Help Print this page 
Title and reference
Żieda fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-kollokament tal-ħaddiema

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Żieda fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-kollokament tal-ħaddiema

L-għan tad-Direttiva tal-Infurzar (Direttiva 2014/67/UE) huwa li ttejjeb l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni fil-prattika tad-Direttiva dwar il-kollokament tal-ħaddiema (Direttiva 96/71/KE), b’hekk tiggarantixxi protezjoni aħjar għal ħaddiema kollokati u qafas legali aktar trasparenti u prevedibbli għall-fornituri tas-servizz.

ATT

Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta’ ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta’ servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (ir-Regolament tal-IMI) (ĠU L 159 tat-28.5.2014).

SOMMARJU

Id-Direttiva 96/71/KE tapplika għal impriżi li, fil-kuntest tal-forniment transnazzjonali tas-servizzi, jikkollokaw ħaddiema għat-territorju ta’ pajjiż tal-UE, diment li jkun hemm relazzjoni ta’ impjiegi bejn l-impriża li tagħmel il-kollokament u l-ħaddiema waqt il-perjodu tal-kollokament. ’Ħaddiem kollokat’ huwa ħaddiem li, għal perjodu limitat, jaħdem fit-territorju ta’ pajjiż tal-UE għajr dak li normalment jaħdem fih.

Sabiex ikunu protetti d-drittijiet soċjali ta’ ħaddiema kollokati fejn il-kumpaniji jużaw il-libertà li jipprovdu servizzi u li jiffaċilitaw l-eżerċizju ta’ dik il-libertà, id-Direttiva 96/71/KE għandha kundizzjonijiet bażiċi għall-impjieg li għandhom ikunu applikati għall-ħaddiema kollokati fil-pajjiżi li jilqagħhom, bħal:

  • perjodi massimi ta’ xogħol u perjodi minimi ta’ mistrieħ;
  • btajjel annwali minimi bi ħlas;
  • rati applikabbli minimi ta’ paga, inkluż rati tal-overtime;
  • saħħa, sigurtà u iġjene fuq il-post tax-xogħol.

Prevenzjoni aħjar u sanzjonijiet ta’ kwalunkwe abbuż tar-regoli applikabbli

Sabiex tgħin fil-ġlieda kontra l-abbuż u l-evażjoni tar-regoli (eżempju permezz tal-hekk imsejħa kumpaniji tal-kaxxa tal-ittri), id-Direttiva 2014/67/UE fiha lista ta’ elementi fattwali li jgħinu fil-valutazzjoni ta’ jekk sitwazzjoni speċifika tikkwalifkax bħala kollokament ġenwin (Artikolu 4).

Għal ċertezza legali akbar, id-Direttiva tistipula lista ta’ miżuri nazzjonali ta’ kontroll li huma kkunsidrati ġġustifikati u proporzjonati u li jistgħu jkunu applikati sabiex jimmonitorjaw il-konformità mad-Direttiva 96/71/KE u d-Direttiva tal-Infurzar innifisha (Artikolu 9),

Sabiex iżidu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-katini tas-subkuntratti, il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li ħaddiema kollokati fis-setturi tal-kostruzzjoni jistgħu jżommu lill-kuntrattur fir-relazzjoni diretta ta’ subkuntrattur bħala responsabbli għal kwalunkwe remunerazzjoni netta pendenti li tikkorrispondi għar-rati minimi ta’ ħlas, flimkien ma’ jew minflok l-impjegatur (Artikolu 12). Minflok regoli ta’ responsabbilità bħal dawn, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri xierqa oħrajn ta’ infurzar.

Aċċess għall-informazzjoni imtejjeb

Sabiex iqajmu l-għarfien u jżidu t-trasparenza, il-pajjiżi tal-UE huma obbligati li jagħmlu disponibbli mingħajr ħlas l-informazzjoni dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjiegi u dwar ftehim kollettiv applikabbli għal ħaddiema kollokati permezz ta’ sit elettroniku nazzjonali uffiċjali waħdieni (Artikolu 5). L-informazzjoni għandha tkun magħmula pubblika fil-lingwa(i) uffiċjali tal-pajjiż ospitanti u fil-lingwi l-aktar relevanti skont domandi fis-suq tax-xogħol.

Kooperazzjoni amministrattiva msaħħa

Id-Direttiva 2014/67/UE tinkludi wkoll regoli aktar ċari għat-titjib tal-kooperazzjoni amministrattiva bejn awtoritajiet nazzjonali responsabbli tal-monitoraġġ tal-konformità, inklużi limiti taż-żmien għall-għoti ta’ informazzjoni (Artikolu 6). Fil-każ ta’ xi problemi persistenti fl-iskambju tal-informazzjoni jew rifjut permanenti għall-għoti tal-informazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tkun infurmata permezz tas-sistema tal-Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI). Ir-Regolament IMI jidħol hawnhekk. Is-sistema IMI hija għodda elettronika multilingwi li tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali illi jikkomunikaw malajr u faċilment mal-kontroparti tagħhom fl-UE, fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein u fin-Norveġja dwar il-liġi tas-suq intern tal-UE. Id-Direttiva tiżgura wkoll illi penali u multi amministrattivi imposti fuq fornituri tas-servizz għal nuqqas illi jirrispettaw ir-regoli applikabbli f’pajjiż wieħed tal-UE jistgħu ikunu infurzati u rkuprati f’ieħor (kapitolu VI).

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali ’

Direttiva 96/71/KE

10.2.1997

16.12.1999

ĠU L 18 ta’ 21.1.1997

Direttiva 2014/67/UE

17.6.2014

18.6.2016

ĠU L 159, 28.5.2014

ATTI RELATATI

Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE (ir-Regolament tal-IMI) (ĠU L 316 tal-14.11.2012).

L-aħħar aġġornament: 09.08.2014

Top