Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Regoli tal-proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA HR IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
HTML html BG html ES html CS html DA html DE html ET html EL html EN html FR html IT html LV html LT html HU html MT html NL html PL html PT html RO html SK html SL html FI html SV
Multilingual display
Text

Regoli tal-proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Dawn ir-Regoli tal-Proċedura jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġi implimentat u ssupplimentat l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja li hemm dettaljat fil-Protokoll Nru 3 anness għat-Trattati. Ir-regoli l-ġodda, adottati fl-2012, jimmiraw li jagħmluhom aktar faċli biex jinftiehmu u jinqraw mil-litiganti u l-qrati u t-tribunali nazzjonali, u wkoll sabiex jikkunsidraw aħjar it-tibdiliet fil-każijiet indirizzati mill-Qorti.

ATT

Regoli ta' Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 2012 (Ġurnal Uffiċjali L 265, 29.9.2012).

SOMMARJU

Il-Qorti tal-Ġustizzja hija waħda mit-tliet qrati li jiffurmaw il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-istituzzjoni ġudizzjarja tal-Unjoni u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (KEEA). Iż-żewġ ġurisdizzjonijiet l-oħrajn huma Tribunal et le it-Tribunal għas-servizz pubbliku. Il-missjoni tagħhom hija li jiżguraw l-istat tad-dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati, inkluż bil-kontroll tal-legalità tal-atti tal-Unjoni.

Organizzazzjoni tal-Qorti

Il-Qorti hija organizzata kif ġej:

  • Kompożizzjoni tal-Qorti: Il-Qorti tinkludi 28 imħallef u 9 avukati ġenerali, eletti għal sitt snin. L-avukati ġenerali huma responsabbli milli jassistu lill-Qorti u jagħtu pariri legali. L-Imħallfin jeleġġu l-President tal-Qorti, kif ukoll il-Viċi President, għal tliet snin. Il-President huwa inkarigat milli jirrappreżenta lill-Qorti u jmexxi l-ħidma tagħha; il-Viċi President jgħinu fil-funzjonijiet tiegħu.
  • Il-kostituzzjoni tal-awli u l-ħatra tal-imħallfin relaturi: Il-Qorti fiha fi ħdanha awli b’ħames imħallfin, li l-president tagħhom jiġi maħtur għal tliet snin, u awli bi tliet imħallfin, li l-president tagħhom ikun maħtur għal sena. Biex jittratta każ, il-President tal-Qorti jagħżel imħallef relatur, filwaqt li avukat ġenerali jintgħażel mill-Avukat Ġenerali ewlieni. Jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tista’ taħtar assistenti relaturi.
  • Ir-rwol tar-Reġistratur: Il-Qorti taħtar Reġistratur għal perjodu ta’ sitt snin. Dan huwa inkarigat milli jirċievi, jibgħat, iżomm id-dokumenti kollha, u huwa responsabbli mill-arkivji. Barra minn hekk, huwa jgħin lill-membri tal-Qorti u jieħu ħsieb il-pubblikazzjonijiet tagħha. Fl-aħħar nett, huwa jmexxi s-servizzi tal-istituzzjoni taħt l-awtorità tal-President tal-Qorti.
  • Kif taħdem il-Qorti: Il-każijiet jiġu assenjati lis-seduta plenarja, lill-Awla Manja jew awla b’ħames jew tliet Imħallfin. Diversi kawżi jistgħu jiġu deċiżi flimkien mill-istess kulleġġ ġudikanti. Id-deċiżjonijiet tal-Qorti għandhom jibqgħu sigrieti.
  • Sistema lingwistika: Kull kawża għandha lingwa ta’ proċedura. Fir-rikorsi diretti r-rikorrent jista’ jagħżel lingwa minn fost l-erbgħa u għoxrin lingwa uffiċjali tal-Unjoni. Fil-proċeduri għal deċiżjoni preliminari l-lingwa tal-proċedura hija dik tal-qorti nazzjonali.

Karatteristiċi tal-proċedura

Il-proċedura quddiem il-Qorti tinkludi fil-prinċipju l-fażijiet li ġejjin:

  • Il-proċedura bil-miktub: din tikkonsisti fi skambju ta’ noti bejn il-partijiet. Dawn in-noti għandhom ikollhom kontenut definit tajjeb. Ladarba l-proċedura tintemm, l-imħallef relatur jippreżenta rapport preliminari waqt il-laqgħa ġenerali tal-Qorti.
  • Miżuri istruttorji: Il-Qorti għandha l-possibbiltà li tistabbilixxi miżuri istruttorji bħad-dehra tal-partijiet, it-talba għall-informazzjoni u għad-dokumenti, il-provi permezz tax-xhieda, il-perizja jew l-aċċess fuq il-post. Rapport ikun imħejji għal kull seduta istruttorja.
  • Il-proċedura orali sseħħ wara l-istruttorja jekk ikun hemm il-ħtieġa. Il-President jiftaħ u jmexxi t-trattazzjoni. Il-proċedura orali tista’ ssir fil-magħluq.
  • Il-konklużjonijiet tal-avukat ġenerali: wara li tintemm din il-proċedura, l-avukat ġenerali jippreżenta l-konklużjonijiet tiegħu.
  • Id-deċiżjoni finali: Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi permezz ta’ sentenza jew ta’ digriet. Is-sentenza biss tinqara waqt seduta pubblika. Is-sentenzi u d-digrieti jkunu jinkludu informazzjoni varja, bħas-sommarju tal-fatti jew il-motivi. Imbagħad titqassam kopja lil kull waħda mill-partijiet.

Ir-regolament jinkludi wkoll dispożizzjonijiet speċifiċi rigward id-diversi proċeduri quddiem il-qorti: proċedura għal deċiżjoni preliminari, ir-rikorsi diretti, appelli kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali, opinjonijiet kif ukoll ċerti proċeduri partikolari oħrajn.

Ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari

Il-qrati nazzjonali jistgħu jintroduċu rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti sabiex jistaqsu mistoqsija dwar il-validità jew l-interpretazzjoni tal-liġi tal-Unjoni. Fil-kuntest ta’ rinviju, jistgħu jsiru osservazzjonijiet fosthom mill-:

  • il-partijiet fil-kawża;
  • l-Istati Membri;
  • il-Kummissjoni Ewropea;
  • l-istituzzjoni li tkun adottat l-att li l-validità tiegħu tkun ikkontestata.

Appell kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Jista’ jsir appell kontra deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. F’dan il-każ, għandha tiġi indirizzata talba lir-Reġistratur u din għandha tinkludi fost l-oħrajn il-mezzi u l-argumenti tal-liġi invokati. Din it-talba għandu jkollha l-għan li tannulla id-deċiżjoni kollha jew parti minnha.

Eżami mill-ġdid tad-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali

F’żewġ każijiet, speċjalment meta tittieħed deċiżjoni f’appell kontra deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tas-servizz pubbliku, id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali jistgħu jkunu soġġetti għal reviżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja. Awla ta’ ħames imħallfin tinħatar għal perjodu ta’ sena sabiex twettaq dawn ir-reviżjonijiet.

REFERENZA

Att

Dħul fis-seħħ

Skadenza għat-traspożizzjoni fi ħdan l-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Regoli ta' Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja

1.11.2012

ĠU L 265, 29.9.2012 uĠU C 337, 6.11.2012

Att(i) emendatorju(i)

Dħul fis-seħħ

Skadenza għat-trapożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Emendi għar-Regoli ta' Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja

1.7.2013

-

ĠU L 173, 26.6.2013

ATT(I) RELATAT(I)

Regolament (UE, Euratom) Nru 904/2012 tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2012 li jemenda r-Regolament Nru 422/67/KEE, Nru 5/67/Euratom li jistabbilixxi l-emolumenti tal-President u l-Membri tal-Kummissjoni, tal-President, tal-Imħallfin, tal-Avukati Ġenerali u tar-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-President, tal-Membri u tar-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim Istanza kif ukoll tal-President, tal-Membri u tar-Reġistratur tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (Ġurnal Uffiċjali L 269, 4.10.2012).

Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2013 li żżid in-numru ta' Avukati Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea [Ġurnal Uffiċjali L 179 tal-25 ta' Ġunju 2013].

In-numru ta' Avukati-Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea qiegħed jiżdied għal:

  • disgħa, b'effett mill-1 ta' Lulju 2013,
  • ħdax, b'effett mis-7 ta' Ottubru 2015.

Regola Supplimentari tal-Qorti tal-Ġustizzja [Ġurnal Uffiċjali L 32 tal-1 ta' Frar 2014].

Din ir-regola supplimentari tirrifletti l-emendi magħmula mir-Regoli ta' Proċedura l-ġodda, b'mod partikolari fir-rigward tal-proċeduri għal ittri rogatorji u għall-għoti ta' għajnuna legali. Tissostitwixxi r-Regola Supplimentari tal-4 ta' Diċembru 1974.

L-aħħar aġġornament: 27.02.2014

Top