Help Print this page 
Title and reference
It-Trattat ta' Lisbona introduzzjoni

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

It-Trattat ta' Lisbona introduzzjoni

It-Trattat ta' Lisbona jirrispondi għall-ħtieġa li jiġu rriformati l-istruttura u l-mod kif taħdem l-Unjoni Ewropea (UE). It-tkabbir wara l-ieħor tal-UE wasslu biex in-numru ta' Stati Membri tela' għal 28. Għaldaqstant kien meħtieġ li jiġi adattat il-funzjonament tal-istituzzjonijiet u l-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet Ewropej.

It-Trattat ta' Lisbona barra minn hekk ippermetta li jiġu rriformati diversi politiki tal-UE. Huwa b'hekk iddefinixxa mill-ġdid u saħħaħ l-azzjonijiet meħuda fuq livell Ewropew.

STORJA

L-ewwel tentattiv ta' riforma sar bl-elaborazzjoni tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa. L-objettiv kien li t-Trattati li jistabbilixxu l-UE jiġu ssostitwiti b'Kostituzzjoni Ewropea.

Il-Kostituzzjoni ġiet iffirmata f'Ruma fid-29 ta' Ottubru 2004. Qabel ma setgħet tidħol fis-seħħ, madankollu, kellha tiġi rratifikata mill-Istati Membri kollha. Il-proċess ta' ratifikazzjoni m'għaddiex f'diversi Stati Membri.

Fit-23 ta' Lulju 2007, ġiet imsejħa konferenza intergovernattiva ġdida f'Lisbona bil-għan li tinstab alternattiva għat-Trattat Kostituzzjonali u li jiġu segwiti r-riformi. L-idea ta' Kostituzzjoni Ewropea b'hekk ġiet abbandunata u saru negozjati ġodda bil-għan li jiġi mfassal Trattat ta' emenda.

Fit-13 ta' Diċembru 2007, is-27 Kap tal-Istat tal-Gvernijiet tal-UE ffirmaw f'Lisbona Trattat ta' emenda ġdid. It-Trattat ta' Lisbona daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009, wara li ġie rratifikat mill-Istati Membri kollha skont ir-regoli kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

ID-DIFFERENZI MIT-TRATTAT LI JISTABBILIXXI KOSTITUZZJONI GĦALL-EWROPA

It-Trattat ta' Lisbona huwa influwenzat ħafna mit-Trattat Kostituzzjonali. Il-biċċa l-kbira tar-riformi istituzzjonali u politiċi previsti fil-Kostituzzjoni ġew adottati mit-Trattat ta' Lisbona, iżda ġew ippreżentati f'forma differenti.

Effettivament, it-Trattat Kostituzzjonali kellu jirrevoka t-Trattati li jistabbilixxu l-UE biex jissostitwihom b'test wieħed: il-Kostituzzjoni għall-Ewropa. Għall-kuntrarju, it-Trattat ta' Lisbona ma jissostitwixxix it-Trattati fundaturi, iżda sempliċement jemendahom, kif kienu għamlu qabel it-Trattati ta' Amsterdam u ta' Nizza. It-Trattat ta' Lisbona b'hekk huwa ppreżentat bħala serje ta' emendi għat-Trattati fundaturi.

Din il-bidla fil-forma m'għandhiex konsegwenza fuq livell legali iżda hija ferm sinifikanti fuq livell simboliku u politiku. L-idea tal-kostituzzjonaliżmu tal-Ewropa ġiet abbandunata u d-dritt Ewropew baqa' stabbilit permezz ta' trattati internazzjonali.

B'hekk, l-UE għadha bbażata fuq żewġ Trattati fundaturi: it-Trattat dwar l-UE u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea madanakollu ingħata l-isem ġdid ta' Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE.

IL-KONTRIBUZZJONIJIET TAT-TRATTAT TA' LISBONA

It-Trattat ta' Lisbona

  • jirriforma l-istituzzjonijiet u jtejjeb il-proċess deċiżjonali tal-UE;
  • isaħħaħ id-dimensjoni demokratika tal-UE;
  • jirriforma l-politiki interni tal-UE;
  • isaħħaħ il-politika esterna tal-UE.

Kwistjonijiet istituzzjonali

Ir-riforma tal-istituzzjonijiet tal-UE kienet meħtieġa minħabba ż-żieda fin-numru ta' Stati Membri. It-Trattat ta' Lisbona b'hekk jemenda r-regoli dwar il-kompożizzjoni tal-Kummissjoni, tal-Parlament Ewropew, tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

Barra minn hekk, it-Trattat ta' Lisbona jirriforma l-proċess deċiżjonali fi ħdan il-Kunsill. Effettivament, ineħħi s-sistema l-qadima tal-ippeżar tal-voti u jagħti definizzjoni ġdida tal-maġġoranza kkwalifikata għall-votazzjoni tad-deċiżjonijiet.

It-Trattat ta' Lisbona joħloq ukoll żewġ funzjonijiet ġodda fl-arkitettura istituzzjonali tal-UE:

Barra minn hekk, it-Trattat ta' Lisbona jikkjarifika u jtejjeb il-funzjonament tal-UE. Huwa jneħħi l-istruttura l-qadima ta' pilastri u jipproċedi għal tqassim ġdid tal-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri. It-Trattat ta' Lisbona jissimplifika wkoll il-proċeduri leġiżlattivi u t-tipoloġija tal-atti ġuridiċi adottati fl-UE.

Barra minn hekk, it-Trattat ta' Lisbona jagħti aktar flessibbiltà lill-funzjonament tal-UE. Huwa jistabbilixxi diversi klawsoli istituzzjonali intiżi biex jiffaċilitaw l-integrazzjoni Ewropea f'ċerti oqsma politiċi. L-istabbiliment ta' kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri huwa ffaċilitat ukoll.

It-tisħiħ tad-demokrazija Ewropea

Wieħed mill-objettivi tat-Trattat ta' Lisbona huwa li jsaħħaħ id-demokrazija Ewropea, b'mod partikolari sabiex itejjeb il- leġittimità tad-deċiżjonijiet u sabiex iqarreb lill-UE lejn iċ-ċittadini tagħha. B'hekk, is-setgħat tal-Parlament Ewropew huma msaħħa b'mod konsiderevoli. Bl-istess mod, it-Trattat ta' Lisbona jattribwixxi rwol aktar importanti lill-parlamenti nazzjonali fi ħdan l-UE.

It-Trattat ta' Lisbona joħloq barra minn hekk l-inizjattiva taċ-ċittadini, li tippermetti liċ-ċittadini li jipparteċipaw b'mod aktar attiv fil-proċess ta' integrazzjoni Ewropea.

Il-politiki interni tal-UE

Waħda mill-aktar bidliet importanti tirrigwarda ż-żona Ewropea tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja. Effettivament, it-Trattat ta' Lisbona jsaħħaħ il-kompetenzi tal-UE għal:

  • il-kontroll tal-fruntjieri, l-ażil u l-immigrazzjoni;
  • il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili;
  • il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali;
  • il-kooperazzjoni bejn il-pulizija.

Barra minn hekk, it-Trattat ta' Lisbona jikkjarifika l-kompetenzi tal-UE għall-politika ekonomika, soċjali u tal-enerġija. Jiffissa wkoll bħala objettiv ġdid il-ħolqien ta' żona Ewropea tar-riċerka .

Il-politika esterna tal-UE

L-azzjoni tal-UE fuq il-livell internazzjonali hija msaħħa. It-Trattat ta' Lisbona jagħti qabel kollox aktar koerenza u viżibbiltà lill-politika barranija u tas-sigurtà komuni tal-UE. L-UE b'hekk takkwista l-personalità ġuridika li tippermettilha tinnegozja u tkun parti kontraenti fi trattati internazzjonali. Barra minn hekk, fix-xena dinjija, l-UE issa hija rappreżentata mir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà.

Barra minn hekk, il-politika tas-sigurtà u tad-difiża komuni issa hija s-suġġett ta' sezzjoni fi ħdan it-trattati fundaturi. L-objettivi fit-tul huma li tiġi stabbilita difiża Ewropea komuni.

L-aħħar aġġornament: 20.05.2014

Top