EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Oqsma li fihom l-UE tista’ tappoġġa t-tfassil tal-politika fil-pajjiżi tal-UE

 

SOMMARJU

Introduzzjoni

It-Trattat ta’ Lisbona introduċa erba’ oqsma ta’ politika ġodda li fihom tista’ tintervjeni l-Unjoni Ewropea:

  • il-protezzjoni ċivili,
  • il-kooperazzjoni amministrattiva,
  • it-turiżmu, u
  • l-isport.

F’dawn l-oqsma, l-UE għandha kompetenzi ta’ appoġġ. L-UE ma takkwistax setgħat leġiżlattivi addizzjonali inkwantu tista’ taġixxi biss biex tappoġġa l-azzjonijiet tal-pajjiżi tal-UE mingħajr ma tkun tista’ tarmonizza d-dritt nazzjonali.

Barra minn hekk, l-UE diġà intervjeniet f’dawn l-oqsma permezz ta’ politiki trażversali. It-Trattat ta’ Lisbona jiċċara l-għanijiet u l-azzjoni tal-UE billi joħloq bażijiet legali speċifiċi għal dawn l-erba’ oqsma.

Il-protezzjoni ċivili

It-Trattat ta’ Lisbona jfittex li jtejjeb il-kapaċità tal-UE sabiex tindirizza diżastri naturali jew ikkaġunati mill-bniedem. L-Artikolu 196 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jippermetti lill-UE tadotta miżuri dwar:

Barra minn hekk, dawn it-termini dwar il-protezzjoni ċivili huma relatati mal-klawżola ta’ solidarjetà fl-Artikolu 222 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Din il-klawżola tippermetti lill-UE tassisti lil Stat Membru li jkun vittma ta’ attakk terroristiku jew ta’ diżastru naturali jew ikkaġunat mill-bniedem.

Il-kooperazzjoni amministrattiva

Il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri ssir kompetenza tal-UE (l-Artikolu 197 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea). L-għan huwa li tiġi ggarantita l-implimentazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari billi tittejjeb l-effettività tal-amministrazzjonijiet tal-pajjiżi tal-UE (pereżempju fil-qasam tad-dazji tas-sisa). Għalhekk l-UE tista’ tadotta miżuri ġodda bl-għan li tiffaċilita l-iskambju ta’ prattika tajba bejn il-pajjiżi tal-UE kif ukoll l-introduzzjoni ta’ programmi ta’ taħriġ.

Madankollu, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jirrestrinġi l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa l-ġdida b’żewġ modi:

  • pajjiż tal-UE ma jistax, taħt l-ebda ċirkustanza, ikun obbligat li jieħu vantaġġ mill-appoġġ tal-UE;
  • l-UE ma tistax tadotta miżuri relatati mal-armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti tal-pajjiżi tal-UE.

It-turiżmu

It-turiżmu diġà kien inkluż f’diversi politiki tal-UE, bħall-politika reġjonali u l-politika dwar l-impjiegi. Minn issa ’l quddiem, it-trattat joħloq bażi legali speċifiku sabiex jippermetti lill-UE tintervjeni f’dan il-qasam (l-Artikolu 195 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE).

L-azzjoni tal-UE b’hekk jista’ jkollha żewġ għanijiet:

  • li toħloq ambjent favorevoli għall-iżvilupp ta’ attivitajiet fis-settur tat-turiżmu;
  • li tippromwovi l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE, partikolarment bl-iskambju ta’ prattika tajba.

L-isport

It-Trattat ta’ Lisbona jikkonferma l-kompetenza tal-UE fil-qasam tal-isport. Madankollu, dan ma joħloqx artikolu speċifiku, iżda jinkorpora bażi legali relatata mal-isport fis-sezzjoni tat-trattati ddedikata lill-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali u ż-żgħażagħ.

L-Artikolu 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-għan tal-UE huwa li tippromwovi kwistjonijiet Ewropej tal-Isports. Speċifikament, l-UE pereżempju se tkun kapaċi tappoġġa l-azzjonijiet tal-pajjiżi tal-UE mmirati lejn il-protezzjoni tal-integrità fiżika u morali tal-isportivi jew lejn il-ġlieda tad-doping fl-isport.

L-UE se tkun kapaċi wkoll tiżviluppa kooperazzjoni ma’ korpi internazzjonali fil-qasam tal-isport.

l-aħħar aġġornament 15.02.2016

Top