Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Il-ħin tax-xogħol tal-baħħara

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Il-ħin tax-xogħol tal-baħħara

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Id-Direttiva 1999/63/KE — Ftehim dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tal-baħħara

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Din tpoġġi fil-leġiżlazzjoni l-ftehim dwar il-ħin tax-xogħol tal-baħħara* li ntlaħaq bejn l-Assoċjazzjoni tal-Komunità Ewropea tas-Sidien tal-Bastimenti* u l-Federazzjoni tal-Unjonijiet tal-Ħaddiema tat-Trasport fit-30 ta’ Settembru 1998.
  • Din tikkunsidra l-Konvenzjoni Marittima tax-Xogħol tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol fir-rigward tas-sigħat tal-baħħara.

PUNTI EWLENIN

  • Kull vapur li jbaħħar li hu rreġistrat f’pajjiż tal-Unjoni Ewropea (UE) kemm jekk ikun proprjetà pubblika kif ukoll jekk ikun proprjetà privata li jwettaq attivitajiet marittimi kummerċjali għandu jirrispetta l-legiżlazzjoni.
  • Id-Direttiva tispeċifika numru massimu ta' sigħat ta' xogħol* jew numru minimu ta' sigħat ta' mistrieħ* f'perjodu partikolari ta' żmien.
  • Is-sigħat ta’ xogħol għandhom jirrispettaw li:
    • ġurnata ta’ xogħol standard hija tmien sigħat, b’ġurnata waħda mistrieħ u mistrieħ fil-vaganzi pubbliċi;
    • is-sigħat massimi ta' xogħol ma għandhomx jaqbżu erbatax-il siegħa fi kwalunkwe perjodu ta' 24 siegħa jew 72 f’perjodu ta' sebat ijiem.
  • Perjodi ta’ mistrieħ:
    • ma għandhomx ikunu inqas minn għaxar sigħat fi kwalunkwe perjodu ta' 24 siegħa, jew 72 f’perjodu ta' sebat ijiem;
    • jistgħu jiġu maqsuma f'mhux aktar minn żewġ perjodi, wieħed minnhom għandu jkun twil mill-inqas sitt sigħat;
    • għandhom iseħħu f’mill-inqas erbatax-il siegħa minn xulxin;
    • għandhom ikunu disturbati mill-inqas possibbli minn eżerċizzji ta’ sigurtà bħal kontrolli, eżerċizzji ta' tifi tan-nar u ta' salvataġġ;
    • għandhom jinkludu kumpens adegwat għal baħħara li jkunu qed jistrieħu u li jissejħu għax-xogħol.
  • Il-kaptan tal-vapur għandu d-dritt li jeħtieġ li l-ekwipaġġ jaħdem biex jiżgura s-sigurtà immedjata tal-vapur, tal-persuni abbord, tat-tagħbija merkanzija u ta’ persuni oħrajn fil-perikolu.
  • Dettalji ta’ arranġamenti abbord u d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni għandhom ikunu aċċessibbli u murija.
  • Għandhom jinżammu rekords tas-sigħat ta' xogħol u ta' mistrieħ ta' kuljum tal-baħħara.
  • Il-livelli tal-ekwipaġġ għandhom jevitaw jew inaqqsu sigħat eċċessivi ta' xogħol sabiex ikun żgurat mistrieħ biżżejjed u l-għejja tiġi limitata.
  • Ebda baħħar taħt it-18-il sena ma jista’ jaħdem bil-lejl*, għalkemm xi eċċezzjonijiet huma permessi.
  • Ebda persuna taħt is-16-il sena ma tista’ taħdem fuq vapur.
  • Kull baħħar:
    • għandu jkollu ċertifikat tas-saħħa li jixhed li huwa medikament b'saħħitu biex jaħdem fuq il-baħar. Xi eċċezzjonijiet huma permessi.
    • huwa intitolat għal lif annwali bi ħlas. Dan huwa bbażat fuq minimu ta’ 2.5 ġranet kull xahar maħdum u pro rata għal xhur mhux kompluti.
  • Pajjiżi tal-UE jistgħu:
    • jippermettu eżenzjonijiet għas-sigħat ta’ xogħol speċifikati u perjodi ta’ mistrieħ, taħt ċerti kundizzjonijiet;
    • japplikaw kundizzjonijiet aktar favorevoli għall-baħħara, u mhux inqas, minn dawk li fiha d-direttiva.

Ir-regoli jikkumplimentaw leġiżlazzjoni separata dwar is-sigħat tax-xogħol abbord vapuri li jużaw portijiet tal-UE.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mit-22 ta’ Lulju 1999. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sat-30 ta’ Ġunju 2002.

SFOND

In-natura speċifika tas-settur marittimu tfisser li mhijiex koperta mid-Direttiva 2003/88/KE dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol u b’hekk teħtieġ ir-regoli tagħha stess.

Għal aktar informazzjoni, ara:

* TERMINI EWLENIN

Baħħar: persuna impjegata fi kwalunkwe kapaċità abbord vapur li jbaħħar

Sid ta' vapur: sid tal-vapur jew kwalunkwe organizzazzjoni jew persuna oħra li tieħu dik ir-responsabbilità.

Sigħat ta' xogħol: il-ħin li matulu baħħar jaħdem fuq vapur.

Ħin ta’ mistrieħ: il-ħin barra s-sigħat ta' xogħol, iżda ma jinkludix waqfiet qosra.

Lejl: mill-inqas 9 sigħat, inkluż min-nofsillejl sal-5 am.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/63/KE tal-21 ta’ Ġunju 1999 dwar il-Ftehim dwar l-organizzazzjoni tal-ħin ta' xogħol tal-baħħara konkluż mill-Assoċjazzjoni tal-Komunità Ewropea tas-Sidien tal-Bastimenti (ECSA) u l-Federazzjoni ta' l-Unjonijiet tal-Ħaddiema tat-Trasport (FST) — Anness: Ftehim Ewropew dwar l-organizzazzjoni tal-ħin ta' xogħol tal-baħħara (ĠU L 167, 2.7.1999, pp. 33-37)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 1999/63/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 06.09.2016

Top