EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (KE) Nru. 851/2004 li jistabbilixxi Ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-Mard

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Dan jistabbilixxi Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC).
  • Hu jissettja l-missjoni, l-istruttura, l-entitajiet u l-arranġamenti tax-xogħol tal-ECDC
  • Fl-2022, il-mandat tal-ECDC kien estiż biex ikun jista’ jipprovdi l-għarfien espert xjentifiku meħtieġ, u biex tjappoġġja miżuri għat-tħejjija għal u biex tjiġġieled kontra theddid għas-saħħa transkonfinali serju fl-Unjoni Ewropea (UE).

PUNTI EWLENIN

Missjoni u kompiti

Il-missjoni tal-ECDC hija li tidentifika, tivvaluta u tirrapporta fuq theddid emerġenti għas-saħħa umana minn mard komunikabbli u li tipprovdi rakkomandazzjonijiet għal reazzjoni fil-livell tal-UE u nazzjonali, u wkoll fil-livell reġjonali, jekk ikun hemm bżonn.

Biex tilħaq dawn l-għanijiet, hi:

  • tfittex, tiġbor, tivvaluta, u xxerred data xjentifika u teknika rilevanti;
  • tipprovdi analiżi, parir xjentifiku, opinjonijiet u appoġġ għall-attivitajiet tal-UE u tal-Istati Membri tal-UE fuq theddid għas-saħħa transkonfinali, inkluż:
    • valutazzjonijiet tar-riskju
    • analiżi tal-informazzjoni epidemjoloġika,
    • mudellar epidemjoloġiku,
    • antiċipazzjoni u tbassir,
    • rakkomandazzjonijiet għal miżuri ta’ prevenzjoni u kontroll ta’ theddid ta’ mard komunikabbli u kwistjonijiet ta’ saħħa oħra speċjali,
    • kontribuzzjonijiet għad-definizzjoni ta’ prijoritajiet tar-riċerka, u
    • assistenza xjentifika u teknika, inkluż taħriġ u attivitajiet oħra fi ħdan il-mandat tiegħu;
  • tikkoordina n-networking Ewropew ta’ entitajiet li joperaw fl-oqsma koperti mill-missjoni tagħha.
  • taqsam informazzjoni, għarfien espert u l-aħjar prattika,
  • timmonitorja l-kapaċità tas-sistemi tas-saħħa rilevanti biex jiġġestjonaw theddid ta’ mard komunikabbli u kwistjonijiet tas-saħħa oħra speċjali;
  • tiffaċilita l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi ffinanzjati minn programmi u strumenti rilevanti tal-iffinanzjar tal-UE, inkluża l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi konġunti;
  • tipprovdi linji gwida għat-trattament u l-ġestjoni tal-każijiet ta’ mard komunikabbli u kwistjonijiet tas-saħħa rilevanti oħra speċjali għas-saħħa pubblika;
  • tappoġġja rispons għal epidemija u tifqigħa ta’ marda fi Stati Membri, u pajjiżi mhux tal-UE, biex jikkumplimentaw strumenti oħra ta’ rispons ta’ emerġenza, b’mod partikolari il-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE
  • tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ tħejjijataħt ir-regolamenti internazzjonali tas-saħħa f’pajjiżi mhux tal-UE, b’mod partikolari f’pajjiż sieħba tal-UE.
  • tipprovdi, fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea jew il-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa (HSC), messaġġi bbażati fuq evidenza lill-pubbliku fuq mard komunikabbli, it-theddid li dawn huma għas-saħħa, u miżuri rilevanti ta’ prevenzjoni u kontroll.

l-obbligazzjonijiet tal-Istati Membri

L-Istati Membri għandhom fil-pront:

  • jaqsmu mal-ECDC, skont regoli mifthiema, data fuq is-sorveljanza ta’ mard komunikabbli u kwistjonijiet tas-saħħa speċjali oħra u data u informazzjoni xjentifika u teknika disponibbli rilevanti lill-missjoni tal-ECDC.
  • jinfurmaw lill-ECDC dwar kwalunkwe theddid għas-saħħa transkonfinali serju hekk kif isiru jafu bih, permezz tas-sistemi ta’ twissija bikrija u rispons, u jinformawh dwar miżuri ta’ rispons li ttieħdu.
  • jidentifikaw entitajiet kompetenti rikonoxxuti u esperti tas-saħħa pubblika li jistgħu jkunu disponibbli biex jassistu f’reazzjonijiet tal-UE għal theddid għas-saħħa.

Networks dedikati u attivitajiet ta’ networking

L-ECDC

  • tappoġġja attivitajiet ta’ networking billi tipprovdi koordinazzjoni u għarfien espert tekniku u xjentifiku lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri u billi topera n-networks dedikati;
  • tiżgura li l-operazzjoni integrata tan-network għas-sorveljanza epidemijoloġika ta’ mard komunikabbli u kwistjonijiet tas-saħħa speċjali relatati;
  • tappoġġja x-xogħol tal-HSC, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u strutturi oħra tal-UE għall-koordinazzjoni tar-reazzjonijiet għal theddid għas-saħħa transkonfinali serju
  • permezz tan-network tas-sorveljanza epidemijoloġika
    • timmonitorja u tirrapporta fuq xejriet fil-mard komunikabbli matul iż-żmien u fl-Istati Membri kollha u f’pajjiżi mhux tal-UE.
    • tikxef, timmonitorja u tirrapporta fuq theddid għas-saħħa transkonfinali serju,
    • tikkontribwixxi għall-evalwazzjoni u l-monitoraġġ ta’ programmi ta’ prevenzjoni u kontroll ta’ mard komunikabbli;
    • timmonitorja u tassessja l-kapaċità tas-sistemi tas-saħħa għad-djanjosi, il-prevenzjoni u t-trattament ta’ mard komunikabbli speċifiku u s-sikurezza tal-pazjenti,
    • tidentifika sezzjonijiet tal-popolazzjoni f’riskju u li għandhom bżonn miżuri ta’ prevenzjoni immirata u ta’ reazzjoni, u tiżgura li dawk il-miżuri jkunu aċċessibbli għan-nies b’diżabilità,
    • tikkontribwixxi għall-assessjar tal-piż ta’ mard komunikabbli fuq il-popolazzjoni bl-użu ta’ data, u tiżgura li din id-data tkun diżaggregata fuq età, sess u diżabilità,
    • tagħmel mudellar epidemjoloġiku, antiċipazzjoni u żvilupp tax-xenarju għar-reazzjoni u tikkoordina dawn l-isforzi bil-għan li tixxerja l-aħjar prattiċi u ttejjeb l-kapaċità tal-mudellar madwar l-UE kollha,
    • tidentifika l-fatturi ta’ riskju għat-trażmissjoni tal-mard, il-gruppi l-iktar f’riskju u l-bżonnijiet u l-prijoritajiet ta’ riċerka u bżonnijiet;
  • tiżgura l-operazzjoni ta’:
    • n-network ta’ laboratorju ta’ referenza tal-UEgħad-djanjosi, l-identifkazzjoni u l-karatteristkazzjoni ta’ aġenti infettivi li jistgħu jippreżentaw theddid għas-saħħa pubblika.
    • In-network ta’ servizzi tal-Istati Membri li jappoġġjaw it-trasfużjoni u r-riproduzzjoni assistita medikament biex tippermetti aċċess kontinwu u rapidu għal-seroepidemjoloġiku* data via stħarriġ seroepidemjoloġiku fi ħdan il-popolazzjoni.

L-Istati Membri jinnominaw korp kompetenti ta’ koordinazzjoni u jappuntaw punt fokali nazzjonali u punti ta’ kuntatt operazzjonali bħala rilevanti għall-funzjonijiet tas-saħħa pubblika, inkluża s-sorveljanza epidemijoloġika, u gruppi varji a’ mard u mard individwali. Dawn il-punti fokali jiffurmaw networks li jagħtu pariri lill-ECDC strateġikament.

Attivitajiet imsaħħa

Fost affarijiet oħra, Regolament Emendatorju (UE) 2022/2370 jintroduċi artikoli li huma speċifikament dwar kif l-ECDC ser:

  • tappoġġja lill-Istati Membri biex isaħħu s-sistemi ta’ prevenzjoni u kontroll ta’ mard komunikabbli;
  • tipprovdi għarfien espert xjentifiku u tekniku fil-qasam ta’ tħejjija u ippjanar ta’ reazzjoni
  • tiżgura li l-valutazzjoni ta’ lakuni ta’ tħejjija u twettaq il-valutazzjoni tal-ippjanar tal-prevenzjoni, it-tħejjija u r-reazzjoni konformi ma’ Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2022/2371 dwar theddid għas-saħħa transkonfinali serju (ara sommarju;
  • tiżviluppa indikaturi komuni rilevanti għal proċeduri ta’ ġbir ta’ data standardizzata u valutazzjonijiet tar-riskju u tipprovdi dawk il-valutazzjonijiet fil-ħin;
  • tistabbilixxi Task Force tal-UE għas-Saħħa u tiżgura li hemm kapaċità permanenti u kapaċità tal-emerġenza imsaħħa biex timmobilizzaha u tużaha; u
  • tappoġġja koordinazzjoni tar-reazzjoni fl-HSC, kif riferut f’Regolament (UE) 2022/2371 fuq theddid għas-saħħa transkonfinali serju.

Struttura

L-ECDC hija magħmula mis-segwenti.

  • Bord tal-ġestjoni li jiżgura li l-ECDC taqdi l-missjoni u l-kompiti tagħha u billi tadotta l-programm tax-xogħol u r-regoli finanzjarji tiegħu. Il-bord huwa magħmul minn:
    • membru għal kull Stat Membru, kif ukoll membru għall-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja,
    • żewġ membri maħturin mill-Parlament Ewropew; u
    • tliet membri li jirrappreżentaw u li huma maħtura mill-Kummissjoni.
  • Direttur, megħjun minn persunal ta’ ġewwa żgħir. Id-direttur huwa responsabbli għall-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-ECDC billi jfassal u jimplimenta l-programm tax-xogħol tiegħu.
  • Forum ta’ konsulenza kompost minn rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonalirilevanti. Dan iservi bħala mekkaniżmu għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar theddid għas-saħħa u l-ġbir ta’ għarfien.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilha tapplika mid-20 ta’ Mejju 2004.

SFOND

L-ECDC ilha taħdem minn Mejju 2005 u hija bbażata fi Stokkolma, l-Isvezja.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Seroepidemjoloġiku. Stħarriġ seroepidemjoloġiku bbażat fuq id-distribuzzjoni ta’ antikorpi tas-serum tad-demm f’popolazzjonijiet ta’ individwi.

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Regolament (KE) Nru.851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard (ĠU L 142, 30.4.2004, pp. 1-11).

Regolament (UE) 2022/2370 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 851/2004 li jistabbilixxi ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard (ĠU L 314, 6.12.2022, pp. 1-25).

DOKUMENTI RELATATI

Regolament (UE) Nru 2022/2371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar theddid għas-saħħa transkonfinali serju u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE (ĠU L 314, 6.12.2022, pp. 26-63).

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 924-947).

Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 1313/2013 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 29.11.2022

Top