Help Print this page 
Title and reference
L-inizjattiva taċ-ċittadini

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

L-inizjattiva taċ-ċittadini

Iċ-ċittadini Ewropej għandhom id-dritt ta’ inizjattiva li permezz tiegħu jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tippreżenta proposti leġiżlattivi. Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji li jimplimentaw din l-inizjattiva.

ATT

Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru 211/2011 tas-16 ta’ Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini.

SOMMARJU

L-inizjattiva taċ-ċittadini tippermetti liċ-ċittadini Ewropej jistiednu lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar suġġett speċifiku. Din kienet introdotta mit-Trattat ta’ Lisbona u l-għan tagħha huwa li ssaħħaħ id-dimensjoni demokratika tal-Unjoni Ewropea (UE). Iċ-ċittadini issa għandhom l-opportunità li jsemmgħu leħenhom fil-livell Ewropew u li jkunu involuti b’mod sħiħ fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE.

L-inizjattiva Ewropea hija dritt strettament regolat. Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-prinċipji relatati ma’ din l-inizjattiva. Huwa jiddefinixxi wkoll il-proċedura li biha l-inizjattiva taċ-ċittadini tiġi implimentata. Din il-proċedura tiżvolġi f’diversi stadji.

Kundizzjonijiet

Sabiex tiġi żgurata l-leġittimità tagħha u l-karattru Ewropew tagħha, jinħtieġu diversi kundizzjonijiet għall-istabbiliment ta’ inizjattiva taċ-ċittadini:

  • l-inizjattiva għandha tinkludi mill-anqas miljun ċittadin Ewropew, jiġifieri ċittadini li jkollhom iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru. Il-persuni li jappoġġjaw inizjattiva jimlew dikjarazzjoni ta’ appoġġ u jissejħu l-firmatarji tal-inizjattiva;
  • iċ-ċittadini firmatarji għandhom ikunu ġejjin mill-anqas minn kwart tal-Istati Membri. L-għan huwa li jkun iggarantit li l-inizjattiva tirrifletti l-interess tal-Unjoni u mhux biss dak ta’ Stat Membru jew ta’ xi grupp żgħir ta’ Stati Membri;
  • dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll numru minimu ta’ ċittadini firmatarji li jkunu ġejjin minn kull Stat Membru rrappreżentat. Numru minimu huwa stabbilit għal kull Stat Membru fl-Anness I għar-Regolament.

Barra minn hekk, kumitat taċ-ċittadini għandu jkun iffurmat għal kull inizjattiva taċ-ċittadini. Dan il-kumitat huwa magħmul minn seba’ membri li jkunu ġejjin minn seba’ Stati Membri differenti u minn rappreżentanti li jiżguraw il-kuntatt mal-istituzzjonijiet Ewropej matul il-proċedura kollha. Ir-rwol tal-kumitat huwa li jassigura l-organizzazzjoni u l-koordinazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini. Il-kumitat huwa inkarigat ukoll li jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ kwistjonijiet mal-Ewropa kollha u li jrawwem ir-riflessjoni taċ-ċittadini dwar ċerti suġġetti.

Ir-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini

Qabel jibda l-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal inizjattiva, l-organizzaturi għandhom l-ewwel jirreġistraw il-proposta ta’ inizjattiva mal-Kummissjoni. Din il-proposta għandu jkun fiha b’mod partikolari s-suġġett u l-objettivi tal-inizjattiva.

Il-Kummissjoni mbagħad teżamina l-ammissibbiltà tal-inizjattiva. Hija tivverfika b’mod partikolari li:

  • il-kumitat ta’ appoġġ ikun ġie ffurmat u l-membri tiegħu jkunu ġew maħtura;
  • is-suġġett tal-inizjattiva jkun jaqa’ taħt l-oqsma ta’ politika li għalihom il-Kummissjoni tista’ tressaq proposti leġiżlattivi;
  • l-inizjattiva ma tkunx frivola, abbużiva, jew vessatorja;
  • l-inizjattiva ma tkunx kuntrarja għall-valuri stipulati fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-UE.

Jekk dawn il-kundizzjonijiet ikunu ssodisfati, il-Kummissjoni tirreġistra l-proposta ta’ inizjattiva u l-organizzaturi jkunu jistgħu jibdew jiġbru d-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ.

Il-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ

L-organizzaturi huma responsabbli għall-ġbir mingħand iċ-ċittadini. Id-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għall-inizjattiva jistgħu jinġabru bil-miktub, bil-posta elettronika jew online.

L-organizzaturi għandhom 12-il xahar mir-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ inizjattiva sabiex jiġbru d-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ kollha.

Verifika tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ

Ladarba jinġabru, l-organizzaturi għandhom jibagħtu d-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ lill-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli mill-verifika tagħhom. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom joħorġu ċertifikat li jiċċertifika n-numru ta’ dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ li ġejjin mill-Istat Membru kkonċernat.

Preżentazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini lill-Kummissjoni

Ladarba jinkisbu ċ-ċertifikati u l-kundizzjonijiet ikunu ssodisfati, l-organizzaturi jistgħu jippreżentaw l-inizjattiva taċ-ċittadini lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni mbagħad tirċievi lill-organizzaturi sabiex tippermettilhom jispjegaw fid-dettall il-kwistjonijiet imqajma mill-inizjattiva. Barra minn hekk, l-organizzaturi għandhom ukoll id-dritt ta’ smigħ pubbliku organizzat fil-Parlament Ewropew.

Il-Kummissjoni għandha tliet xhur sabiex teżamina l-inizjattiva taċ-ċittadini. Hija mbagħad tadotta komunikazzjoni li tkun tinkludi:

  • il-konklużjonijiet legali u politiċi tagħha;
  • ir-raġunijiet għalfejn tkun biħsiebha tieħu jew ma tiħux l-azzjoni;
  • l-azzjoni li tkun biħsiebha tieħu jekk ikun il-każ.

Protezzjoni tad-dejta personali u penalitajiet

Id-dejta personali taċ-ċittadini firmatarji tista’ tintuża biss fil-kuntest tal-inizjattiva taċ-ċittadini. Din id-dejta mbagħad tinqered sa mhux aktar tard minn xahar wara l-preżentazzjoni tal-inizjattiva lill-Kummissjoni.

Barra minn hekk, dan ir-Regolament jipprovdi penalitajiet kontra l-organizzaturi f’każ ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew użu frodulenti tad-data.

Kuntest

Dan ir-Rgolament ġie adottat skont l-Artikolu 11 tat-Trattat dwar l-UE u l-Artikolu 24 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE. Dawn l-Artikoli ġew introdotti mit-Trattat ta’ Lisbona. Huma jipprovdu l-possibbiltà liċ-ċittadini li jistabbilixxu inizjattiva taċ-ċittadini.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Regolament (UE) Nru 211/2011

31.3.2011

ĠU L 65, 11.3.2011

ATTI RELATATI

Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 268/2012 tal-25 ta' Jannar 2012 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini [Ġurnal Uffiċjali L 89 tas-27.3.2012].

L-aħħar aġġornament: 17.01.2014

Top