Help Print this page 
Title and reference
Espożizzjoni għal sustanzi kimiċi

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Espożizzjoni għal sustanzi kimiċi

Din id-direttiva tistabbilixxi rekwiżiti minimi sabiex jiġu protetti ħaddiema minn riskji għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom mill-effetti ta' kimiċi li jistgħu jiltaqgħu magħhom waqt li jkunu qed iwettqu xogħolhom. Tistabbilixxi valuri tal-limitu tal-espożizzjoni u miżuri preventivi.

ATT

Id-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE tas-7 ta' April 1998 dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom x'jaqsmu mal-aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol (l-erbatax-il Direttiva individwali fit-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE).

SOMMARJU

KAMP TA' APPLIKAZZJONI

Id-Direttiva 98/24/KE tapplika għal ħaddiema esposti għal sustanzi kimiċi perikolużi meta d-dispożizzjonijiet tagħha huma aktar favorevoli minn dawk tad-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni.

Id-Direttiva Qafas 89/391/KEE, li tistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji ta' saħħa u sigurta' minn sustanzi kimiċi, tapplika b'mod sħiħ, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet li huma l-aktar stretti jew speċifiċi f'din id-Direttiva.

Wara l-approvazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 dwar il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ ta' sustanzi u taħlitiet, kien meħtieġ li d-direttiva tal-1998, u erbgħa oħrajn, jiġu allinjati ma' dawk id-dispożizzjonijiet il-ġodda. It-tibdiliet ġew inkorporati fid-Direttiva 2014/27/UE. Din tidentifika kimiċi perikolużi u tinforma lill-utenti dwar ir-riskji relatati permezz ta' simboli standard u formolazzjoni ta' kliem fuq it-tikketti tal-pakkett u l-folji tad-dejta tas-sikurezza standard.

OBBLIGI TA' MIN IĦADDEM

Valutazzjoni tar-riskju

Min iħaddem għandu jistabbilixxi jekk hemmx preżenti kwalunkwe sustanza kimika perikoluża u, jekk dan ikun minnu, jivvaluta r-riskji għas-saħħa u s-sigurtà li jistgħu joħolqu. Din il-valutazzjoni għandha tinżamm aġġornata.

Il-prevenzjoni tar-riskji

Min iħaddem għandu jieħu l-miżuri preventivi neċessarji sabiex jelimina jew inaqqas ir-riskji għall-minimu. Għandu jipprovdi apparat xieraq u għandu jnaqqas it-tul ta' kwalunkwe espożizzjoni u għandu jiżgura maniġġ, ħżin u trasport bla perikolu ta' sustanzi kimiċi perikolużi. Fejn possibbli, is-sustanzi kimiċi jew il-proċessi għandhom jiġu sostitwiti b'dawk inqas perikolużi.

Il-leġiżlazzjoni tipprovdi għall-istabbiliment ta' valuri tal-limitu ta' espożizzjoni okkupazzjonali indikattivi.

Indirizzar tal-aċċidenti, inċidenti u emerġenzi

Min iħaddem għandu jfassal pjanijiet ta' azzjoni sabiex tittieħed azzjoni xierqa, inkluż dik li jiġu informati dawk ikkonċernati, meta jseħħ aċċident. Dawn għandhom ikunu akkompanjati b'eżerċizzji tas-sigurtà regolari u b'faċilitajiet tal-ewwel għajnuna.

Informar lill-ħaddiema u taħriġ għalihom

Min iħaddem għandu jipprovdi lill-ħaddiema b'riżultati ta' valutazzjonijiet tar-riskji, informazzjoni dwar sustanzi kimiċi perikolużi fuq il-post u l-valuri tal-limitu tal-espożizzjoni okkupazzjonali relevanti. Għandhom jipprovdu wkoll taħriġ u dettalji dwar il-prekawzjonijiet xierqa li għandhom jittieħdu.

DISPOŻIZZJONIJIET MIXXELLANJI

Projbizzjonijiet

Id-direttiva tipprojbixxi l-produzzjoni, il-manifattura jew l-użu ta' ċerti kimiċi. Dawn huma stabbiliti fl-Anness III. Eżenzjonijiet huma permessi taħt ċerti ċirkostanzi bħal riċerka xjentifika u ttestjar. F'każijiet bħal dawn, l-impjegaturi għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet bl-informazzjoni dwar il-kwantitajiet li għandhom jintużaw u n-numru ta' ħaddiema li probabbli jkunu involuti.

Monitoraġġ tas-saħħa

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jorganizzaw monitoraġġ xieraq għas-saħħa għall-ħaddiema li s-saħħa tagħhom tista' tkun f'riskju. Hemm bżonn ta' rekords dwar is-saħħa u dwar l-espożizzjonijiet tal-individwu.

Dispożizzjonijiet finali

Il-pajjiżi tal-UE jirrapportaw lill-Kummissjoni kull 5 snin dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri varji.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE

25.5.1998

5.5.2001

ĠU L 131 tal-5.5.1998

Att(i) li Jemenda(w)

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Direttiva 2007/30/KE

28.6.2007

31.12.2012

ĠU L 165 tas-27.6.2007

Direttiva 2014/27/UE

25.3.2014

1.6.2015

ĠU L 65 tal-5.3.2014

ATTI RELATATI

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (Ġurnal Uffiċjali L 183 tad-29.6.1989).

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/58/KEE tal-24 ta' Ġunju 1992 dwar il-ħtiġijiet minimi għall-provvista ta' sinjali tas-sigurtà u/jew tas-saħħa fuq ix-xogħol (id-disa' direttiva individwali skont it-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (Ġurnal Uffiċjali L 245 tas-26.8.1992).

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta' mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar direttiva individwali skont it-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (Ġurnal Uffiċjali 348 tat-28.11.1992).

Id-Direttiva tal-Kunsill 94/33/KE tat-22 ta' Ġunju 1994 dwar il-protezzjoni taż-żgħażagħ fuq ix-xogħol (Ġurnal Uffiċjali L 216 tal-20.8.1994).

Id-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati ma' l-esposizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (is-sitt direttiva individwali skont it-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (verżjoni kodifikata) (Ġurnal Uffiċjali L 158 tat-30.4.2004).

Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (Ġurnal Uffiċjali L 353 tal-31.12.2008).

L-aħħar aġġornament: 05.05.2014

Top