Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (KE) Nru 1920/2006 li jistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga

SOMMARJU

X’JAGĦMEL DAN IR-REGOLAMENT?

Dan ifassal mill-ġdid ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 302/93 dwar l-istabbiliment taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA) sabiex jestendi r-rwol tiegħu għax-xejriet il-ġodda fl-użu tad-droga, speċjalment l-użu ta’ drogi flimkien (meta drogi illeċiti jittieħdu flimkien ma’ drogi legali jew mediċina).

PUNTI EWLENIN

Iċ-ċentru huwa responsabbli sabiex jipprovdi lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-pajjiżi tal-UE b’data oġġettiva, affidabbli u komparabbli dwar id-drogi u d-dipendenza fuq id-droga.

L-EMCDDA joffri lil dawk li jfasslu l-politika d-data li jeħtieġu sabiex ifasslu liġijiet u strateġiji infurmati dwar id-drogi. Jipprovdi wkoll lill-professjonisti u l-prattikanti b’eżempji tal-aħjar prattiki u oqsma ġodda ta’ riċerka dwar id-drogi u l-konsegwenzi tad-dipendenza fuq id-droga.

Kompiti ewlenin

L-objettivi ewlenin tal-EMCDDA huma li:

  • jiġbor u janalizza data eżistenti dwar id-drogi u d-dipendenza fuq id-droga fl-UE u f’pajjiżi mhux tal-UE li jikkollaboraw,
  • iqabbel id-data sabiex jgħin fl-evalwazzjoni tal-politiki nazzjonali u tal-UE dwar id-drogi,
  • ixerred data u informazzjoni dwar l-istat tas-sitwazzjoni tad-drogi, inkluża data dwar xejriet li jkunu qed jiżviluppaw,
  • jikkoopera ma’ aġenziji tal-UE bħall-Europol u l-Eurojust jew aġenziji speċjalizzati tan-Nazzjonijiet Uniti bħall-UNODC (Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità).

Oqsma ta’ prijorità

Iċ-ċentru jiffoka l-azzjoni tiegħu fuq:

  • il-monitoraġġ tal-istat tas-sitwazzjoni tad-droga u xejriet li jkunu qed jiżviluppaw, b’mod partikolari dawk li jinvolvu l-użu ta’ drogi flimkien,
  • il-monitoraġġ tas-soluzzjonijiet applikati għal problemi relatati mad-drogi u l-faċilitazzjoni tal-iskambji tal-aħjar prattika fost il-pajjiżi tal-UE,
  • iż-żamma ta’ sistema ta’ twissija bikrija u l-valutazzjoni tar-riskji ta’ sustanzi psikoattivi ġodda*,
  • l-iżvilupp ta’ għodod sabiex jgħinu lill-Kummissjoni Ewropea u lill-pajjiżi tal-UE jwettqu monitoraġġ u jevalwaw il-politiki rispettivi tagħhom dwar id-drogi.

In-Netwerk Reitox

Sabiex jikseb il-kompitu ewlieni tiegħu li jipprovdi informazzjoni soda u komparabbli dwar id-drogi, l-EMCDDA żviluppa għodda speċifika sabiex jiġbor id-data dwar il-pajjiżi b’mod armonizzat permezz tan-netwerk Reitox.

Reitox jikkollega sistemi ta’ informazzjoni nazzjonali dwar id-droga u huwa l-mezz ewlieni li permezz tiegħu l-EMCDDA jiskambja data u informazzjoni metodoloġika dwar id-drogi u d-dipendenza fuq id-droga fl-UE.

Id-data miġbura permezz tan-netwerk Reitox tintuża wkoll sabiex:

  • jitwettaq monitoraġġ tal-implementazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar id-drogi;
  • tgħin fl-iżvilupp ta’ rakkomandazzjonijiet għal reazzjonijiet nazzjonali xierqa sabiex jiġu organizzati t-trattament, il-prevenzjoni u attivitajiet ta’ tnaqqis tal-ħsara.

In-netwerk jikkonsisti f’punt fokali wieħed għal kull pajjiż tal-UE parteċipanti li jipparteċipa fl-EMCDDA u punt fokali għall-Kummissjoni.

Organizzazzjoni u funzjonament

Iċ-ċentru huwa bbażat f’Lisbona (il-Portugall). Dan jikkonsisti minn Bord Amministrattiv, li huwa megħjun minn Kumitat tal-Baġit, Kumitat Eżekuttiv u Kumitat Xjentifiku, li jagħti opinjonijiet dwar kwalunkwe aspett xjentifiku tal-attivitajiet taċ-ċentru.

L-EMCDDA iżomm rabtiet mill-qrib mal-punti fokali nazzjonali tan-netwerk Reitox u ma’ organizzazzjonijiet sħab oħrajn.

L-EMCDDA iwettaq il-kompiti tiegħu b’konformità ma’ strateġija fuq tliet snin li tiddefinixxi l-objettivi ewlenin tal-ħidma tiegħu għal dan il-perjodu speċifiku. L-istrateġija u l-programm ta’ ħidma tiegħu għall-2016–2018 għandhom l-għan li jikkontribwixxu għal Ewropa aktar sikura u b’saħħitha. Dawn jiffokaw fuq tliet oqsma ta’ azzjoni ewlenin:

  • il-komunikazzjoni tal-evidenza u l-iskambju tal-għarfien: dan jinkludi prodotti (eż. gwidi, studji, eċċ.) u servizzi (bħal pariri) li l-EMCDDA se jipprovdi matul il-perjodu 2016-2018, kif ukoll attivitajiet ta’ taħriġ għal partijiet interessati u msieħba (bħal akkademiċi);
  • twissija bikrija u valutazzjoni tat-theddid abbażi tal-komponent ta’ monitoraġġ tal-EMCDDA: dan jinkludi s-Sistema ta’ Twissija Bikrija tal-UE u l-valutazzjoni tar-riskju ta’ drogi ġodda, u xejriet u theddidiet li qed jiżviluppaw;
  • analiżi tas-sitwazzjoni, ir-reazzjonijiet u x-xejriet: din għandha l-għan li tipprovdi stampa ġenerali annwali aġġornata tad-domanda u l-provvista tad-drogi, flimkien ma’ informazzjoni dwar id-diversi reazzjonijiet biex jiġi evitat l-użu, titnaqqas il-ħsara jew biex l-utenti tad-drogi bil-problemi jiġu trattati u megħjuna fl-irkupru u r-riintegrazzjoni soċjali.

Tliet oqsma trasversali jikkomplementaw l-oqsma ta’ azzjoni ewlenin:

  • il-ġbir u l-ġestjoni tal-informazzjoni,
  • l-assigurazzjoni tal-kwalità tal-attivitajiet kollha (eż. attivitajiet xjentifiċi) u
  • il-kooperazzjoni ma’ msieħba fil-livell tla-UE u fil-livell mhux tal-UE (organizzazzjonijiet internazzjonali u pajjiżi mhux tal-UE).

Programmi ta’ ħidma annwali speċifiċi wkoll huma pprovduti bħala parti mill-istrateġija tal-aġenzija fuq tliet snin.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Huwa daħal fis-seħħ fis-16 ta’ Jannar 2007.

SFOND

L-EMCDDA ġie stabbilit fl-1993. Inawgurat f’Lisbona fl-1995, huwa wieħed mill-aġenziji deċentralizzati tal-UE. Fl-2015, huwa kkommemora 20 sena ta’ monitoraġġ tas-sitwazzjoni tad-drogi fl-Ewropa.

TERMINI EWLENIN

* Sustanzi psikoattivi: sustanzi li meta jinbelgħu jaffettwaw il-proċessi mentali tal-persuna.

ATT

Regolament (KE) Nru 1920/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 1-13)

l-aħħar aġġornament 03.02.2016

Top