Help Print this page 
Title and reference
Is-sigħat tax-xogħol abbord vapuri li jużaw portijiet tal-UE

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Is-sigħat tax-xogħol abbord vapuri li jużaw portijiet tal-UE

SOMMARJU

Din id-Direttiva għandha l-għan li tiġġieled it-tgħawwiġ fil-kompetizzjoni minn sidien ta' vapuri ta' pajjiżi mhux tal-UE u li tipproteġi s-saħħa u s-sigurtà tal-baħħara abbord vapuri li jużaw portijiet tal-Unjoni Ewropea (UE).

X'TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Hija għandha l-għan li tipprovdi proċeduri li jivverifikaw u jinfurzaw il-konformità tal-vapuri li jidħlu f’portijiet ta’ pajjiżi tal-UE mad-Direttiva 1999/63/KE (sussegwentement emendata mid-Direttiva 2009/13/KE), li tiddeskrivi r-regoli dwar il-ħin tax-xogħol għall-baħħara, inklużi s-sigħat, il-mistrieħ, il-liv imħallas u l-idoneità għax-xogħol.

PUNTI EWLENIN

Il-pajjiżi tal-UE, permezz tal-ispetturi maħtura għall-Kontroll tal-Istat tal-Port, iwettqu spezzjonijiet abbord bastimenti tal-baħar li jidħlu fil-portijiet tagħhom, irrispettivament mill-pajjiż fejn huma rreġistrati. Il-bastimenti tas-sajd mhumiex koperti mid-Direttiva.

L-ispezzjonijiet iseħħu b’mod partikolari wara li jiġi rċevut ilment mill-kaptan, minn membru tal-ekwipaġġ jew minn kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni b’interess leġittimu fl-operat mingħajr periklu tal-vapur, fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien abbord il-vapur jew fil-prevenzjoni tat-tniġġis.

L-ispezzjonijiet jiddeterminaw jekk:

tpoġġietx tabella bl-arranġamenti tax-xogħol abbord il-vapur f’post faċilment aċċessibbli.

jinżammux abbord rekords tas-sigħat tax-xogħol u tal-perjodi ta’ mistrieħ u jekk dawn jiġux approvati mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż fejn huwa rreġistrat il-vapur.

Jekk jinstab li l-baħħara jistgħu jkunu qegħdin jitħaddmu żżejjed, titwettaq spezzjoni aktar dettaljata sabiex jiġi ddeterminat jekk is-sigħat tax-xogħol irreġistrati humiex konformi mar-regolamenti u jekk dawn ġewx osservati.

Sabiex jirranġa kwalunkwe kundizzjoni li tkun evidentement perikoluża għas-saħħa jew għas-sigurtà, il-pajjiż tal-UE jista’ jipprojbixxi lill-vapur milli jħalli l-port sakemm in-nuqqasijiet jitranġaw jew il-membri tal-ekwipaġġ jistrieħu.

Jekk vapur ma jitħalliex jitlaq mill-port, il-kaptan, is-sid jew uffiċjal tal-pajjiż tal-bandiera, il-pajjiż tar-reġistrazzjoni jew rappreżentant diplomatiku jiġi infurmat bid-deċiżjoni, kif ukoll bi kwalunkwe azzjoni korrettiva meħtieġa.

Jekk vapur jittardja b’mod eċċessiv, is-sid ikun intitolat għal kumpens għal kwalunkwe telf jew ħsara li jġarrab, bl-oneru tal-provi jkun fuq is-sid tal-vapur, li għandu wkoll id-dritt ta’ appell kontra d-detenzjoni.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Hija daħlet fis-seħħ fl-20 ta’ Jannar 2000.

Għal aktar tagħrif, ara l-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006 fuq is-sit elettroniku tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol.

ATT

Id-Direttiva 1999/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 1999 li tikkonċerna l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet fejn għandhom x'jaqsmu s-sigħat tax-xogħol tal-baħħara abbord vapuri li jidħlu f'portijiet Komunitarji

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Id-Direttiva 1999/95/KE

20.01.2000

30.06.2002

ĠU L 14, 20.1.2000, p. 29-35

ATTI RELATATI

Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE tas-16 ta’ Frar 2009 li timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, u li temenda d-Direttiva 1999/63/KE (ĠU L 124, 20.5.2009, p. 30-50)

l-aħħar aġġornament 06.10.2015

Top