EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-protezzjoni taż-żgħażagħ fuq ix-xogħol

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Id-Direttiva 94/33/KE – protezzjoni taż-żgħażagħ fuq ix-xogħol

X'INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Hija tistabbilixxi rekwiżiti minimi sabiex tiggarantixxi titjib fis-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema żgħażagħ.

PUNTI EWLENIN

  • Id-direttiva tapplika għaż-żgħażagħ kollha li għandhom inqas minn 18-il sena li kellhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg definita bil-liġi fis-seħħ f'pajjiż tal-Unjoni Ewropea (UE) u/jew soġġett għal-liġi fis-seħħ f'pajjiż tal-UE.
  • Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jistipulaw li d-direttiva mhijiex applikabbli għal xogħol okkażjonali jew xogħol ta' perjodu qasir f’servizz domestiku f’dar privata jew għal xogħol f’negozju tal-familja li mhuwiex meqjus li probabbli jikkawża ħsara, korriment jew ipoġġi fil-periklu lil żgħażagħ.
  • Id-direttiva tipprovdi li l-pajjiżi tal-UE jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jipprojbixxu l-impjieg ta’ tfal u għandhom jiżguraw li l-impjiegi tal-adolexxenti jiġi kkontrollat b’mod strett u jiġi protett skont il-kundizzjonijiet li hemm ipprovdut għalihom fid-direttiva.
  • Id-direttiva tiddefinixxi lil kategoriji ta’ żgħażagħ kif ġej:
    • żgħażagħ: żgħażagħ li għandhom inqas minn 18-il sena;
    • tfal: żgħażagħ li għandhom inqas minn 15-il sena jew li għadhom f’edukazzjoni obbligatorja full-time skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali;
    • adolexxenti: żgħażagħ li għandhom bejn il-15 u t-18-il sena li ma għadhomx f’edukazzjoni obbligatorja full-time skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali.
  • L-għan ewlieni tad-direttiva huwa li tipprojbixxi l-impjieg tat-tfal.
  • Madankollu, id-direttiva tippermetti lill-pajjiżi tal-UE sabiex jistipulaw, soġġett għal ċerti kundizzjonijiet, li l-projbizzjoni tal-impjieg tat-tfal mhijiex applikabbli għal:
    • tfal impjegati għal għanijiet ta’ attivitajiet kulturali, artistiċi, sportivi jew reklamar, soġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti f’kull każ speċifiku;
    • tfal li għandhom 14-il sena u aktar li jaħdmu f’intrapriża bħala parti minn skema ta’ xogħol/taħriġ jew apprendistat, diment li dan ix-xogħol isir skont ir-rekwiżiti stabbiliti mill-awtorità kompetenti;
    • tfal li għandhom 14-il sena jew li jkunu qed jagħmlu wisq xogħol ħafif minn dak li hemm riferut fl-ewwel punt fuq; madankollu, tfal li għandhom aktar minn 13-il sena jistgħu jwettqu xogħol ħafif għal numru limitat ta’ sigħat fil-ġimgħa f’kategoriji ta’ impjiegi definiti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.
  • Id-direttiva tinkludi dispożizzjonijiet relatati ma’:
    • l-obbligi ġenerali ta’ min iħaddem, bħall-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà taż-żgħażagħ, il-valutazzjoni tar-riskji għaż-żgħażagħ assoċjata max-xogħol tagħhom, il-valutazzjoni u l-monitoraġġ tas-saħħa taż-żgħażagħ, informazzjoni dwar iż-żgħażagħ u r-rappreżentanti legali tat-tfal dwar ir-riskji possibbli għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom;
    • tipi ta’ impjiegi li ma għandhomx jitwettqu minn żgħażagħ, bħal xogħol li jeċċedi l-kapaċitajiet mentali jew fiżiċi taż-żgħażagħ, xogħol li jinvolvi espożizzjoni ta’ ħsara għal sustanzi perikolużi.
  • Id-Direttiva 2014/27/UE tallinja d-Direttiva 94/33/KE mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 li stabbilixxa sistema ġdida għall-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet fl-UE, abbażi tas-Sistema Armonizzata Globalment tal-Klassifikazzjoni u t-Tikkettar ta’ Sustanzi Kimiċi (GHS) f’livell internazzjonali. Barra minn hekk, id-Direttiva 2014/27/UE tissostitwixxi r-referenzi għad-Direttivi revokati (90/679/KEE u 90/394/KEE) li huma sostitwiti b’referenzi għad-dispożizzjonijiet relevanti tad-Direttiva 2000/54/KE u d-Direttiva 2004/37/KE.
  • Id-Direttiva 94/33/KE fiha dispożizzjonijiet dwar is-sigħat ta’ xogħol, xogħol bil-lejl, perjodi ta’ serħan, liv annwali u pawżi ta’ serħan.
  • Kull pajjiż tal-UE huwa responsabbli għad-definizzjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. Dawn il-miżuri għandhom ikunu effettivi u proporzjonati għall-offiża.
  • Id-direttiva fiha klawsola ta’ non-rigressjoni dwar il-livell ta’ protezzjoni għaż-żgħażagħ.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mid-9 ta' Settembru 1994. Il-pajjiżi tal-EU kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sat-22 ta' Ġunju 1996.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kunsill 94/33/KE tat-22 ta' Ġunju 1994dwar il-protezzjoni taż-żgħażagħ fuq ix-xogħol(ĠU L 216, 20.8.1994, p. 12-20)

L-emendi suċċesivi tad-Direttiva 94/33/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta' valur dokumentarju.

DOKUMENTI RELATATI

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 94/33/KE dwar il-protezzjoni taż-żgħażagħ fuq ix-xogħol (COM(2004) 105 finali, 16.2.2004)

Rapport mill-Kummissjoni dwar l-effetti tal-perjodu tranżitorju mogħti lir-Renju Unit dwar ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 94/33/KE dwar il-protezzjoni taż-żgħażagħ fuq ix-xogħol (COM(2000) 457 finali, 20.7.2000)

l-aħħar aġġornament 05.12.2016

Top