Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi

L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi jgħin lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-pajjiżi tal-UE fl-integrazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza fil-politiki tagħhom u fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi tas-sess. L-Istitut jgħarraf ukoll liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea (UE) dwar din il-kwistjoni.

SOMMARJU

L-ugwaljanza bejn is-sessi hija dritt fundamentali skont it-Trattat ta’ Lisbona u politika ta’ prijorità tal-Unjoni Ewropea (UE). Madankollu, għandu jsir aktar progress sabiex tkun tista’ tinkiseb ugwaljanza reali bejn is-sessi fl-isferi kemm tal-ħajja privata kif ukoll tal-ħajja professjonali.

F’dan ir-rigward, l-Istitut għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għandu rwol sinifikanti sabiex jipprovdi l-għarfien espert meħtieġ għall-iżvilupp ta’ politiki dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi madwar l-UE.

L-għanijiet tal-Istitut

L-Istitut jipprovdi l-għarfien espert tekniku tiegħu lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-pajjiżi tal-UE sabiex jgħinhom:

  • jippromowovu u jsaħħu l-ugwaljanza bejn is-sessi;
  • jinkludu l-integrazzjoni tas-sessi fil-politiki kollha tal-UE u fil-politiki nazzjonali li jirriżultaw;
  • jiġġieldu d-diskriminazzjoni abbażi tas-sess;
  • iżidu s-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini tal-UE, speċjalment permezz ta’ konferenzi u kampanji ta’ pubbliċità.

L-Istitut jibbaża l-ħidma tiegħu fuq dejta oġġettiva, komparabbli u affidabbli fil-livell Ewropew. Huwa responsabbli mill-ġbir, mill-analiżi u mit-tixrid ta’ din l-informazzjoni.

Huwa janalizza wkoll l-informazzjoni miġbura mingħand organizzazzjonijiet internazzjonali u pajjiżi terzi. Fl-aħħarnett, huwa jikkontribwixxi għall-integrazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politika esterna Ewropea.

L-Istitut jippromwovi l-iskambju tal-esperjenza u d-djalogu bejn il-partijiet interessati kollha rilevanti, speċifikament l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u ċ-ċentri tar-riċerka.

Tħaddim

L-Istitut iwettaq il-kompiti tiegħu b’mod indipendenti u trasparenti. Huwa mmexxi minn Bord ta’ Tmexxija, bl-appoġġ ta’ Direttur u huwa assistit minn forum konsultattiv ta’ Esperti. Is-sede tiegħu jinsab f’Vilnius (il-Litwanja).

B’mod partikolari, huwa jikkoopera mal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tax-Xogħol u tal-Għajxien, mal-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol u maċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Huwa daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Jannar 2007.

ATT

Ir-Regolament (KE) Nru 1922/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (ĠU L 403, 30.12.2006, pp. 9–17)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1922/2006 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 30.10.2015

Top