Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja

 

SOMMARJU

INTRODUZZJONI

It-Trattat ta’ Lisbona għandu l-għan li jsaħħaħ l-istabbiliment ta’ spazju komuni Ewropew li fih il-persuni jiċċaqalqu liberament u jibbenefikaw minn protezzjoni legali effettiva. Il-ħolqien ta’ spazju bħal dan għandu implikazzjonijiet għal oqsma li fihom iċ-ċittadini Ewropej għandhom aspettattivi kbar, bħall-immigrazzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu. Dawn il-kwistjonijiet għandhom dimensjoni transkonfinali sinifikanti u b’hekk jeħtieġu kooperazzjoni effettiva fil-livell Ewropew.

It-Trattat ta’ Lisbona jaqsam it-temi relatati mal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja f’erba’ oqsma:

politiki relatati ma’ kontrolli fil-fruntieri, l-ażil u l-immigrazzjoni;

il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili;

il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali;

il-kooperazzjoni tal-pulizija,

Il-materji relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-kooperazzjoni tal-pulizija qabel kienu koperti mit-tielet pilastru tal-Unjoni Ewropea (UE), irregolat mill-kooperazzjoni intergovernattiva. Taħt il-qafas tat-tielet pilastru, l-istituzzjonijiet tal-UE ma kellhom l-ebda kompetenza u b’hekk ma setgħux jadottaw regolamenti jew direttivi. It-Trattat ta’ Lisbona jtemm din id-distinzjoni u minn issa ’l quddiem jippermetti lill-UE tintervjeni fil-kwistjonijiet kollha relatati mal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

IL-KONTROLLI FIL-FRUNTIERI, L-AŻIL U L-IMMIGRAZZJONI

It-Trattat ta’ Lisbona jattribwixxi kompetenzi ġodda lill-istituzzjonijiet Ewropej, li minn issa ’l quddiem jistgħu jadottaw miżuri bl-għan li:

tiġi stabbilita ġestjoni komuni tal-fruntieri esterni tal-UE; b’mod partikolari permezz tat-tisħiħ tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni, magħrufa bħala Frontex;

tinħoloq sistema tal-ażil Ewropea komuni; tali sistema se tkun ibbażata fuq status Ewropew uniformi u proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-ażil;

jiġu stabbiliti r-regoli, il-kundizzjonijiet u d-drittijiet b’rabta mal-immigrazzjoni legali.

IL-KOOPERAZZJONI ĠUDIZZJARJA F’MATERJI ĊIVILI

It-Trattat ta’ Lisbona jawtorizza lill-istituzzjonijiet tal-UE jadottaw miżuri ġodda dwar:

l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku: kull sistema ġudizzjarja trid tirrikonoxxi deċiżjonijiet adottati mis-sistemi ġudizzjarji ta’ pajjiżi tal-UE oħrajn bħala validi u applikabbli;

l-aċċess effettiv għall-ġustizzja;

l-iżvilupp ta’ metodi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim;

it-taħriġ tal-ġudikatura u tal-persunal ġudizzjarju.

IL-KOOPERAZZJONI ĠUDIZZJARJA F’MATERJI KRIMINALI

Bl-abolizzjoni tat-tielet pilastru tal-UE, il-kooperazzjoni ġudizzjarja kollha kemm hi ssir qasam li fih l-istituzzjonijiet Ewropej jistgħu jilleġiżlaw.

Speċifikament, l-istituzzjonijiet Ewropej minn issa ’l quddiem jistgħu jistabbilixxu regoli minimi li jikkonċernaw id-definizzjoni u s-sanzjonar tal-iktar reati kriminali serji. Barra minn hekk, l-UE tista’ tintervjeni wkoll fl-istabbiliment ta’ regoli komuni rigward il-funzjonament tal-proċedura kriminali, pereżempju fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-evidenza jew id-drittijiet tal-individwi.

Barra minn hekk, it-Trattat ta’ Lisbona huwa intiż sabiex isaħħaħ ir-rwol tal-Eurojust fl-UE. Il-missjoni tal-Eurojust hija li tgħin fil-koordinazzjoni tal-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi tal-UE. Bħalissa, il-Eurojust għandha biss is-setgħa li tagħmel proposti: tista’ titlob lill-awtoritajiet nazzjonali jibdew investigazzjonijiet jew prosekuzzjonijiet. Minn issa ’l quddiem, it-Trattat ta’ Lisbona joffri l-għażla lill-istituzzjonijiet Ewropej li jestendu l-missjonijiet u s-setgħat tal-Eurojust bil-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

Barra minn hekk, it-Trattat ta’ Lisbona jqis il-ħolqien possibbli ta’ Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew attwali mill-Eurojust. Uffiċċju bħal dan ikollu setgħat sinifikanti, peress li jkun jista’ jinvestiga, imexxi l-prosekuzzjoni u jtella’ l-qorti lil dawk li jwettqu reati. Barra minn hekk, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ikun kapaċi huwa stess jeżerċita l-funzjonijiet tal-prosekutur fil-qrati kompetenti tal-pajjiżi tal-UE.

Minkejja dan, it-Trattat ta’ Lisbona għadu ma jistabbilixxix l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku Ewropew, iżda jawtorizza biss lill-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu, sabiex jadotta regolament f’dan ir-rigward. Jekk il-Kunsill ma jilħaqx unanimità, imbagħad disa’ pajjiżi, mill-inqas, se jkollhom l-għażla li jistabbilixxu uffiċċju tal-prosekutur pubbliku Ewropew bejniethom fil-qafas tal-kooperazzjoni msaħħa.

IL-KOOPERAZZJONI TAL-PULIZIJA

Bħal fil-każ tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, il-kooperazzjoni tal-pulizija tibbenefika mill-abolizzjoni tat-tielet pilastru tal-UE. Minn issa ’l quddiem, l-istituzzjonijiet Ewropej se jkunu kapaċi jadottaw regolamenti u direttivi f’dan il-qasam.

Il-proċedura leġiżlattiva ordinarja b’dan hija estiża għall-aspetti kollha mhux operazzjonali tal-kooperazzjoni tal-pulizija. B’kuntrast ma’ dan, il-kooperazzjoni tal-pulizija se tkun determinata permezz ta’ proċedura leġiżlattiva speċjali li teħtieġ l-unanimità fil-Kunsill. Madankollu, it-Trattat ta’ Lisbona jipprovdi wkoll għall-għażla li tiġi stabbilita l-kooperazzjoni msaħħa jekk il-Kunsill ma jilħaqx l-unanimità.

Barra minn hekk, it-Trattat ta’ Lisbona jipprovdi għat-tisħiħ gradwali tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (l-Europol). Bħal fil-każ tal-Eurojust, it-Trattat ta’ Lisbona minn issa ’l quddiem jawtorizza lill-Kunsill u lill-Parlament jiżviluppaw il-missjonijiet u s-setgħat tal-Europol taħt il-qafas tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Bħalissa, l-irwol tal-Europol huwa limitat għall-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-UE. It-Trattat ta’ Lisbona jispeċifika li kompiti ġodda jistgħu jinkludu wkoll il-koordinazzjoni, l-organizzazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet operazzjonali.

EŻENZJONIJIET

Ir-Renju Unit, l-Irlanda u d-Danimarka jibbenefikaw minn arranġamenti speċjali, li jinkludu l-miżuri kollha adottati fil-qafas tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja. Dawn it-tliet pajjiżi għandhom l-għażla li jiddeċiedu li ma jipparteċipawx fil-proċeduri leġiżlattivi f’dan il-qasam. B’hekk, mhux se jkunu marbuta bil-miżuri adottati.

Barra minn hekk, japplikaw żewġ tipi ta’ klawżola ta’ deroga għar-Renju Unit, l-Irlanda u d-Danimarka:

il-klawżola ta’ “inklużjoni fakultattiva” li tippermettilhom jipparteċipaw, fuq bażi każ b’każ, fil-proċedura ta’ adozzjoni għal miżura jew fl-applikazzjoni ta’ miżura diġà adottata. Imbagħad huma se jkunu marbuta b’din il-miżura bl-istess mod bħal pajjiżi oħrajn tal-UE;

il- klawżola ta’ “esklużjoni fakultattiva” li tippermettilhom ma japplikawx miżura fi kwalunkwe mument.

l-aħħar aġġornament 22.09.2015

Top