Help Print this page 
Title and reference
Sistema għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Sistema għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali

Id-Direttiva tistabbilixxi sistema għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali fl-Unjoni Ewropea (UE), li, taħt ċerti kundizzjonijiet, testendi wkoll għall-pajjiżi l-oħra taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u għall-Iżvizzera. Tfittex li tagħmel is-swieq tax-xogħol aktar flessibbli, tkompli tilliberalizza s-servizzi, tinkoraġġixxi r-rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki u tissimplifika l-proċeduri amministrattivi.

ATT

Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta' Kwalifiki Professjonali

SOMMARJU

Id-Direttiva tistabbilixxi sistema għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali fl-Unjoni Ewropea (UE), li, taħt ċerti kundizzjonijiet, testendi wkoll għall-pajjiżi l-oħra taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u għall-Iżvizzera. Tfittex li tagħmel is-swieq tax-xogħol aktar flessibbli, tkompli tilliberalizza s-servizzi, tinkoraġġixxi r-rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki u tissimplifika l-proċeduri amministrattivi.

X'TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Tistabbilixxi regoli dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ kwalifiki professjonali bejn il-pajjiżi tal-UE, il-pajjiżi taż-ŻEE li mhumiex fl-UE u l-Iżvizzera.

Introduċiet valutazzjoni reċiproka tar-regolamenti professjonali nazzjonali u eżerċizzju ta’ trasparenza (jiġifieri skrinjar tar-restrizzjonijiet ta’ dħul għall-professjonijiet u analiżi dwar in-neċessità tagħhom).

Tapplika għaċ-ċittadini kollha tal-pajjiżi tal-UE, tal-pajjiżi taż-ŻEE li mhumiex fl-UE u tal-Iżvizzera li jixtiequ jeżerċitaw professjoni regolata, jew fuq bażi ta’ xogħol għal rashom jew bħala impjegati, f’pajjiż li ma jkunx dak li fih ikunu kisbu l-kwalifiki professjonali tagħhom.

Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat mappa interattiva tal-professjonijiet regolati fl-Ewropa. Dawn huma professjonijiet li għalihom l-aċċess, jew id-dritt għall-prattika, jiddependi fuq kwalifiki speċifiċi. Jinkludu wkoll professjonijiet li għalihom l-użu ta’ titolu speċifiku huwa protett, bħal, pereżempju, Chartered Engineer fir-Renju Unit.

Ma tapplikax għal kwistjonijiet koperti minn direttivi speċifiċi bħal, pereżempju, id-Direttiva 2006/43/KE dwar l-awdituri statutorji. Eżempju ieħor jirrigwarda l-avukati. Filwaqt li l-kwalifiki tagħhom huma koperti mid-Direttiva 2005/36/KE, jibbenefikaw ukoll minn 2 Direttivi speċifiċi (77/249/KEE u 98/5/KE) li jintroduċu modi addizzjonali biex jipprovdu servizzi transkonfinali, jew temporanjament jew billi jistabbilixxu ruħhom b’mod permanenti f’pajjiżi oħra tal-UE.

PUNTI EWLENIN

Mobilità temporanja

Bħala prinċipju, jekk professjonisti jkunu jixtiequ jipprovdu s-servizzi tagħhom f’pajjiż ieħor tal-UE fuq bażi temporanja, jistgħu jagħmlu dan abbażi tal-istabiliment tagħhom (jiġifieri d-dritt tagħhom li jipprattikaw) f’pajjiżhom. Il-pajjiż tad-destinazzjoni jista’ jesiġi mingħandhom dikjarazzjoni minn qabel iżda ma jkollhomx għalfejn jgħaddu mill-proċeduri ta’ rikonoxximent. Dan ma japplikax għal professjonijiet li għandhom implikazzjonijiet għas-saħħa u għas-sigurtà pubblika, li għalihom il-pajjiżi tal-UE jistgħu jesiġu rikonoxximent minn qabel tal-kwalifika tagħhom.

Stabiliment permanenti

Id-Direttiva tipprovdi għal 3 sistemi ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki:

1.

Rikonoxximent awtomatiku għal professjonijiet li l-kondizzjonijiet minimi ta’ taħriġ ikunu armonizzati fil-livell Ewropew: it-tobba, l-infermiera responsabbli għal kura ġenerali, id-dentisti, il-kirurgi veterinarji, il-qwiebel, l-ispiżjara u l-periti.

2.

Rikonoxximent awtomatiku għal ċerti okkupazzjonijiet: il-professjonisti fis-snajja’ u fl-industrija jistgħu jitolbu rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki tagħhom abbażi tal-esperjenza professjonali tagħhom.

3.

Is-sistema ġenerali għall-professjonijiet imsemmija hawn fuq li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet tas-sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki. L-istess japplika għall-professjonijiet regolati l-oħrajn, li l-aċċess għalihom jingħata lil kull individwu li jista’ juri li huwa kompletament ikkwalifikat f’pajjiżu/ha. Madankollu, jekk l-awtoritajiet tal-pajjiż ospitanti jsibu differenzi sinifikanti bejn it-taħriġ miksub fil-pajjiż ta’ oriġini u dak meħtieġ għall-istess attività f’pajjiżhom, jistgħu jeħtieġu li l-individwu jwettaq perjodu ta’ adattament jew joqgħod għal test tal-aptitudni, fil-prinċipju fuq għażla tal-individwu.

Karta Professjonali Ewropea (KPE)

Id-Direttiva ġiet emendata permezz tad-Direttiva 2013/55/UE (applikabbli fil-pajjiżi tal-UE mit-18 ta' Jannar 2016) li tipprovdi għall-ħolqien ta’ karta professjonali Ewropea. Din għandha tippermetti liċ-ċittadini interessati biex jiksbu rikonoxximent tal-kwalifiki tagħhom b’mod aktar sempliċi u malajr permezz ta’ proċedura elettronika standardizzata. Il-karta se tkun ibbażata fuq l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) u se tinħareġ fil-forma ta’ ċertifikat elettroniku. L-ewwel grupp li għalih se tiġi implimentata l-KPE se jkun magħmul minn infermiera responsabbli għal kura ġenerali, fiżjoterapisti, spiżjara, gwidi tal-muntanji u aġenti tal-proprjetà immobbli.

Id-Direttiva tal-2013 tippermetti wkoll li ċ-ċittadini kollha li jkunu qed ifittxu r-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tagħhom ikunu jistgħu jittrattaw ma’ punt uniku ta’ kuntatt.

META TIDĦOL FIS-SEĦĦ ID-DIRETTIVA U X’INHU L-PERJODU TA’ TRASPOŻIZZJONI?

Id-Direttiva 2005/36/KE daħlet fis-seħħ fl-20 ta' Ottubru 2005 u kellha tiġi trasposta sal-20 ta' Ottubru 2007. L-aħħar emendi introdotti bid-Direttiva 2013/55/UE daħlu fis-seħħ fis-17 ta' Jannar 2014, u l-iskadenza għat-traspożizzjoni hija t-18 ta' Jannar 2016.

SFOND

Peress li f’ħafna pajjiżi tal-UE qed tonqos il-popolazzjoni fl-età tax-xogħol, huwa probabbli li d-domanda għal persuni bi kwalifiki għoljin sejra tiżdied u hija proġettata li sal-2020 se titla' għal aktar minn 16-il miljun impjieg. Dan jeħtieġ li l-kwalifiki tagħhom jiġu rikonoxxuti madwar l-UE b’mod veloċi, sempliċi u affidabbli.

Għal aktar informazzjoni, ara Rikonoxximent Awtomatiku fuq is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

Direttiva 2005/36/KE

20.10.2005

20.10.2007

ĠU L 255 tat-30.9.2005, pp. 22-142

Att(i) li jemenda(w)

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

Direttiva 2006/100/KE

1.1.2007

1.1.2007

ĠU L 363 tal-20.12.2006, pp. 141-237

Ir-Regolament (KE) Nru 1430/2007

26.12.2007

-

ĠU L 320 tas-6.12.2007, pp. 3-11

Ir-Regolament (KE) Nru 755/2008

21.8.2008

-

ĠU L 205 tal-1.8.2008, pp. 10-12

Ir-Regolament (KE) Nru 279/2009

27.4.2009

-

ĠU L 93 tas-7.4.2009, pp. 11-12

Ir-Regolament (UE) Nru 213/2011

24.3.2011

-

ĠU L 59 tal-4.3.2011, pp. 4-7

Ir-Regolament (UE) Nru 623/2012

1.8.2012

-

ĠU L 180 tat-12.7.2012, pp. 9-11

Direttiva 2013/25/UE

1.7.2013

1.7.2013

ĠU L 158 tal-10.6.2013, pp. 368-375

Direttiva 2013/55/UE

17.1.2014

18.1.2016

ĠU L 354, 28.12.2013, pp. 132-170

Emendi u korrezzjonijiet suċċessivi għad-Direttiva 2005/36/KE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata hija biss għal referenza.

ATTI RELATATI

Id-Direttiva tal-Kunsill 77/249/KEE tat-22 ta' Marzu 1977 biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà biex jiġu pprovduti servizzi minn avukati (ĠU L 78, 26.3.1977, pp. 17-18)

Id-Direttiva 98/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 sabiex tkun iffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri minbarra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni (ĠU L 77, 14.3.1998, pp. 36-43)

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/172/KE tad-19 ta' Marzu 2007 għall-ħolqien ta' grupp ta' koordinaturi għar-rikonoxximent tal-kwalifiċi professjonali (ĠU L 79 tal-20.3.2007, pp. 38-39)

L-aħħar aġġornament: 17.08.2015

Top