Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
L-ugwaljanza bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

L-ugwaljanza bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol

L-għan ta' din id-Direttiva huwa li tikkonsolida diversi direttivi dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi billi tissimplifika, timmodernizza u ttejjeb il-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tat-trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa fl-impjieg.

SOMMARJU

L-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa huwa prinċipju fundamentali tad-dritt tal-UE li japplika għall-aspetti kollha tal-ħajja fis-soċjetà, inkluża d-dinja tax-xogħol.

Ugwaljanza fl-impjieg u l-kundizzjonijiet tax-xogħol

Din id-direttiva tipprojbixxi d-diskriminazzjoni diretta* jew indiretta* bejn l-irġiel u n-nisa li tikkonċerna l-kundizzjonijiet ta':

  • reklutaġġ, l-aċċess għall-impjieg u l-impjieg indipendenti;
  • tkeċċijiet;
  • taħriġ vokazzjonali u promozzjoni;
  • sħubija f’organizzazzjonijiet tal-ħaddiema jew ta' min iħaddem.

Barra minn hekk, l-Artikolu 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE jipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi tas-sess tal-persuna fi kwistjonijiet ta' paga għall-istess xogħol u xogħol tal-istess valur. Dan il-prinċipju japplika wkoll għal sistemi ta' klassifikazzjoni tal-impjiegi li jintużaw biex tiġi ddeterminata l-paga.

Madankollu, it-trattament differenti għall-irġiel u n-nisa jista' jkun iġġustifikat minħabba n-natura tal-attività tax-xogħol partikolari, jekk il-miżuri li jittieħdu huma leġittimi u proporzjonati.

Il-pajjiżi tal-UE jridu jħeġġu lil min iħaddem u lill-għalliema vokazzjonali sabiex jaġixxu kontra d-diskriminazzjoni (kemm diretta kif ukoll indiretta) għal raġunijiet ta' sess, b'mod partikolari kontra l-fastidju* u l-fastidju sesswali*.

L-ugwaljanza fil-protezzjoni soċjali

L-irġiel u n-nisa huma trattati b'mod ugwali taħt l-iskemi tas-sigurtà soċjali okkupazzjonali, li b'mod partikolari jikkonċernaw:

  • il-kamp ta' applikazzjoni u l-kundizzjonijiet ta' aċċess għall-iskemi;
  • il-kontribuzzjonijiet;
  • il-kalkolu ta' benefiċċji, inklużi benefiċċji supplimentari, u l-kundizzjonijiet li jirregolaw it-tul u ż-żamma tal-intitolament.

Dan il-prinċipju japplika għall-popolazzjoni kollha li taħdem, inkluż:

  • ħaddiema li jaħdmu għal rashom, madankollu għal din il-kategorija, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jipprovdu trattament differenti, b'mod partikolari fir-rigward tal-età tal-irtirar;
  • il-ħaddiema li l-attività tagħhom tkun interrotta minn mard, maternità, aċċident jew qgħad involontarju;
  • persuni li jkunu qed ifittxu impjieg, ħaddiema rtirati u diżabbli, u dawk li jagħmlu pretensjonijiet taħt dawn.

Liv tal-maternità, tal-paternità u tal-adozzjoni

Fit-tmiem tal-liv tal-maternità, tal-paternità jew tal-adozzjoni, l-impjegati għandhom id-dritt li:

  • jirritornaw lura għax-xogħlijiet tagħhom jew għal pożizzjonijiet ekwivalenti b'kundizzjonijiet li ma jkunux inqas favorevoli għalihom;
  • jibbenefikaw minn kwalunkwe titjib fil-kundizzjonijiet tal-impjieg li kienu jkunu intitolati għalih matul l-assenza tagħhom.

Difiża tad-drittijiet

Il-pajjiżi tal-UE jridu jistabbilixxu rimedji għall-impjegati li kienu vittmi ta' diskriminazzjoni, bħal proċeduri ta' konċiljazzjoni u ġudizzjarji. Barra minn hekk, għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex iħarsu lill-impjegati u r-rappreżentanti tagħhom minn trattament ħażin bħala reazzjoni għal ilment fi ħdan il-kumpanija jew għal kwalunkwe proċedura legali.

Finalment, għandhom jistabbilixxu penali u possibbiltajiet ta' riparazzjoni jew kumpens b'rabta mal-ħsara mġarrba.

Fil-każ ta' proċeduri legali, l-oneru tal-provi huwa tal-parti akkużata għal diskriminazzjoni, li għandha tagħti prova li ma kienx hemm ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali.

Il-promozzjoni tat-trattament ugwali

Il-pajjiżi tal-UE jaħtru korpi li r-rwol tagħhom huwa li jippromwovu, janalizzaw u jwettqu monitoraġġ tat-trattament ugwali, li jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tiġi segwita u li jipprovdu wkoll appoġġ indipendenti għall-vittmi tad-diskriminazzjoni.

Barra minn hekk, l-impriżi jridu jippromwovu l-prinċipju ta' ugwaljanza bejn is-sessi u jsaħħu r-rwol tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi.

SFOND

TERMINI EWLENIN

* Diskriminazzjoni diretta: meta persuna tiġi trattata b'mod inqas favorevoli abbażi tas-sess tagħha, minn kif tiġi, tkun ġiet jew tkun trattata persuna oħra f'sitwazzjoni komparabbli.

* Diskriminazzjoni indiretta: meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentament newtrali twassal għal żvantaġġ speċifiku għal persuni tas-sess oppost, sakemm din id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika ma tkunx iġġustifikata b'mod oġġettiv minn għan leġittimu u l-mezzi tal-ilħuq ta' dan l-għan ikunu xierqa u neċessarji.

* Fastidju: fejn imġiba mhux mixtieqa relatata mas-sess ta' persuna sseħħ bl-iskop jew bl-effett ta’ ksur tad-dinjità ta' persuna, u li toħloq intimidazzjoni, ambjent ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv.

* Fastidju sesswali: fejn kwalunkwe forma ta' imġiba mhux mixtieqa verbali jew mhux verbali ta' natura sesswali sseħħ bl-iskop jew bl-effett li tikser id-dinjità ta' persuna, b'mod partikolari meta toħloq intimidazzjoni, ambjent ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv.

ATT

Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23-36)

l-aħħar aġġornament 29.10.2015

Top