Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Kumitat Konsultattiv dwar l-Opportunitajiet Ugwali għan-Nisa u għall-Irġiel

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Kumitat Konsultattiv dwar l-Opportunitajiet Ugwali għan-Nisa u għall-Irġiel

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

L-Istabbiliment ta’ Kumitat Konsultattiv dwar l-Opportunitajiet Ugwali għan-Nisa u għall-Irġiel — Deċiżjoni 2008/590/KE

SOMMARJU

X’TAGĦMEL DIN ID-DEĊIŻJONI?

Din tistabbilixxi kumitat sabiex jiġu żgurati konsultazzjonijiet u skambju regolari bejn korpi u istituzzjonijiet li jippromwovu l-opportunitajiet ugwali bejn in-nisa u l-irġiel fil-pajjiżi tal-UE.

PUNTI EWLENIN

Il-Kumitat Konsultattiv dwar l-Opportunitajiet Ugwali għan-Nisa u għall-Irġiel huwa maħsub sabiex jgħin lill-Kummissjoni Ewropea tifformula u timplimenta miżuri sabiex tippromwovi l-opportunitajiet ugwali għan-nisa u għall-irġiel. Hija tagħmel dan billi tħeġġeġ l-iskambju ta’ esperjenza, politiki u prattiki rilevanti bejn il-pajjiżi tal-UE u l-partijiet differenti involuti.

Il-Kumitat għandu 70 membru bi żmien tal-kariga ta’ tliet snin li jista’ jiġġedded, li jinkludu:

rappreżentant wieħed minn kull pajjiż tal-UE maħtur mill-Gvern tiegħu minn ministeru jew dipartiment tal-Gvern responsabbli għall-promozzjoni tal-opportunitajiet ugwali,

rappreżentant wieħed minn kull pajjiż tal-UE maħtur mill-Kummissjoni minn fost il-membri ta’ kumitat nazzjonali jew korp responsabbli għall-opportunitajiet ugwali fuq proposta tal-organizzazzjoni kkonċernata,

seba’ membri li jirrappreżentaw l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem fil-livell tal-UE, u

seba’ membri li jirrappreżentaw l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema fil-livell tal-UE,

Il-European Women’s Lobby hija rrappreżentata fil-laqgħat tal-kumitat minn żewġ membri bħala osservaturi. Rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, professjonali u bi sħubija wkoll jistgħu jiġu ammessi bħala osservaturi fuq talba motivata magħmula lill-Kummissjoni.

Il-Kumitat se jeleġġi President u żewġ Viċi-Presidenti minn fost il-membri tiegħu għal perjodu ta’ sena.

Il-President jista’ jistieden lil kwalunkwe persuna li tkun speċjalment kwalifikata f’xi suġġett partikolari li jkun fl-aġenda biex tieħu sehem fix-xogħol tal-Kumitat bħala espert.

Il-Kumitat ser jitlaqqa’ mill-Kummissjoni u ser jiltaqa’ mill-inqas darbtejn fis-sena fil-kwartieri ġenerali tal-Kummissjoni. Id-diskussjonijiet tal-Kumitat huma bbażati fuq talbiet għal opinjonijiet magħmula mill-Kummissjoni u fuq dawk mogħtija fuq l-inizjattiva tiegħu proprja. Ma jitteħidx vot fuqhom.

SFOND

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/590/KE tikkodifika u tirrevoka d-Deċiżjoni 82/43/KEE li oriġinarjament stabbiliet Kumitat Konsultattiv dwar l-Opportunitajiet Ugwali għan-Nisa u għall-Irġiel u li ġiet emendata diversi drabi.

Għal aktar informazzjoni, ara L-Ugwaljanza bejn is-Sessi fuq il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea.

ATT

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/590/KE tas-16 ta’ Ġunju 2008 rigward l-istabbiliment ta’ Kumitat Konsultattiv dwar l-Opportunitajiet Ugwali għan-Nisa u għall-Irġiel (Verżjoni kodifikata) (ĠU L 190, 18.7.2008, p. 17–21)

L-emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni 2008/590/KE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata hija biss bħala referenza.

l-aħħar aġġornament 18.01.2016

Top