Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Intejbu l-kwalità tal-edukazzjoni tal-għalliema

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Intejbu l-kwalità tal-edukazzjoni tal-għalliema

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Komunikazzjoni (KUMM(2007) 392 finali) — Intejbu l-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-għalliema

X’INHU L-GĦAN TAL-KOMUNIKAZZJONI?

Hija għandha l-għan li tevalwa l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-għalliema fl-UE u li tipproponi azzjonijiet possibbli fil-livell tal-pajjiżi tal-UE u kif l-UE tista’ tappoġġahom.

PUNTI EWLENIN

L-għalliema għandhom rwol kruċjali biex jgħinu lill-persuni jiżviluppaw it-talenti tagħhom, jilħqu l-potenzjal tagħhom, u jiksbu l-għarfien u l-kapaċitajiet li se jkollhom bżonn bħala ċittadini u bħala ħaddiema.

Il-komunikazzjoni tenfasizza disparità wiesgħa fl-istandards u l-prattiki tal-edukazzjoni tal-għalliema bejn pajjiżi differenti tal-UE, bħal fl-allokazzjoni minima annwali tal-ħin għat-taħriġ fis-servizz obbligatorju, kif ukoll fl-appoġġ u s-superviżjoni għall-għalliema l-ġodda.

Il-Kummissjoni Ewropea taħdem mill-qrib mal-pajjiżi tal-UE biex tgħinhom jiżviluppaw u jimmodernizzaw il-politika tagħhom dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ. Hija timmira lejn professjoni kkwalifikata sew u mobbli fil-livell internazzjonali fejn l-għalliema huma appoġġati biex ikomplu jiżviluppaw matul il-karrieri tagħhom, u jaħdmu fi sħubija mal-komunità usa’. Il-Kummissjoni qed tippreżenta l-passi ta’ politika li ġejjin għall-pajjiżi tal-UE:

It-tagħlim tul il-ħajja

L-iżvilupp professjonali tul il-ħajja ta’ kull għalliem għandu jkun ikkoordinat fil-livell nazzjonali u jkun iffinanzjat b'mod xieraq. Minn programmi tal-edukazzjoni tal-bidu, dan jinkludi l-mentoring u d-diskussjoni kontinwa tal-ħtiġijiet tat-taħriġ u l-iżvilupp.

Ħiliet meħtieġa

L-għalliema għandu jkollhom l-għarfien tas-suġġett, l-attitudnijiet u l-ħiliet biex jgħinu liż-żgħażagħ jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom, jidentifikaw il-ħtiġijiet ta’ kull student, u jużaw firxa ta’ strateġiji.

Prattika riflettiva u riċerka

L-għalliema għandhom ikunu kapaċi jieħdu f’idejhom it-tagħlim tagħhom stess, hekk kif jgħinu liż-żgħażagħ jassumu r-responsabbiltà għal dak tagħhom. Dan jinkludi riflessjoni sistematika dwar il-prattika tagħhom kif ukoll riċerka msejsa fuq il-klassi.

Kwalifiki

Meta titqies il-kumplessità tal-pressjonijiet li jitpoġġew fuq l-għalliema u l-firxa ta’ għarfien u ħiliet li jeħtieġ ikollhom, il-pajjiżi tal-UE għandhom jikkunsidraw li joqorbu lejn livell ogħla ta’ kwalifiki, kif diġà ġew adottati f’xi pajjiżi.

L-edukazzjoni tal-għalliema fl-edukazzjoni ogħla

L-edukazzjoni sal-livell ta’ Master u Dottorat (kif ukoll Baċċellerat) għandha tkun disponibbli, u r-rabtiet bejn dawk li jedukaw lill-għalliema, l-għalliema li jaħdmu, il-post tax-xogħol u aġenziji oħra għandhom jitjiebu. Dawk responsabbli għall-edukazzjoni tal-għalliema għandu jkollhom esperjenza prattika fil-klassi u jkunu jiksbu standards għolja fil-ħiliet, l-attitudnijiet u l-kompetenzi meħtieġa;

It-tagħlim fis-soċjetà

L-għalliema għandhom jirriflettu d-diversità soċjali bis-sħiħ f’termini tal-kultura, il-lingwa materna, il-ġeneru u d-diżabilità, u l-pajjiżi tal-UE għandhom ineħħu l-ostakoli biex dan iseħħ.

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni timpenja ruħha li:

  • tkompli bl-isforzi biex ittejjeb l-edukazzjoni tal-għalliema;
  • tiżviluppa modi aħjar biex jitkejjel il-progress;
  • tikkondividi għarfien ġdid u tappoġġa l-użu effettiv tiegħu;
  • tirrevedi l-progress u tagħmel proposti ulterjuri.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew — Intejbu l-Kwalità tal-Edukazzjoni tal-Għalliema (KUMM(2007) 392 finali, 3.8.2007)

DOKUMENTI RELATATI

Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2009 dwar l-iżvilupp professjonali tal-għalliema u l-mexxejja tal-iskola (ĠU C 302, 12.12.2009, pp. 6–9)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ewropew Ekonomiku u Soċjali u lill-Kunsill tar-Reġjuni — Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar (COM(2012) 669 final, 20.11.2012)

Dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li Jappoġġa l-Professjonijiet tat-Tagħlim għal Eżiti ta’ Tagħlim Aħjar li jakkumpanja d-dokument Komunikazzjoni tal-Kummissjon Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar (SWD(2012) 374 finali, 20.11.2012)

Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2014 dwar l-edukazzjoni effettiva tal-għalliema (ĠU C 183, 14.6.2014, pp. 22–25)

l-aħħar aġġornament 18.12.2016

Top