Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Trasport bit-triq: Regoli tal-UE dwar il-ħinijiet tas-sewqan, il-waqfiet u l-perjodi ta’ mistrieħ

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Trasport bit-triq: Regoli tal-UE dwar il-ħinijiet tas-sewqan, il-waqfiet u l-perjodi ta’ mistrieħ

L-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol għas-sewwieqa li jwettqu attivitajiet ta’ trasport bit-triq fl-UE tista’ tgħin sabiex jittejbu s-sikurezza fit-toroq u s-saħħa u s-sikurezza tas-sewwieqa, kif ukoll sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta.

ATT

Id-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq

SOMMARJU

L-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol għas-sewwieqa li jwettqu attivitajiet ta’ trasport bit-triq fl-UE tista’ tgħin sabiex jittejbu s-sikurezza fit-toroq u s-saħħa u s-sikurezza tas-sewwieqa, kif ukoll sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta.

X'TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Hija tistabbilixxi regoli minimi għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol għas-sewwieqa, li jissupplimentaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) 561/2006 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-ħinijiet tas-sewqan u l-perjodi ta’ mistrieħ tas-sewwieqa.

PUNTI EWLENIN

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva japplikaw għall-“ħaddiema mobbli” kollha fis-servizz ta’ negozju stabbilit f’pajjiż tal-UE sabiex iwettaq attivitajiet ta’ trasport bit-triq. Hija tapplika wkoll għas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom.

“Ħin tax-xogħol” jinkludi:

  • Is-sewqan
  • it-tagħbija u l-ħatt
  • l-għajnuna mogħtija lill-passiġġieri sabiex jirkbu l-vettura u jinżlu minnha
  • it-tindif u l-manutenzjoni teknika
  • kull xogħol ieħor relatat mas-sikurezza tal-vettura, tal-passiġġieri jew tal-merkanzija, kif ukoll it-twettiq ta’ ċerti obbligi legali li huma relatati direttament ma’ operazzjoni ta’ trasport speċifika (bħal formalitajiet doganali)
  • u kwalunkwe ħin ieħor meta s-sewwieq jitqies li qiegħed fuq xogħol.

Ġimgħa tax-xogħol massima hija ta’ 48 siegħa; madankollu, din tista’ tiġi estiża għal 60 siegħa, diment li medja ta’ 48 siegħa fil-ġimgħa ma tinqabiżx fuq perjodu ta’ 4 xhur.

Is-sewwieqa ma għandhomx jaħdmu aktar minn 6 sigħat mingħajr waqfa. Tali waqfiet għandhom idumu għal mhux inqas minn 30 minuta meta sewwieq ikun jaħdem bejn 6 sa 9 sigħat f’jum. Dan huwa addizzjonali għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) 561/2006, li jistabbilixxi limitu ta’ sewqan massimu ta’ 4.5 sigħat mingħajr waqfa jew mistrieħ.

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) 561/2006 dwar il-mistrieħ jinżammu minn din id-Direttiva. Is-sewwieqa għandhom jieħdu perjodi ta’ mistrieħ kuljum u kull ġimgħa.

Meta jinħadem xift bil-lejl, jistgħu jinħadmu massimu ta’ 10 sigħat fi kwalunkwe perjodu ta’ 24 siegħa.

Rapport tal-Kummissjoni tal-2014 analizza l-implimentazzjoni tad-Direttiva u tar-Regolament matul il-perjodu 2011-12. Huwa sab li kien hemm ċertu titjib fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni. Madankollu, in-nuqqas ta’ kompletezza u l-inkonsistenza tas-sottomissjonijiet tal-pajjiżi tal-UE impedew analiżi fil-fond tal-effett fuq is-sikurezza fit-toroq jew fuq is-saħħa u s-sikurezza tas-sewwieqa. Il-Kummissjoni rrimarkat li hija ser tniedi evalwazzjoni komprensiva tal-funzjonament tal-leġiżlazzjoni soċjali fit-trasport bit-triq.

SFOND

Proposta tal-Kummissjoni tal-2008 għall-modifika tad-Direttiva sabiex jiġu esklużi s-sewwieqa li jaħdmu għal rashom u sabiex jittejjeb l-infurzar tagħha ġiet irrifjutata mill-Parlament Ewropew. Għall-ewwel, id-Direttiva kienet tkopri biss il-ħaddiema mobbli li kienu impjegati minn kumpanija tat-trasport. Sa minn Marzu 2009, hija kienet tkopri lis-sewwieqa kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar il-ħinijiet tas-sewqan, il-waqfiet u l-perjodi ta’ mistrieħ.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Id-Direttiva 2002/15/KE

23.3.2002

23.3.2005

ĠU L 80 tat-23.3.2002, p. 35-39

ATTI RELATATI

Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 - Dikjarazzjoni (ĠU L 102 tal-11.4.2006, p. 1-14)

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni fl-2011-2012 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq u tad-Direttiva 2002/15/KE dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq (is-27 rapport mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni soċjali relatata mat-trasport bit-triq) (COM(2014) 709 finali tal-21.11.2014)

l-aħħar aġġornament 30.09.2015

Top