EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Id-djalogu soċjali Ewropew

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Id-djalogu soċjali Ewropew, forza għall-innovazzjoni u l-bidla

SOMMARJU

X'TAGĦMEL DIN IL-KOMUNIKAZZJONI?

Hija tistabbilixxi linji gwida mmirati biex isaħħu l-kontribut tar-rappreżentanti ta’ dawk li jħaddmu u tal-ħaddiema (“imsieħba soċjali”) għall-ħidma tal-istituzzjonijiet pubbliċi sabiex itejbu l-governanza pubblika u r-riforma soċjali u ekonomika fl-UE.

PUNTI EWLENIN

L-għanijiet ewlenin tal-Kummissjoni huma li:

iżżid il-konsultazzjoni tal-imsieħba soċjali fl-abbozzar tal-liġi tal-UE sabiex din tkun tinkludi l-inizjattivi kollha li għandhom riperkussjonijiet soċjali

ittejjeb il-proċeduri u r-regoli għall-konsultazzjoni

tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet nazzjonali u t-titjib tal-governanza interna tagħhom

tinkoraġġixxi lill-imsieħba soċjali sabiex iwessgħu u jtejbu d-djalogu soċjali billi jikkonkludu aktar ftehimiet li jridu jiġu integrati fil-liġi tal-UE u billi jiżviluppaw il-proċessi għad-djalogu fi ħdan u bejn setturi differenti

tgħolli l-profil tar-riżultati tad-djalogu soċjali Ewropew

ittejjeb it-taħriġ għall-imsieħba soċjali Ewropej u għar-rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali u li tippromwovi djalogu soċjali lokali u responsabbiltà soċjali korporattiva.

Forom ta’ djalogu

Il-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali tieħu 2 forom ewlenin:

djalogu bidirezzjonali bejn l-impjegaturi Ewropej u l-organizzazzjonijiet tat-trejdunjins. Dan iseħħ fil-livell transindustrijali u fi ħdan il-kumitati settorjali.

djalogu tridirezzjonali li jinvolvi lill-awtoritajiet pubbliċi.

Djalogu soċjali settorjali

Sal-2015, ġew stabbiliti 43 kumitat tad-djalogu soċjali settorjali (SSDCs). L-SSDCs huma fora għal diskussjoni u konsultazzjoni dwar il-proposti li jirrigwardjaw l-impjiegi u l-politika soċjali f’xi setturi speċifiċi. Dawn ta’ spiss ikunu jinkludu bosta gruppi ta’ ħidma u kumitati.

Djalogu soċjali transindustrijali

Ġew stabbiliti għadd ta’ fora sabiex ikun jista’ jsir djalogu soċjali bejn is-setturi, fosthom:

il-Kumitat tad-Djalogu Soċjali, il-forum ewlieni tal-UE għad-djalogu soċjali bidirezzjonali fil-livell transindustrijali

is-Summit Soċjali Tripartitiku għat-Tkabbir u l-Impjiegi, propost f’din il-Komunikazzjoni, li jiltaqa’ darbtejn f’sena. Huwa jlaqqa’ flimkien rappreżentanti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni Ewropea flimkien ma’ delegazzjoni ta’ msieħba soċjali.

id-Djalogu Makroekonomiku, forum ta’ livell għoli (livell ministerjali) għall-iskambju ta’ opinjonijiet bejn il-Kunsill, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-imsieħba soċjali, iseħħ darbtejn fis-sena u għandu struttura b’żewġ saffi, dak politiku u dak tekniku.

Forum ta’ Kollegament għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali kollha tal-UE u l-Kummissjoni

Kumitati konsultattivi

Seminars, proġetti konġunti tal-imsieħba soċjali.

Konsultazzjoni

Meta tiġi biex tikkunsidra l-leġiżlazzjoni, il-Kummissjoni tikkonsulta lill-imsieħba soċjali dwar id-direzzjoni possibbli ta’ inizjattiva, fl-ewwel stadju, u dwar il-kontenut ta’ inizjattiva, fit-tieni stadju.

Skont rapport tal-2010, id-djalogu soċjali settorjali:

ikkontribwixxa għal aktar minn 500 test ta’ status legali differenti, li jvarjaw minn opinjonijiet u reazzjonijiet konġunti għal ftehimiet li ġew implimentati bħala leġiżlazzjoni tal-UE.

qabel fuq 5 testi legalment vinkolanti f’kumitati tad-djalogu soċjali, li ġew implimentati permezz ta’ direttivi

Ġew prodotti wkoll bosta ftehimiet taħt id-djalogu soċjali transindustrijali:

4 ftehimiet iffirmati mill-imsieħba soċjali Ewropej, li ġew ittrasformati f’direttivi skont il-proċedura tad-djalogu soċjali stabbilita fl-Artikoli 154 u 155 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

ġew konklużi wkoll 4 ftehimiet transindustrijali mill-imsieħba soċjali abbażi tal-programm ta’ ħidma tagħhom.

SFOND

Djalogu soċjali

ATT

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Id-djalogu soċjali Ewropew, forza għall-innovazzjoni u l-bidla (COM(2002) 341 finali tas-26.6.2002)

ATTI RELATATI

Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar il-funzjonament u l-potenzjal tad-djalogu soċjali settorjali Ewropew (SEC(2010) 964 finali tat-22.7.2010)

l-aħħar aġġornament 06.10.2015

Top