EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Espożizzjoni għal sustanzi karċinoġeni, mutaġeni jew tossiċi għar-riproduzzjoni fuq il-post tax-xogħol

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2004/37/KE — il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati ma’ l-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Id-direttiva tistabbilixxi regoli tal-Unjoni Ewropea (UE) dwar ir-rekwiżiti minimi għall-protezzjoni tal-ħaddiema kontra r-riskji għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom li jinħolqu, jew li x’aktarx jinħolqu, mill-espożizzjoni għal karċinoġeni*, mutaġeni* jew sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni* (CMRs) fuq il-post tax-xogħol, inkluż il-prevenzjoni ta’ tali riskji.
  • Hija tistabbilixxi rekwiżiti minimi partikolari u valuri ta’ limiti f’dan il-qasam.
  • Hija ġiet emendata bosta drabi, l-iktar reċenti fl-2022 mid-Direttiva (UE) 2022/431, li ġabet is-sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni taħt l-iskop u żiedet jew emendat il-valuri ta’ limiti għall-espożizzjoni għal ċerti karċinoġeni u mutaġeni.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

  • Id-direttiva tapplika għal sustanza jew għal taħlita li tilħaq il-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala kategorija 1A jew 1B karċinogenu, il-kategorija 1A jew 1B ta’ mutaġen taċ-ċelloli ġerminali jew il-kategorija 1A jew 1B tat-tossikanti riproduttivi stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 (ara s-sommarju).
  • Barra minn hekk, tapplika għal sustanza, taħlita jew proċess karċinoġeniku msemmi fl-Anness I tad-direttiva, kif ukoll għal sustanza jew taħlita rilaxxata bi proċessi msemmijA f’dak l-anness:
    • manifattura ta’ auramine;
    • xogħol li jinvolvi espożizzjoni għal idrokarboni poliċikliċi aromatiċi li hemm fin-nugrufun tal-faħam, qatran tal-faħam jew żift tal-qatran;
    • xogħol li jġib miegħu espożizzjoni għal trabijiet, dħaħen u raxx mix-xiwi u elettro-raffinar ta’ kupru-nikil f’temperaturi għolja;
    • proċessi aċidużi qawwija fil-manifattura ta’ alkaħol isopropil;
    • xogħol li jinvolvi esponiment għal trabijiet ta’ injam iebes;
    • xogħol li jiġġenera trab tas-silika kristallina respirabbli;
    • xogħol li jinvolvi espożizzjoni tal-ġilda għal żjut minerali li ntużaw qabel il-magni ta’ kombustjoni interna biex jillubrikaw u jkessħu komponenti li jiċċaqilqu fi ħdan il-magna;
    • xogħol li jinvolvi espożizzjoni għal emissjonijiet tal-egżost ta’ magna diesel.
  • Din ma tapplikax għal ħaddiema esposti biss għar-radjazzjoni koperta mit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.
  • Din tapplika għal ħaddiema esposti għall-asbestos meta r-regoli tiegħu huma aktar favorevoli għas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol minn dawk tad-Direttiva 2009/148/KE (ara s-sommarju).
  • Id-Direttiva 89/391/KEE (ara s-sommarju) tapplika bis-sħiħ, mingħajr preġudizzju għal regoli iktar strinġenti u/jew speċifiċi li qegħdin fid-Direttiva 2004/37/KE.

Determinazzjoni tal-espożizzjoni u l-valutazzjoni tar-riskji

  • Fil-każ ta’ kwalunkwe attività li x’aktarx tinvolvi riskju ta’ espożizzjoni għal CMRs, in-natura, il-grad u t-tul tal-espożizzjoni tal-ħaddiema għandhom jiġu determinati fuq bażi regolari sabiex jiġi evalwat kwalunkwe riskju għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema u jiġu deċiżi l-passi li għandhom jittieħdu. Għandhom jitqiesu r-rotot kollha ta’ espożizzjoni, inkluż l-assorbiment fi u/jew mill-ġilda.
  • Għandha tingħata attenzjoni lil ħaddiema li qegħdin f’riskju partikolari u min iħaddem għandu jikkunsidra li ma jħaddimhomx f’żoni fejn jistgħu jiġu f’kuntatt ma’ CMRs.
  • Min iħaddem jeħtieġ li jissupplixxi l-awtoritajiet bl-informazzjoni li tintuza sabiex isir l-assessjar tar-riskju meta jintalab.

Obbligi ta’ min iħaddem

  • Tnaqqis u sostituzzjoni. Min iħaddem jeħtieġ li jnaqqas l-użu tas-CMRs fuq il-post tax-xogħol, b’mod partikolari billi jissostitwixxihom, jekk dan ikun teknikament possibbli, minn sustanza, taħlita jew proċess li taħt il-kundizzjoni tal-użu tiegħu ma jkunx ta’ periklu jew li jkun inqas ta’ periklu għas-saħħa tal-ħaddiema jew tas-sigurtà.
  • Prevenzjoni u tnaqqis tal-espożizzjoni. Meta l-ivvalutar tar-riskju jiżvela riskju għas-saħħa u għas-sigurtà tal-ħaddiema, l-espożizzjoni tal-ħaddiema teħtieġ li tiġi evitata. Meta ma jkunx teknikament possibbli li CMR jiġi sostitwit minn sustanza li m’hijiex ta’ periklu jew li hija ta’ inqas periklu, min iħaddem għandhu jassigura li l-CMR huwa, jekk teknikament possibbli, immanifatturat u użat f’sistema magħluqa. Jekk dan ma jkunx teknikament possibbli, min iħaddem għandu jiżgura li l-livell ta’ espożizzjoni għal CMRs jkun baxx kemm jista’ jkun teknikament possibbli.
  • Meta ma jkunx possibbli li jintuża jew li jiġi manifatturat sustanza tossika għar-riproduzzjoni b’limitu f’sistema magħluqa, min iħaddem għandu jassigura li r-riskju relatat mal-espożizzjoni tal-ħaddiema għal dik is-sustanza tiġi mnaqqsa sa ammont minimu. Dan japplika wkoll għal sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni għajr għal dawk b’limitu, li min iħaddem, meta jwettaq il-valutazzjoni tar-riskju, jeħtieġ li jikkunsidra l-possibilità li ma jkun hemm l-ebda livell sigur ta’ espożizzjoni għas-saħħa tal-ħaddiema u ser jistabbilixxi miżuri xierqa f’dan ir-rigward.
  • L-espożizzjoni għal CMR ma għandhiex taqbeż il-valuri tal-limiti stabbiliti fl-Anness III.
  • Meta jintużaw is-CMRs, id-direttiva telenka serje ta’ miżuri li min iħaddem għandu japplikahom kollha (limitu fuq il-kwantitajiet użati, limitu tan-numru ta’ ħaddiema esposti, it-tfassil tal-proċessi tax-xogħol, eċċ).

Informazzjoni għall-awtorità responsabbli

  • Fejn ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju juru riskju għas-saħħa jew għas-sigurtà tal-ħaddiema, min iħaddem jeħtieġ li, meta jintalab mill-awtoritajiet responsabbli, jagħtihom l-informazzjoni disponibbli dwar:
    • in-numru ta’ ħaddiema esposti;
    • il-miżuri preventivi li ttieħdu; u
    • l-attivitajiet u/jew il-proċessi industrijali li twettqu, inkluż ir-raġunijiet għalfejn is-CMRs qed jintużaw.

Espożizzjoni imprevedibbli

  • Fil-każ ta’ inċidenti jew aċċidenti imprevedibbli li x’aktarx iwasslu għal ħaddiema li jkunu esposti b’mod anormali, min iħaddem għandu jinforma lill-ħaddiema tiegħu.
  • Sakemm is-sitwazzjoni terġa’ lura għan-normal permezz tal-eliminazzjoni tal-kawżi tal-espożizzjoni anormali, dawk il-ħaddiema li huma essenzjali biex iwettqu t-tiswija jew xogħol ieħor meħtieġ biss għandhom jitħallew jaħdmu fiż-żoni affettwati. F’dawn is-sitwazzjonijiet:
    • ilbies protettiv u tagħmir personali protettiv respiratorju għandu jintlibes;
    • l-espożizzjoni tista’ ma tkunx permanenti u tista’ tinżamm għal minimu strett ta’ ħin meħtieġ għal kull ħaddiem; u
    • ħaddiema mhux protetti mhux ser jitħallew jaħdmu fiż-żoni affettwati.

Espożizzjoni prevedibbli

  • Fejn ikun hemm riskju prevedibbli ta’ żieda sinifikanti ta’ espożizzjoni, pereżempju waqt xogħol ta’ manteniment, u ladarba l-miżuri tekniċi preventivi l-oħra kollha li jillimitaw l-espożizzjoni tal-ħaddiema jkunu ttieħdu, min iħaddem jeħtieġ li jnaqqas it-tul ta’ żmien tal-espożizzjoni tal-ħaddiema għal minimu strett u jassigura l-protezzjoni tagħhom billi jipprovdi l-ilbies protettiv meħtieġ, kif ukoll tagħmir protettiv respiratorju individwali li l-ħaddiema jkollhom jilbsu sakemm l-espożizzjoni anormali tippersisti. L-espożizzjoni tista’ ma tkunx permanenti u għandha tibqa’ strettament sal-ħin minimu meħtieġ għal kull ħaddiem.
  • Iż-żoni kollha għal tali attivitajiet jeħtieġ li jkunu mmarkati u indikati u l-aċċess għal tali żoni ta’ persuni mhux awtorizzati għandu jiġi evitat b’mezzi oħra.

Aċċess għal żoni ta’ riskju

  • Min iħaddem għandu jillimita l-aċċess għaż-żoni ta’ riskju għal dawk il-ħaddiema li jeħtieġ li jidħlu f’tali żoni minħabba xogħolhom jew minħabba d-doveri tagħhom.

Iġjene u protezzjoni personali

  • Min iħaddem jeħtieġ li jieħu l-miżuri sussegwenti għall-attivitajiet kollha li jġorru riskju ta’ kontaminazzjoni minn CMR:
    • jiżguraw li l-ħaddiema ma jiklux, ma jixorbux jew ma jpejpux f’żoni tax-xogħol fejn hemm riskju ta’ kontaminazzjoni;
    • iforni l-ħaddiema bi lbies xieraq protettiv jew bi lbies ieħor xieraq speċjali;
    • jipprovdi postijiet ta’ ħażna separati għax-xogħol, jew ilbies protettiv u lbies għal barra t-triq;
    • jipprovdu faċilitajiet għall-ħasil u sanitarji;
    • jaħżen, jiċċekkja u jnaddaf sew it-tagħmir protettiv, jekk possibbli qabel u kull darba wara li jintuża;
    • jassigura li kwalunkwe tagħmir difettuż jiġi msewwi jew mibdul qabel ma jibqa’ jintuża.
  • Il-ħaddiema ma għandhomx ibatu l-ispejjeż ta’ dawn il-miżuri.

Informazzjoni, taħriġ u konsultazzjoni tal-ħaddiema

Il-Fornituri għandhom jiżguraw li:

  • il-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom, jirċievu taħriġ biżżejjed u xieraq abbażi tal-informazzjoni kollha disponibbli, b’mod partikolari fil-forma ta’ informazzjoni u struzzjonijiet, dwar:
    • riskji potenzjali u addizzjonali tas-saħħa (inkluż it-tipjip),
    • prekawzjonijiet għall-prevenzjoni tal-espożizzjoni,
    • rekwiżiti ta’ iġjene,
    • tagħmir u lbies protettivi,
    • passi li għandhom jieħdu l-ħaddiema, inkluż ħaddiema ta’ salvataġġ, fl-eventwalità li jseħħ inċident u sabiex jiġu evitati l-inċidenti;
  • it-taħriġ jiġi adattat biex jikkunsidra kwalunkwe riskju ġdid jew li nbidel meta l-ħaddiema jiġu esposti jew jistgħu jkunu esposti għal CMRs ġodda jew għal numru ta’ CMRs differenti, inkluż dawk li jinsabu fi prodotti mediċinali perikolużi, jew f’każ ta’ tibdil fiċ-ċirkostanzi relatati max-xogħol;
  • it-taħriġ jiġi pprovdut perjodikament f’postijiet tal-kura tas-saħħa lill-ħaddiema kollha li huma esposti għal CMRs, b’mod partikolari fejn prodotti mediċinali perikolużi li fihom dawk is-sustanzi jkunu qed jintużaw, u li jkunu ripetuti perjodikament f’ambjenti oħrajn, jekk meħtieġ.

Min jimpjega għandu jinforma l-ħaddiema dwar installazzjonijiet u kontenituri relatati li jkollhom CMRs u għandu jassigura li l-kontenituri, il-pakketti jew l-installazzjonijiet kollha li jkun fihom CMRs ikunu b’tikketta ċara u li tinqara u li jkun hemm sinjali ta’ twissija murija b’mod ċar.

Fejn valur ta’ limitu bijoloġiku* ġie stabbilit fl-Anness IIIa, is-sorveljanza tas-saħħa hija obbligatorja għal xogħol bis-CMR in kwistjoni, skont il-proċeduri f’dak l-anness. Il-ħaddiema ser jiġu infurmati b’dan ir-rekwiżit qabel ma jiġu assenjati l-kompitu li jinvolvi r-riskju tal-espożizzjoni għal dan is-CMR.

Jeħtieġ li jittieħdu miżuri biex jiġi assigurat li ħaddiema u/jew kwalunkwe rappreżentanti tal-ħaddiema:

  • ikunu jistgħu jiċċekkjaw jekk id-direttiva hijiex qed tiġi applikata jew tistax tiġi involuta fl-applikazzjoni tagħha, partikolarment rigward il-konsegwenzi għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema dwar l-għażla, l-ilbies u l-użu ta’ lbies u ta’ tagħmir protettiv, u l-miżuri ddeterminati minn min iħaddem rigward espożizzjoni li tista’ tiġi prevista, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà ta’ min iħaddem biex jiddetermina l-effettività tal-ilbies u tat-tagħmir protettiv u tali miżuri rigward espożizzjoni li tista’ tiġi prevista;
  • ikunu infurmati mill-iktar fis possibbli f’każ ta’ espożizzjoni anormali tal-kawżi ta’ dan u tal-miżuri li ttieħdu jew li ser jittieħdu biex titranġa s-sitwazzjoni.

Il-miżuri li jridu jittieħdu jridu jassiguraw li:

  • min iħaddem iżomm lista aġġornata ta’ ħaddiema li qed jagħmlu attivitajiet li jġorru riskju għas-saħħa u għas-sigurtà tagħhom, billi jindikaw, jekk l-informazzjoni tkunx disponibbli, l-espożizzjoni għal xiex inhuma soġġetti;
  • it-tabib u/jew l-awtorità responsabbli kif ukoll il-persuni l-oħra kollha li għandhom ir-responsabbiltà għas-saħħa u għas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ikollhom aċċess għal-lista msemmija hawn fuq;
  • kull ħaddiem ikollu aċċess għall-informazzjoni fuq il-lista li tirrelata għalih personali;
  • ħaddiema u/jew kwalunkwe rappreżentanti tal-ħaddiema jkollhom aċċess għal informazzjoni kollettiva b’mod anonimu;
  • il-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jiġu kkonsultati dwar u involuti fil-kwistjonijiet kollha relatati mal-espożizzjoni għal CMR, skont id-Direttiva 89/391/KEE.

Miżuri mixxellanji

Sorveljanza tas-saħħa

  • L-Istati Membri tal-UE għandhom jisttabbilixxu arranġamenti għall-monitoraġġ tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema skont il-liġi jew il-prattika nazzjonali, sabiex, fejn xieraq, is-saħħa tagħhom tiġi ssorveljata b’mod adegwat qabel l-espożizzjoni u f’intervalli regolari wara, sakemm ikun maħsub meħtieġ biex is-saħħa tiġi salvagwardjata. It-tabib jew l-awtorità responsabbli għas-sorveljanza tas-saħħa tal-ħaddiema jista’ jindika li s-sorveljanza tas-saħħa teħtieġ li tkompli wara t-tmiem tal-espożizzjoni, sakemm ikun ikkunsidrat meħtieġ biex jissalvagwardja s-saħħa tal-ħaddiem ikkonċernat.
  • Dawn l-arranġamenti ta’ sorveljanza tas-saħħa jeħtieġ li jagħmluha possibbli li jiġu applikati miżuri diretti individwali u okkupazzjonali ta’ iġjene. Meta s-saħħa ta’ ħaddiem tiġi sorveljata, għandu jinħoloq fajl mediku individwali. It-tabib jew l-awtorità jeħtieġ li jipproponu kwalunkwe miżuri protettivi jew preventivi li għandhom jittieħdu rigward kwalunkwe ħaddiem individwali.
  • L-informazzjoni u l-pariri jeħtieġ li jingħataw lill-ħaddiema rigward kwalunkwe sorveljanza tas-saħħa li huma jistgħa jkollhom bżonn wara t-tmiem tal-espożizzjoni.
  • Jekk ħaddiem ikun qed isofri minn anormalità li tkun issuspettata li tirriżulta minn espożizzjoni għal CMRs, jew jekk valur ta’ limitu bijoloġiku jinstab li nqabeż, it-tabib jew l-awtorità responsabbli għas-sorveljanza tas-saħħa tal-ħaddiema jistgħu jitolbu ħaddiema oħra li kienu esposti wkoll li jkollhom jgħaddu minn sorveljanza tas-saħħa.
  • Hemm rakkomandazzjonijiet prattiċi dwar il-monitoraġġ tas-saħħa tal-ħaddiema f’Anness II.
  • Kull każ ta’ kanċer, effetti ħżiena fuq il-funzjoni sesswali u fuq il-fertilità f’ħaddiema maskili u femminili adulti jew żvilupp tossiku fit-tfall tagħhom li jiġi identifikat skont il-liġi jew il-prattika nazzjonali bħala riżultat tal-espożizzjoni relatata max-xogħol għal sustanza ta’ CMR jeħtieġ li tiġi nnotifikata lill-awtorità responsabbli. L-Istti Membri għandhom iqisu din l-informazzjoni fir-rapporti tagħhom sottomessi lill-Kummissjoni Ewropea skont id-Direttiva 89/391/KEE.

Żamma ta’ rekords

  • Għal karċinoġeni u mutaġeni, il-lista aġġornata ta’ ħaddiema li ġew esposti, li min iħaddem huwa meħtieġ li jżomm, kif ukoll fajls mediċi individwali għandhom jinżammu għal mill-inqas 40 sena wara t-tmiem tal-espożizzjoni.
  • Għal sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni, il-lista aġġornata ta’ ħaddiema li qed jagħmlu attivitajiet li jġorru riskju għas-saħħa u għas-sigurtà tagħhom rigward espożizzjoni kif ukoll ir-reġistru mediku jeħtieġ li jinżammu għal mill-inqas 5 snin wara t-tmiem tal-espożizzjoni.
  • Dawn id-dokumenti jeħtieġ li jkunu disponibbli għall-awtorità responsabbli f’każijiet fejn l-impriża tieqaf mill-attività.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

  • Id-direttiva kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali fil-31 ta’ Diċembru 1992. Ir-regoli tagħha għandhom japplikaw mill-20 ta’ Mejju 2004.
  • Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2022/431 għandha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sal-5 ta’ April 2024.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

Id-Direttiva 2004/37/KE tikkodifika u tissostitwixxi d-Direttiva 90/394/KEE u l-emendi suċċessivi tagħha, id-Direttivi 97/42/KE u 1999/38/KE.

TERMINI EWLENIN

Karċinoġeni. Sustanzi bil-potenzjal li jikkawżaw il-kanċer f’organiżmu.
Mutaġeni. Sustanzi li jbiddlu l-materjal ġenetiku ta’ organiżmu.
Sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni. Sustanzi li jinterferixxu mar-riproduzzjoni (perezempju infertilità, korrimenti u malformazzjonijiet tal-fetu). Fid-direttiva, issir distinzjoni bejn dawk li għalihom jista’ jiġi definit limitu ta’ espożizzjoni, li taħthom ma jkunx hemm effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-ħaddiema (sustanza tossika għar-riproduzzjoni b’limitu), u dawk li għalihom m’hemm l-ebda livell sikur ta’ espożizzjoni għas-saħħa tal-ħaddiema (sustanza tossika għar-riproduzzjoni mingħajr limitu). It-tnejn huma identifikati hekk fil-kolonna tan-noti tal-Anness III tad-direttiva.
Valur ta’ limitu bijoloġiku. Il-limitu tal-konċentrazzjoni f’mezz bijoloġiku xieraq ta’ aġent, metabolit jew indikatur ta’ effett rilevanti.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tad- 29 ta’ April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati ma’ l-esposizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (Sitt Direttiva individwali fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE) (verżjoni kodifikata) (ĠU L 158, 30.4.2004, pp. 50-76). Test ippubblikat fil-korriġendum (ĠU L 229, 29.6.2004, pp. 23-34).

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2004/37/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva 2009/148/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji konnessi mal-espożizzjoni għall-asbestos fuq ix-xogħol (ĠU L 330, 16.12.2009, pp. 28-36).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (KE Nru) 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, it-ttikkettar u l-imballaġġ ta’ sustanzi u ta’ taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, pp. 1-1355).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU L 183, 29.6.1989, pp. 1-8).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 01.06.2022

Top