Help Print this page 
Title and reference
Il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali

Il-liġi tal-Unjoni Ewropea (UE) dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali ma tissostitwixxix is-sistemi nazzjonali b’sistema Ewropea unika. Il-liġijiet nazzjonali jiddeċiedu dwar aspetti bħall-benefiċjarji tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom, il-livelli tal-benefiċċji u l-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà. Madankollu, l-UE għandha regoli komuni sabiex tipproteġi d-drittijiet tas-sigurtà soċjali meta l-persuni jiċċaqilqu fl-UE, fl-Islanda, fil-Liechtenstein, fin-Norveġja u fl-Isvizzera.

ATT

Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali

SOMMARJU

Il-liġi tal-Unjoni Ewropea (UE) dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali ma tissostitwixxix is-sistemi nazzjonali b’sistema Ewropea unika. Il-liġijiet nazzjonali jiddeċiedu dwar aspetti bħall-benefiċjarji tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom, il-livelli tal-benefiċċji u l-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà. Madankollu, l-UE għandha regoli komuni sabiex tipproteġi d-drittijiet tas-sigurtà soċjali meta l-persuni jiċċaqilqu fl-UE, fl-Islanda, fil-Liechtenstein, fin-Norveġja u fl-Isvizzera.

X'JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Huwa jistabbilixxi regoli komuni għall-protezzjoni tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali meta l-persuni jiċċaqilqu fl-UE (kif ukoll fl-Islanda, fil-Liechtenstein, fin-Norveġja u fl-Isvizzera).

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

Ir-Regolament ikopri l-fergħat tradizzjonali kollha tas-sigurtà soċjali, jiġifieri:

il-mard,

il-maternità u l-paternità,

il-pensjonijiet tax-xjuħija,

il-pensjonijiet tal-invalidità u ta’ qabel l-irtirar,

il-benefiċċji għas-superstiti u l-għotjiet marbutin ma’ mewt,

il-qgħad,

il-benefiċċji tal-familja,

l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol u l-mard okkupazzjonali.

Il-benefiċjarji huma garantiti li l-benefiċċji tagħhom ser jitħallsu, li huma ser ikunu koperti għall-kura tas-saħħa u li huma ser jingħataw benefiċċji tal-familja anki jekk imorru f’pajjiż ieħor tal-UE.

Il-benefiċjarji

Iċ-ċittadini kollha tal-UE (u l-familji tagħhom) li huma koperti mil-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali ta’ pajjiż tal-UE jistgħu jibbenifikaw minn dawn ir-regoli dwar il-koordinazzjoni. Huma japplikaw għall-impjegati u għal dawk li jaħdmu għal rashom, għall-impjegati taċ-ċivil, għall-istudenti u għall-pensjonanti, iżda wkoll għall-persuni qiegħda, li għadhom ma bdewx jaħdmu jew li ma għadhomx jaħdmu.

Ir-regoli japplikaw ukoll għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u għall-membri tal-familja tagħhom li jirrisjedu legalment fl-UE.

Prinċipji bażiċi

Il-benefiċjarji:

huma koperti mil-leġiżlazzjoni ta’ pajjiż wieħed u jħallsu l-primjums f’dak il-pajjiż. L-organizzazzjonijiet li jimmaniġġjaw is-sigurtà soċjali jiddeċiedu l-ġurisdizzjoni legali li għaliha jappartjenu (il-prinċipju tal-liġi unika applikabbli);

għandhom l-istess drittijiet u obbligi bħaċ-ċittadini tal-pajjiż fejn huma koperti (il-prinċipju tat-trattament indaqs jew tan-nondiskriminazzjoni);

huma garantiti li l-perjodi preċedenti ta’ assigurazzjoni, xogħol jew residenza f’pajjiżi oħrajn jittieħdu f’kunsiderazzjoni fil-kalkolazzjoni tal-benefiċċji tagħhom (il-prinċipju tal-aggregazzjoni tal-perjodi);

jistgħu, jekk ikunu intitolati għal benefiċċju fi flus f’pajjiż, jiġbru dan il-benefiċċju jekk ma jkunux jgħixu f’dak il-pajjiż (il-prinċipju tal-esportabbiltà tal-benefiċċji lill-pajjiżi kollha tal-UE fejn jirrisjedu l-benefiċjarju jew il-membri tal-familja tiegħu).

Il-Karta tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa Ewropea (EHIC)

L-EHIC (li hija mingħajr ħlas) tagħti ċ-ċans lin-nies li jkunu qegħdin jirrisjedu f’pajjiż ieħor tal-UE differenti mill-pajjiż tar-residenza tagħhom, inkluż fuq btala, ikollhom aċċess għal benefiċċji mediċi matul ir-residenza tagħhom fuq l-istess termini u bl-istess spiża bħan-nies assigurati f’dak il-pajjiż. L-ispejjeż imbagħad jitħallsu/jiġu rrimborżati mis-sistema tas-sigurtà soċjali tal-pajjiż tal-oriġini tagħhom. L-EHICs jinħarġu mis-servizzi tal-assigurazzjoni tas-saħħa fil-pajjiż tal-persuna assigurata.

L-istrumenti ta’ koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali

L-istituzzjonijiet għandhom iwieġbu għat-talbiet kollha fi żmien raġonevoli u għandhom jikkomunikaw kwalunkwe informazzjoni mitluba minn dawk ikkonċernati sabiex jasserixxu d-drittijiet tagħhom skont ir-Regolament. Ir-Regolament jistabbilixxi regoli li jiżguraw li l-istituzzjonijiet tal-pajjiżi tal-UE jaħdmu flimkien mill-qrib u jassistu b’mod reċiproku lil xulxin għall-benefiċċju taċ-ċittadini.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Mill-20 ta’ Mejju 2004.

Għal aktar tagħrif, ara l-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali tal-UE fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004

20.5.2004

-

ĠU L 166 tat-30.4.2004, pp. 1-123

Att(i) Emendatorji

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

Ir-Regolament (KE) Nru 988/2009

30.10.2009

-

ĠU L 284 tat-30.10.2009, pp. 43-72

Ir-Regolament (UE) Nru 1231/2010

1.1.2010

-

ĠU L 344 tad-29.12.2010, pp. 1-3

Ir-Regolament (UE) Nru. 465/2012

28.6.2012

-

ĠU L 149 tat-8.6.2012, pp. 4-10

Ir-Regolament (UE) Nru 1224/2012

8.1.2013

-

ĠU L 349 tad-19.12.2012, pp. 45-46

Fit-test bażiku ġew inkorporati emendi u korrezzjonijiet suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 883/2004. Din il-verżjoni kkonsolidata hija għal skop ta’ referenza biss.

ATTI RELATATI

Ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali (ĠU L 284 tat-30.10.2009, pp. 1-42).

L-aħħar aġġornament: 17.03.2015

Top