EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Statistiċi dwar il-qligħ u l-kost lavorattiv

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Ir-Regolament (KE) Nru 530/1999 – figuri komparabbli tal-UE għall-qligħ u l-kost lavorattiv

X'INHU L-GĦAN TA' DAN IR-REGOLAMENT?

  • Għandu l-għan li jgħin lill-UE tifformula l-politiki tagħha, fuq il-bażi ta' statistiki affidabbli u komparabbli minn madwar l-UE, fir-reġjuni kollha u għall-oqsma soċjali u ekonomiċi kollha.
  • Għal dan il-għan, ir-Regolament (KE) Nru 530/1999 jistabbilixxi x'tip ta' data għandhom jiġbru l-awtoritajiet statistiċi madwar l-UE, u kif għandhom jagħmlu dan.

PUNTI EWLENIN

  • L-awtoritajiet nazzjonali fil-pajjiżi tal-UE u l-Eurostat jikkooperaw sabiex jipproduċu statistiki, bil-għan li jqabblu l-kostijiet lavorattivi u l-qligħ.
  • Kull 4 snin, il-Eurostat jippubblika data u janalizza għal kull waħda minn dawn l-entrati, bis-suġġett li jalterna kull sentejn, eż.:
    • fl-2014 - il-qligħ
    • fl-2016 - il-kost lavorattiv
    • fl-2018 - il-qligħ, eċċ.
  • Dawn jintużaw sabiex jiġi żviluppati politiki tal-UE għan-negozji u l-impjegati u sabiex jiġi analizzat it-tkabbir tal-UE u l-koeżjoni ekonomika u soċjali tagħha.

It-tipi ta' informazzjoni miġbura

Il-kost lavorattiv

  • Rigward il-livell u l-kompożizzjoni tal-kost lavorattiv, l-informazzjoni trid tippermetti li jiġu prodotti statistiċi fuq:
    • in-negozju jew l-unità tal-produzzjoni li għalihom jaħdmu l-impjegati, speċjalment ir-reġjun fejn huma bbażati, id-daqs u s-settur tal-attività tagħhom;
    • il-kost lavorattiv annwali totali (pagi u salarji, kontribuzzjonijiet soċjali, spejjeż tat-taħriġ vokazzjonali, eċċ.);
    • in-numru annwali medju ta' impjegati, inklużi l-part-timers u l-apprendisti;
    • in-numru annwali ta' sigħat tax-xogħol u mħallsin.

Il-qligħ

  • Rigward l-istruttura u d-distribuzzjoni tal-qligħ, l-informazzjoni li trid tinġabar trid tinkludi data dwar:
    • in-negozju jew l-unità lokali li għalihom jaħdmu l-impjegati, speċjalment oġġetti bħall-forma ta' kontroll ekonomiku u finanzjarju u t-tip ta' ftehim kollettiv applikat fin-negozju, eċċ.;
    • l-impjegati (is-sess, l-età, il-kariga, il-livell ta' edukazzjoni u taħriġ, it-tul tas-servizz, full-time jew part-time, it-tip ta' kuntratt ta' impjieg);
    • il-qligħ gross u n-numru ta' sigħat imħallsin.

Il-ġbir tad-data u l-ipproċessar tar-riżultati

  • L-awtoritajiet nazzjonali rilevanti jiddefinixxu l-metodi xierqa għall-ġbir tal-informazzjoni u jiżguraw li l-impjegaturi jirrispettaw l-obbligu li jfornu l-informazzjoni sal-iskadenzi stabbiliti. Madankollu, l-istħarriġijiet imwettqin fin-negozji mhumiex obbligatorji jekk jistgħu jinħarġu stimi preċiżi minn sorsi xierqa oħrajn.
  • L-awtoritajiet nazzjonali jridu jipproċessaw it-tweġibiet b'mod konsistenti, sabiex ir-riżultati jkunu jistgħu jitqabblu ma' xulxin.
  • Ir-riżultati jingħaddew lill-Eurostat fi żmien 18-il xahar minn tmiem is-sena ta' referenza.
  • Dettalji dwar kif trid tinġabar id-data u l-format li bih għandha tintbagħat lill-Eurostat huma pprovduti f'2 atti ta' implimentazzjoni (ir-Regolament (KE) Nri 1726/1999 u 1916/2000).

Kwalità

  • L-awtoritajiet nazzjonali jridu jaraw li r-riżultati tagħhom jipprovdu rappreżentazzjonijiet preċiżi tas-sitwazzjoni f'pajjiżhom.
  • Wara kull perjodu ta' referenza, jgħaddu rapport lill-Eurostat dwar kif qiegħed jiġi implimentat ir-regolament f'pajjiżhom sabiex il-Eurostat ikun jista' jevalwa l-kwalità tad-data.
  • Il-kontenut u l-kriterji ta' evalwazzjoni għar-rapport huma stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 698/2006.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mill-1 ta’ April 1999.

SFOND

Għal aktar tagħrif, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 530/1999 tad-9 ta' Marzu 1999 li jikkonċerna l-istatistiċi strutturali dwar il-qligħ u dwar l-ispejjeż tax-xogħol (ĠU L 63, 12.3.1999, pp. 6–10)

Emendi suċċessiv għar-Regolament (KE) Nru 530/1999 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

ATTI RELATATI

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1726/1999 tas-27 ta' Lulju 1999 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 530/1999 dwar l-istatistika strutturali tad-dħul u ta' l-ispejjeż ta' l-impjieg fir-rigward tad-definizzjoni u t-trasmissjoni ta' l-informazzjoni fuq l-ispejjeż ta' l-impjieg (ĠU L 203, 3.8.1999, pp. 28–40)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1916/2000 tat-8 ta' Settembru 2000 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 530/1999 li jirrigwarda l-istatisiki strutturali dwar il-qligħ u dwar in-nefqiet fuq ix-xogħol rigward id-definizzjoni u t-trasmissjoni tat-tagħrif dwar l-istruttura tal-qligħTest b'relevanza għaż-ŻEE (ĠU L 229, 9.9.2000, pp. 3–13)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 698/2006 tal-5 ta' Mejju 2006 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 530/1999 rigward l-evalwazzjoni tal-kwalità ta’ l-istatistiki strutturali dwar l-ispejjeż tax-xogħol u l-qligħ (ĠU L 121, 6.5.2006, pp. 30–35)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 27.07.2016

Top