Help Print this page 
Title and reference
Il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni tal-UE

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni tal-UE

Il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) hija l-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża għall-UE. Hija tifforma parti integrali mill-politika barranija tal-UE, il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK).

SOMMARJU

Il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) hija l-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża għall-UE. Hija tifforma parti integrali mill-politika barranija tal-UE, il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK).

X’TAGĦMEL IL-PSDK?

Hija toħloq qafas għall-aspetti militari u ta’ difiża tal-politika tal-UE. Il-PSDK, li nħolqot meta ġie ffirmat it-Trattat ta’ Lisbona fl-2009, tissostitwixxi u testendi l-Politika Ewropea ta’ Sigurtà u Difiża (PESD) preċedenti. Il-politika għandha l-għan li tistabbilixxi kapaċità komuni ta’ difiża Ewropea.

PUNTI EWLENIN

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jagħmlu l-kapaċitajiet ċivili u militari disponibbli sabiex l-UE tkun tista’ timplimenta l-PSDK.

Il-PSDK tinkludi t-tfassil progressiv ta’ politika ta’ difiża komuni tal-UE; din twassal għal difiża komuni meta l-Kunsill Ewropew, li jaġixxi unanimament, jiddeċiedi hekk; il-politika tal-UE ma tippreġudikax il-karattru speċifiku tal-politika ta’ sigurtà u difiża ta’ ċerti pajjiżi tal-UE u tirrispetta l-obbligi ta’ ċerti pajjiżi tal-UE li jaqgħu taħt in-NATO. Skont it-Trattat ta’ Lisbona, inħolqot klawżola ta’ difiża reċiproka, li hija element ewlieni tal-PSDK.

Il-pajjiżi tal-UE ser jieħdu miżuri biex itejbu l-kapaċitajiet militari tagħhom. L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) hija l-entità li timmira li tgħin sabiex tiffaċilita dawk il-miżuri. Hija tirrapporta lill-Kunsill tal-UE dwar il-ħidma tagħha, li ddur madwar:

l-iffissar ta’ objettivi komuni għall-pajjiżi tal-UE f’termini ta’ kapaċità militari;

l-introduzzjoni u l-ġestjoni ta’ programmi sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti;

l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet operattivi tal-pajjiżi tal-UE permezz tal-kunċett ta’ “raggruppament u kondiviżjoni” tal-kapaċitajiet militari;

il-ġestjoni tal-attivitajiet ta’ riċerka fit-teknoloġija tad-difiża (22 qasam ta’ prijorità, inklużi l-ħardwer tal-elettronika, is-sistemi kontra l-mini tal-art u l-protezzjoni fiżika);

it-trasformazzjoni tan-nefqa militari f’waħda aktar effettiva.

Il-kooperazzjoni strutturata permanenti fid-difiża (PSCD) (miżjuda wkoll fit-Trattat ta’ Lisbona - l-Artikoli 42 u 46 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea) tirreferi għal forma aktar profonda ta’ kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE. Taħt dan il-qafas, il-pajjiżi tal-UE jimpenjaw ruħhom li jiżviluppaw il-kapaċitajiet ta’ difiża tagħhom b’mod aktar intensiv u jibagħtu unitajiet ta’ kumbattiment għall-missjonijiet ippjanati. L-EDA tivvaluta l-kontribuzzjonijiet, filwaqt li l-Kunsill jawtorizza l-kooperazzjoni.

L-UE tista’ tuża assi ċivili u militari barra mill-UE għaż-żamma tal-paċi, għall-prevenzjoni tal-kunflitti u għat-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali. It-tipi ta’ kompiti li jistgħu jitwettqu skont il-PSDK huma:

kompiti umanitarji u ta’ salvataġġ;

prevenzjoni tal-kunflitti;

kompiti għall-forzi ta’ kumbattiment fil-ġestjoni tal-kriżijiet;

operazzjonijiet konġunti ta’ diżarm;

kompiti ta’ assistenza u pariri militari; u

kompiti fl-istabbilizzazzjoni wara kunflitt.

Il-Kunsill tal-UE jiddefinixxi l-għanijiet tal-kompiti u l-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tagħhom. Huwa jista’ jiddelega l-implimentazzjoni ta’ kompitu lill-pajjiżi tal-UE li huma lesti u kapaċi jwettqu l-kompitu. Il-pajjiżi tal-UE responsabbli mit-twettiq tal-kompiti jaġixxu f’assoċjazzjoni mar-Rappreżentant Għoli għall-Politika tal-Affarijiet Barranin u s-Sigurtà u huma għandhom jinformaw lill-Kunsill regolarment bil-progress tagħhom.

SFOND

L-idea ta’ politika ta’ difiża komuni għall-Ewropa tmur lura għall-1948 bit-Trattat ta’ Brussell (li kien ġie iffirmat fir-Renju Unit, fi Franza u fil-pajjiżi tal-Benelux), li kellu klawżola ta’ difiża reċiproka li wittiet it-triq għall-Unjoni Ewropea tal-Punent (UEP). Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-politika ta’ sigurtà Ewropea segwiet bosta mogħdijiet differenti, li żviluppaw simultanjament fi ħdan l-UEP, in-NATO u l-UE.

Għal aktar tagħrif, ara: Is-sigurtà u d-difiża - PSDK

l-aħħar aġġornament 16.09.2015

Top