Help Print this page 
Title and reference
Ħin tas-sewqan fis-settur tat-trasport bit-triq

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Ħin tas-sewqan fis-settur tat-trasport bit-triq

Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 jistabbilixxi regoli għall-ħinijiet tas-sewqan, perjodi ta' waqfien u serħan għax-xufiera ta' lorries u karozzi tal-linja sabiex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tas-sikurezza fit-toroq.

ATT

Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85.

SOMMARJU

Ir-regolament japplika għall-ġarr bit-triq ta' oġġetti minn vetturi b'massa totali ta' aktar minn 3.5 tunnellata u għat-trasport bit-triq ta' passiġġieri minn vetturi li huma adattati sabiex iġorru aktar minn disa' persuni (inkluż ix-xufier).

Japplika, irrispettivament mill-pajjiż ta' reġistrazzjoni tal-vettura, għall-ġarr bit-triq fl-UE u bejn il-pajjiżi tal-UE, l-Isvizzera u l-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea.

Età minima

Xufiera u s-sieħba tax-xufiera għandu jkollhom tal-inqas 18-il sena, għajr f'ċerti ċirkostanzi għal sieħba ta' xufiera apprendisti li għalihom, l-età minima hija ta' 16-il sena (ara l-Artikolu 5 għal aktar dettalji).

Regoli dwar il-ħinijiet ta' sewqan, perjodi ta' waqfien u serħan

Regoli dettaljati għal dawn huma stabbiliti fl-Artikoli 6, 7, 8 u 9. Dawn jinkludu:

  • ammont massimu ta' ħin ta' sewqan ta' kuljum ta' 9 sigħat, li jista' jiġi estiż għal 10 sigħat mhux aktar minn darbtejn fil-ġimgħa;
  • ammont massimu ta' ħin ta' sewqan fil-ġimgħa ta' 56 siegħa;
  • ħin ta' sewqan akkumulat totali massimu matul kwalunkwe ġimagħtejn konsekuttivi ta' 90 siegħa;
  • wara sewqan għal perjodu ta' 4.5 siegħa, xufier għandu jieħu pawża mhux interrotta ta' mhux inqas minn 45 minuta, sakemm ma jiħux perjodu ta' serħan;
  • pawża minima ta' kuljum ta' 11-il siegħa, li tista' titnaqqas għal 9 sigħat, mhux aktar minn 3 darbiet fil-ġimgħa.
  • perjodu regolari ta' serħan fil-ġimgħa ta' minimu ta' 45 siegħa u perjodu ta' serħan fil-ġimgħa mnaqqas ta' minimu ta' 24 siegħa.

Takograff

Ir-Regolament (UE) Nru 561/2006 huwa emendat b'liġi ġdida, ir-Regolament (UE) Nru 165/2014. Dan jistabbilixxi rekwiżiti li jikkonċernaw il-bini, l-installazzjoni u l-użu ta' apparat ta' reġistrazzjoni (takograff) li għandu jitwaħħal fil-vetturi li jaqgħu fl-ambitu ta' dan ir-regolament.

It-takograff huwa apparat li jirreġistra l-ħinijiet ta' sewqan, il-perjodu ta' waqfa u serħan, kif ukoll il-perjodi ta' disponibilità u xogħol ieħor imwettaq minn xufier. L-għan tat-takograff huwa li:

  • jikkontrolla l-konformità tax-xufiera mar-regoli fis-seħħ;
  • jimmonitorja l-ħinijiet tas-sewqan tax-xufiera professjonali sabiex jimpedixxi l-għeja;
  • jiżgura kompetizzjoni ġusta u sigurtà fit-toroq.

Il-liġi l-ġdida tintroduċi takograff intelliġenti li, ladarba jibda jitħaddem, sejjer jipprovdi reġistrazzjoni awtomatizzata permezz tal-pożizzjonar bis-satellita. Dan għandu jtejjeb il-konformità u jippermetti kxif bikri ta' frodi jew ta' użu ħażin possibbli.

Huwa obbligatorju li tinstalla takograff diġitali f'vetturi ġodda li jkollhom massa ta' aktar minn 3.5 tunnellata (fi trasport ta' oġġetti) u li jġorru aktar minn 9 persuni inkluż ix-xufier (fi trasport tal-passiġġieri).

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006

11.4.2007, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 10(5), Artikolu 26(3) u (4), u Artikolu 27, li jidħlu fis-seħħ fl-1.5.2006

-

ĠU L 102 tal-11.4.2006

Att(i) li Jemenda(w)

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009

4.12.2009, bl-eċċezzjoni ta' applikazzjoni parzjali ara Artikolu 31

-

ĠU L 300 tal-14.11.2009

Ir-Regolament (UE) 165/2014

1.3.2014, bl-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 48

-

ĠU L 60 tat-28.2.2014

L-aħħar aġġornament: 10.06.2014

Top