Help Print this page 
Title and reference
L-irwol tal-Kumitati fis-setgħat ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

L-irwol tal-Kumitati fis-setgħat ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea

Qabel tadotta atti ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea trid tikkonsulta ma' kumitat magħmul minn rappreżentanti ta' kull wieħed mill-pajjiżi tal-UE dwar l-abbozz li tkun qed tipproponi.

ATT

Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni.

SOMMARJU

Qabel tadotta atti ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea trid tikkonsulta ma' kumitat magħmul minn rappreżentanti ta' kull wieħed mill-pajjiżi tal-UE dwar l-abbozz li tkun qed tipproponi.

X'JAGĦMEL DAN IR-REGOLAMENT?

Ir-regolament jistabbilixxi r-regoli għall-kontroll mill-pajjiżi tal-UE tal-eżerċitar mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni tagħha (Artikolu 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Dan il-kontroll isir permezz ta' dak li hu magħruf, f'termini tal-UE, bħala proċeduri dwar il-“komitoloġija”, jiġifieri, il-Kummissjoni għandha tissottometti kull abbozz li jimplimenta att lill-kumitati li jikkonsistu minn rappreżentanti tal-pajjiżi tal-UE u ppreseduti mill-Kummissjoni.

Skont l-aktar rapport reċenti tal-Kummissjoni dwar l-iżviluppi fir-rigward tas-sistema ta' komitoloġija, hemm madwar 300 kumitat li prattikament ikopru l-kompetenzi kollha tal-UE (b'mod partikolari l-agrikoltura, l-ambjent, it-trasport, is-saħħa u l-konsumaturi, eċċ.). Fl-2013, il-Kummissjoni adottat aktar minn 1 700 att ta' implimentazzjoni.

PUNTI EWLENIN

Ir-regolament jistabbilixxi żewġ proċeduri għall-kontroll tal-eżerċitar tal-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni tagħha (mogħtija mil-leġiżlatur):

Il-proċedura ta' eżaminazzjoni: din tintuża prinċipalment għal: (i) miżuri b'ambitu ġenerali u (ii) miżuri f'ċerti oqsma politiċi (pereżempju agrikoltura, sajd, ambjent, saħħa, kummerċ u tassazzjoni).

L-atti ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni għandhom jirċievu l-appoġġ ta' maġġoranza kkwalifikata (sistema ponderata ta' votazzjoni fejn 16 mit-28 pajjiż tal-UE għandhom jivvotaw favur u dawn il-voti għandhom jirrappreżentaw tal-inqas 65% tal-popolazzjoni tal-UE) tal-Kumitat. Jekk il-kumitat jagħti opinjoni kontra, il-Kummissjoni tista' tissottometti l-abbozz tal-att lil kumitat tal-appell sabiex tara jekk l-eżaminazzjoni tal-miżura għandhiex tkompli jew għandux jiġi emendat it-test. Jekk ir-riżultat tad-diskussjonijiet tal-kumitat ikun “ebda opinjoni”, il-Kummissjoni tista' tadotta l-abbozz tal-att skont ċerti kundizzjonijiet.

Il-proċedura konsultattiva: ġeneralment, din tintuża għall-miżuri ta' implimentazzjoni l-oħrajn kollha (pereżempju, miżuri individwali fil-qasam tal-kultura). Il-Kummissjoni għandha tqis bl-aqwa mod possibbli l-opinjoni tal-Kumitat, li tiġi adottata b'maġġoranza sempliċi (maġġoranza ta' dawk li jivvotaw).

Id-dritt ta' skrutinju tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill: meta jkun ġie adottat att leġislattiv bażiku taħt il-proċedura leġislattiva ordinarja (l-aktar proċedura ta' teħid ta' deċiżjonijiet komuni, li tkopri l-maġġoranza tal-oqsma politiċi, u li fihom, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom l-istess piż), il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu, fi kwalunkwe ħin, jinformaw lill-Kummissjoni li huma jqisu li l-att implimentattiv propost jisboq is-setgħat ikkonferiti fuq il-Kummissjoni. F'każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-abbozz tal-att u għandha tiddeċiedi jekk iżżommux, temendahx jew tirtirahx.

MINN META JAPPLIKA DAN IR-REGOLAMENT?

Mill-1 ta' Marzu 2011.

SFOND

L-Artikolu 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jippermetti lill-Kummissjoni li tadotta miżuri implimentattivi għal att legali meta kundizzjonijiet uniformi ta' implimentazzjoni jkunu neċessarji. L-att legali bażiku għandu jikkonferixxi b'mod espliċitu fuq il-Kummissjoni is-setgħa li tadotta atti implimentattivi.

Ara wkoll is-sit elettroniku tal-komitoloġija tal-Kummissjoni Ewropea.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Ir-Regolament (KE) Nru 182/2011

1.3.2011

-

ĠU L 55, 28.2.2011, pp. 13-20

ATTI RELATATI

Rapport mill-Kummissjoni dwar il-ħidma tal-Kumitati matul l-2013 (COM(2014) 572 final tas-16.9.2014).

L-aħħar aġġornament: 20.01.2015

Top