EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Provvediment ta’ sinjali ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/58/KEE dwar il-ħtiġijiet minimi għall-provvista ta’ sinjali tas-sigurtà u/jew tas-saħħa fuq ix-xogħol

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Hija tistabbilixxi il-ħtiġijiet minimi rigward sinjali tas-sigurtà u s-saħħa fuq ix-xogħol, b’mod partikolari,

  • sinjali projbittivi (eż. ebda aċċess għal vetturi industrijali),
  • sinjali ta’ twissija (eż. tagħbija minn fuq),
  • sinjali obbligatorji (eż. għandu jintlibes protezzjoni għall-għajnejn),
  • sinjali ta’ ħruġ ta’ emerġenza jew tal-ewwel għajnuna (eż. ħruġ ta’ emerġenza /rotta tal-ħrib) jew
  • sinjali tal-ġlieda kontra n-nirien (eż. manku tat-tifi tan-nar).

Hija tistabbilixxi wkoll ir-rekwiżiti minimi għal sinjali illuminati u akustiċi, sinjali tal-idejn u għall-komunikazzjoni verbali.

PUNTI EWLENIN

  • Id-direttiva tikkumplimenta d-Direttiva ta’ Qafas 89/391/KEE dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (ara s-sommarju).
  • Id-direttiva ma tapplikax għal sinjali għat-tqegħid fis-suq ta’ sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi, prodotti u/jew tagħmir, sakemm regoli oħra tal-Unjoni Ewropea (UE) ma jagħmlux referenza speċifika għalihom, lanqas għal sinjali użati għar-regolamentazzjoni tat-toroq, linji ferrovjarji, passaġġi interni tal-ilma, u traffiku tal-baħar jew tal-ajru.

Obbligi ta’ min iħaddem

  • L-impjegaturi għandhom jipprovdu sinjali tas-sikurezza fejn il-perikli ma jistgħux jiġu evitati jew jitnaqqsu b’mod adegwat b’miżuri preventivi jew proċeduri użati fl-organizzazzjoni tax-xogħol.
  • Kull fejn possibbli, jistgħu jitwaħħlu sinjali użati għal trasport bit-triq, linji ferrovjarji, passaġġi interni tal-ilma, trasport bil-baħar u bl-ajru f’kumpaniji jew impriżi.

Informazzjoni supplimentari

  • L-Istati Membri tal-UE jistgħu jispeċifikaw ċerti eżenzjonijiet fi ħdan ċerti limiti preċiżi.
  • Il-ħaddiema għandhom jiġu infurmati bil-miżuri li għandhom jittieħdu u għandhom jingħataw taħriġ adegwat (struzzjonijiet preċiżi).
  • Il-ħaddiema għandhom jiġu kkonsultati u permessi jipparteċipaw fil-kwistjonijiet koperti mid-direttiva.

Atti delegati

Ir-Regolament (UE) 2019/1243 jemenda d-Direttiva 92/58/KEE li ta s-segħat lill-Kummissjoni Ewropea, mis-26 ta’ Lulju 2019, biex tadotta atti delegati biex tagħmel emendi tekniki stretti għall-annessi tiegħu, sabiex tqis l-armonizzazzjoni teknika u l-istandardizzazzjoni rigward id-disinn u l-manifattura ta’ sinjali jew tagħmir tas-sigurtà u/jew tas-saħħa fuq il-post ta-xogħol, progress tekniku, bidliet fir-regolamenti internazzjonali jew speċifikazzjonijiet u avvanzi fl-għarfien fil-qasam tas-sinjali jew fit-tagħmir tas-sigurtà u/jew tas-saħħa fuq il-post ta-xogħol.

Revoka

Id-Direttiva 92/58/KEE tirrevoka d-Direttiva 77/576/KEE dwar is-sinjali tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mis-27 ta’ Lulju 1992 u kellha ssir liġi fl-Istati Membri sal-24 ta’ Ġunju 1994.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOCUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/58/KEE tal-24 ta’ Ġunju 1992 dwar il-ħtiġijiet minimi għall-provvista ta’ sinjali tas-sigurtà u/jew tas-saħħa fuq ix-xogħol (id-disa’ direttiva individwali skont it-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 245, 26.8.1992, pp. 23–42).

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 92/58/KEE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha biss valur dokumentarju.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU L 183, 29.6.1989, pp. 1–8).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 13.12.2021

Top