Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Il-protezzjoni tal-impjegati f’każ ta’ insolvenza ta’ min iħaddimhom

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Il-protezzjoni tal-impjegati f’każ ta’ insolvenza ta’ min iħaddimhom

Id-direttiva għandha l-għan li tiggarantixxi l-ħlas tar-rimunerazzjoni tal-impjegati jekk min iħaddimhom ikun fi stat ta’ insolvenza. Hija teħtieġ lill-pajjiżi tal-UE jistabbilixxu istituzzjonijiet ta’ garanzija u tistabbilixxi proċeduri li japplikaw meta jsiru insolventi impjegaturi transkonfinali.

SOMMARJU

Din id-direttiva tipproteġi lill-impjegati li għandhom pretensjoni għal rimunerazzjoni mhux imħallsa kontra persuna li tħaddem fi stat ta’ insolvenza.

L-istat ta’ insolvenza jsegwi talba magħmula taħt proċeduri ġudizzjarji li jinvolvu l-iżvestiment parzjali jew totali tal-assi ta’ dak li jħaddem u l-ħatra ta’ likwidatur meta l-awtorità ġudizzjarja kompetenti tkun:

  • iddeċidiet li tiftaħ proċedura; jew
  • stabbilixxiet li l-impriża jew in-negozju ta’ min iħaddem ingħalqu b’mod definittiv u li l-assi disponibbli ma humiex suffiċjenti.

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu, bħala eċċezzjoni, jeskludu pretensjonijiet minn ċerti kategoriji ta’ impjegati jekk forom ta’ garanzija oħrajn joffrulhom protezzjoni ekwivalenti. Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jeskludu servi domestiċi impjegati minn persuna fiżika u sajjieda bi sħab mill-protezzjoni mogħtija mid-direttiva.

Madankollu, apparti dawn l-eċċezzjonijiet, l-impjegati kollha jistgħu jibbenefikaw minn din id-direttiva irrispettivament mill-perijodu ta’ żmien tal-kuntratt ta’ impjieg jew ir-relazzjoni ta’ impjieg. B’hekk din tapplika għal impjegati part-time, kuntratti għal żmien fiss u kuntratti temporanji.

L-istituzzjonijiet ta’ garanzija

Il-pajjiżi tal-UE jridu jistabbilixxu istituzzjonijiet ta’ garanzija li jiggarantixxu l-ħlas tal-pretensjonijiet tal-impjegati u, fejn xieraq, il-ħlas tat-terminazzjoni ladarba jintemmu r-relazzjonijiet ta’ impjieg. Dawn jistgħu jistabbilixxu limiti fuq il-ħlas magħmul mill-istituzzjoni, li jridu jkunu għoljin biżżejjed sabiex jikkontribwixxu għall-għan soċjali tad-direttiva.

Il-perijodu minimu tar-rimunerazzjoni mill-istituzzjoni tal-garanzija jrid ikun ikkalkolat fuq il-bażi ta’:

  • perijodu ta’ referenza minimu ta’ sitt xhur, li jagħti lok għall-ħlas ta’ pretensjonijiet għal mill-inqas tliet xhur;
  • perijodu ta’ referenza minimu ta’ 18-il xahar, li jagħti lok għall-ħlas ta’ pretensjonijiet għal mill-inqas tmien ġimgħat. F’dan il-każ, għandhom jintużaw għall-kalkolu dawk il-perijodi li huma l-aktar favorevoli għall-impjegat.

Min iħaddem irid jikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ dawn l-istituzzjonijiet, sakemm dan ma jkunx kompletament kopert mill-awtoritajiet pubbliċi.

Sigurtà soċjali

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jistipulaw li l-garanzija tal-ħlas ma tapplikax għal:

  • kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali;
  • kontribuzzjonijiet taħt skemi tal-pensjoni tal-kumpannija supplimentari jew fi ħdan il-kumpannija, lil hinn mill-iskemi ta’ sigurtà soċjali statutorji.

Barra minn hekk, jekk min iħaddem ma jkunx ħallas il-kontribuzzjonijiet obbligatorji tas-sigurtà soċjali iżda dawn ikunu tnaqqsu mir-rimunerazzjoni mħallsa, l-impjegati għandhom igawdu mill-intitolament għall-benefiċċju sħiħ tagħhom fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ assigurazzjoni.

L-interessi tal-impjegati huma protetti fir-rigward tal-benefiċċji tax-xjuħija, inklużi benefiċċji lil min jibqa’ ħaj, taħt skemi ta’ pensjoni supplimentari. Din il-protezzjoni tapplika wkoll għal impjegati li jkunu telqu min-negozju qabel seħħet l-insolvenza.

Sitwazzjonijiet transkonfinali

Jekk il-persuna li tħaddem li tkun saret insolventi kienet topera fit-territorji ta’ mill-inqas żewġ pajjiżi tal-UE, l-awtorità responsabbli għall-ħlas tal-pretensjonijiet hija dik fil-pajjiż fejn l-impjegat kien jaħdem normalment.

B’mod simili, il-limitu tad-drittijiet tal-impjegati fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ garanzija huwa ddeterminat mid-dritt nazzjonali li japplika għall-istituzzjoni ta’ garanzija.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Hija daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Novembru 2008.

ATT

Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom (Verżjoni kodifikata) (ĠU L 283, 28.10.2008, p. 36–42)

ATTI RELATATI

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/94/KE dwar il-protezzjoni tal-impjegati fíl-każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom (KUMM(2011) 84 final tat-28 ta’ Frar 2011) – Ix-xibka ta’ sigurtà għall-impjegati introdotta mid-Direttiva 2008/94/KE ppruvat l-effikaċja u l-utilità tagħha. Madwar 3.4 miljun ħaddiem ibbenefikaw mill-intervent tal-istituzzjonijiet ta’ garanzija matul il-perijodu mill-2008 sal-20011, b’mod partikolari fid-dawl tal-kriżi ekonomika globali.

l-aħħar aġġornament 11.12.2015

Top