l-istrateġija tipproponi li jinħolqu pjattaformi simili fil-livelli nazzjonali u subnazzjonali fil-pajjiżi tal-UE. L-involviment ta’ partijiet interessati lokali (eż. assoċjazzjonijiet u negozji żgħar) huwa fundamentali għas-suċċess tal-istrateġija minħabba li joħloq dinamika ta’ grupp u jgħaqqad kemm jista’ jkun parteċipanti flimkien, u fil-livelli kollha.
  • L-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-UE huma responsabbli:
    • għall-koordinazzjoni sabiex tiġi żgurata r-rilevanza tal-miżuri fil-qasam tas-saħħa pubblika; u
    • sabiex jinkoraġġixxu lill-mezzi tax-xandir jieħdu sehem fl-iżvilupp ta’ messaġġi u kampanji komuni.
  • Il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar is-Saħħa, in-Nutrizzjoni u l-Attività Fiżika (HLG), magħmul minn rappreżentanti tal-pajjiżi tal-UE flimkien man-Norveġja u l-Iżvizzera, jippromwovi l-iskambju ta’ prattiki tajba u ta' informazzjoni u jiżviluppa approċċi komuni volontarji.
  • l-HLG kien involut fir-riformulazzjoni ta’ ċerti prodotti tal-ikel, b’mod partikolari fir-rigward tal-melħ, ix-xaħam saturat u z-zokkor miżjud. Fl-2011, huwa qabel dwar Qafas tal-UE għal Inizjattivi Nazzjonali dwar Nutrijenti Magħżula (ibbażat fuq il-mudell ta' riformulazzjoni tal-2008 biex jitnaqqas il-melħ fl-ikel b'16 % f'4 snin). Imbagħad bdiet ħidma biex jitnaqqas ix-xaħam saturat b'5 % sal-2016 u b'5 % addizzjonali sal-2020. Fl-2015, bdiet ħidma fuq l-anness taz-zokkor miżjud biex jiġi promoss tnaqqis volontarju ta' 10 % fiz-zokkor miżjud fl-ikel ipproċessat sal-2020.
  • Fl-2016, l-HLG qabel dwar sistema ta' monitoraġġ għal inizjattivi nazzjonali ta' riformulazzjoni, li kienet stadju importanti u pass konkret biex tiġi appoġġata l-azzjoni nazzjonali. Dawn l-isforzi finalment sej kunu ta' benefiċċju għaċ-ċittadini kull darba li jixtru minn supermarkit. Ir-riżultati tal-azzjoni konġunta li tinsab għaddejja fuq in-nutrizzjoni u l-attività fiżika wkoll se jappoġġaw dan l-isforz u huma mistennija aktar żviluppi fl-2017.
  • Fl-2014, l-HLG adotta l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Obeżità fit-Tfulija 2014-2020 li għandu l-għan li jwaqqaf iż-żieda tal-obeżità fit-tfulija sal-2020. Bħalissa qed issir evalwazzjoni ta' nofs it-terminu.
  • Fl-2017, l-HLG ipparteċipa fl-abbozzar u l-ftehim dwar linji gwida għall-akkwist pubbliku għall-ikel fl-iskejjel.

Approċċ interdixxiplinari

  • Għalkemm is-saħħa pubblika hija fil-qalba tal-kwistjoni, l-istrateġija, minbarra l-enfasi tagħha fuq is-sħubiji fil-livelli kollha, tenfasizza l-fatt li l-ġlieda kontra l-piż żejjed u l-obeżità teħtieġ approċċ miftiehem li jinvolvi għadd ta’ setturi ta’ politika. Eżempji jinkludu dawn li ġejjin:
    • L-edukazzjoni: l-iżvilupp ta’ kampanji ta’ tagħrif kemm għat-tfal kif ukoll għall-adulti.
    • Il-politika tal-konsumaturi: l-għoti ta’ tagħrif ċar u komprensiv dwar l-għażliet alimentari, eż. tikkettar nutrittiv.
    • Kummerċjalizzazzjoni: id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva tinkoraġġixxi l-kummerċjalizzazzjoni responsabbli tal-ikel, b'mod partikolari għat-tfal.
    • L-isport: l-attivitajiet sportivi organizzati jsiru aktar aċċessibbli u l-inkoraġġiment ta’ parteċipazzjoni akbar f’attività fiżika.
    • L-ippjanar urban u l-mobilità attiva: l-inkoraġġiment ta’ “trasport u vjaġġar attiv”, eż. il-mixi, is-sewqan tar-rota u l-użu tat-trasport pubbliku.
    • Ir-riċerka: is-sejbien ta' aktar tagħrif dwar il-fatturi li jiddeterminaw l-għażliet alimentari u fiżiċi, b’mod partikolari fil-kuntest tal-mekkaniżmi tal-UE (Orizzont 2020) u nazzjonali ta' riċerka u finanzjament.
    • L-agrikoltura: għażliet aktar tajbin għas-saħħa bi prezz aktar raġonevoli u aktar disponibbli għall-gruppi tal-popolazzjoni kollha, speċjalment it-tfal.
    • Il-Parlament Ewropew: proġetti pilota li jappoġġaw dieti tajbin għas-saħħa fil-gruppi tal-popolazzjoni huma implimentati mid-DĠ tal-Kummissjoni għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari.

Il-kooperazzjoni internazzjonali

Il-Kummissjoni kienet qiegħda taħdem mill-qrib mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa fuq il-ħolqien ta’ dokumenti ta' referenza u repożitorju komuni dwar in-nutrizzjoni u l-attività fiżika.

Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politiki

  • Id-dejta dwar l-obeżità u l-piż żejjed tiġi mmonitorjata:
    • fil-livell makro, sabiex tinkiseb dejta koerenti u komparabbli dwar l-indikaturi universali tal-progress fil-kuntest tal-Indikaturi Bażiċi tas-Saħħa Ewropej assoċjati mad-dieta u l-attività fiżika;
    • fil-livell tal-pajjiżi, sabiex jiġu vvalutati l-attivitajiet attwali u l-impatt tagħhom;
    • fil-livell tal-azzjonijiet individwali.
  • L-attivitajiet jiġu evalwati sistematikament għall-impatt tagħhom sabiex jiġu identifikati dawk li jaħdmu sewwa.

Segwitu

Il-ħidma politika dwar it-tnaqqis tal-piż żejjed u l-obeżità fl-Ewropa qed tkompli tiffoka fuq oqsma ta' prijorità bħal:

  • it-tnaqqis tal-konsum tal-melħ, xaħam saturat, xaħmijiet trans u zokkor miżjud;
  • iż-żieda fil-konsum ta' frott u ħaxix;
  • it-tnaqqis tal-esponiment għal ikel b'kontenut għoli ta' melħ, xaħam saturat, xaħam trans u zokkor miżjud u l-impatt tiegħu fuq it-tfal;
  • l-akkwist pubbliku tal-oġġetti tal-ikel;
  • iż-żieda fl-attività fiżika u t-tnaqqis ta' imġiba sedentarja;
  • iż-żieda fir-rata tat-treddigħ esklużiv matul l-ewwel sitt xhur;
  • it-tnaqqis fl-inugwaljanzi fid-dieta u l-attività fiżika bejn il-gruppi tal-popolazzjoni.

SFOND

  • Id-dieta fqira u n-nuqqas ta' attività fiżika jaffettwaw indirettament l-istennija u l-kwalità tal-ħajja għal miljuni ta' ċittadini kif ukoll l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa. Sa 7 % tal-baġits tas-saħħa tal-UE jintnefqu kull sena fuq mard relatat mal-obeżità. Spejjeż addizzjonali jirriżultaw mit-telf tal-produttività minħabba problemi tas-saħħa u mwiet prematuri (2.8 miljun mewta fis-sena minn kawżi assoċjati mal-piż żejjed u l-obeżità).
  • 52% tal-adulti tal-UE għandhom piż żejjed jew huma obeżi u 17 % huma obeżi. L-obeżità fl-adulti hija fattur ta' riskju magħruf għal għadd ta' mard kroniku serju, inkluża d-dijabete tat-tip II, il-mard tal-qalb u xi kanċers u hija kawża ta' mewt prematura li tista' tiġi evitata.
  • L-obeżità fit-tfal tikkostitwixxi tħassib partikolari. Tifel jew tifla waħda minn kull tlieta fl-UE ta' età bejn 6 u 9 snin bħalissa għandhom piż żejjed jew huma obeżi. Din hija żieda sinifikanti mill-2008, meta tifel jew tifla waħda minn kull 4 kellhom piż żejjed jew kienu obeżi. It-tfal li għandhom piż żejjed jew huma obeżi x'aktarx ħafna li jibqgħu hekk fl-età adulta. It-tfal obeżi aktar għandhom ċans isofru minn bullying, kwistjonijiet ta' fiduċja fihom infushom, depressjoni u riżultati baxxi l-iskola.
  • Għal aktar tagħrif, ara:

DOKUMENT EWLIENI

White Paper dwar strateġija għall-Ewropa dwar kwistjonijiet ta' saħħa marbuta man-Nutriment, il-Piż Żejjed u l-Obeżità (COM(2007) 279 finali tat-30.5.2007)

DOKUMENTI RELATATI

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar in-nutrizzjoni u l-attività fiżika (ĠU C 213, 8.7.2014, p. 1-6)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-sigurtà alimentari u n-nutrizzjoni

l-aħħar aġġornament 13.03.2017

Top