Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Flessibbiltà fit-teħid ta' deċiżjonijiet fl-UE: klawsoli passerelle, klawsoli brejkijiet u klawsoli aċċeleraturi

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Flessibbiltà fit-teħid ta' deċiżjonijiet fl-UE: klawsoli “passerelle”, klawsoli brejkijiet u klawsoli aċċeleraturi

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

L-Artikolu 48 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

INTRODUZZJONI

It-Trattat ta' Lisbona jestendi l-proċedura leġiżlattiva ordinarja u s-sistema ta' votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata għal numru kbir ta' oqsma ta' politika. L-objettiv huwa li jikkontribwixxi għall-integrazzjoni tal-UE billi jagħmel it-teħid ta' deċiżjonijiet iktar effiċjenti. Fil-proċedura leġislattiva ordinarja, il-pajjiżi tal-UE ma għandhomx id-dritt ta' veto u hemm iktar modi kif jintlaħaq qbil.

Madankollu, il-pajjiżi tal-UE mhux dejjem ikunu lesti li jċedu parti mis-setgħa ta' oppożizzjoni tagħhom f'ċerti oqsma ta' politika. Dawn l-oqsma huma dawk li jitqiesu li huma l-iktar “sensittivi”, li fihom l-importanza tas-sovranità nazzjonali hija sinifikanti, inklużi l-politika barranija, l-immigrazzjoni u l-ġustizzja. F'dawn l-oqsma, normalment jintużaw il-proċedura leġiżlattiva speċjali u s-sistema ta' votazzjoni b'unanimità .

It-Trattat ta' Lisbona jintroduċi diversi tipi ta' klawsoli istituzzjonali li joffru mekkaniżmi istituzzjonali li huma differenti iżda li għandhom tir komuni. Dan sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tal-UE f'oqsma “sensittivi” jekk il-pajjiżi tal-UE jixtiequ dan.

B'hekk, it-Trattat ta' Lisbona jintroduċi 3 tipi ta' klawsoli:

  • klawsoli “passerelle”,
  • klawsoli “brejkijiet”,
  • klawsoli “aċċeleraturi”.

KLAWSOLI PASSERELLE

Il-klawsoli passerelle jippermettu li ssir deroga mill-proċeduri leġiżlattivi inizjalment ipprovduti mit-trattati. B'mod speċifiku, u f'ċerti kundizzjonijiet, jagħmluha possibbli:

  • li mill-proċedura leġiżlattiva speċjali ssir bidla għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja sabiex jiġi adottat att f'qasam ta' politika partikolari;
  • li mill-votazzjoni b'unanimità ssir bidla għall-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata f'qasam ta' politika partikolari.

L-attivazzjoni ta' klawsola “passerelle” għadha tiddependi fuq l-adozzjoni unanima ta' deċiżjoni mill-Kunsill jew mill-Kunsill Ewropew. B'hekk, f'kull każ, il-pajjiżi kollha tal-UE jridu jaqbu bejniethom qabel ma tkun tista' tiġi attivata klawsola bħal din.

Barra minn hekk, l-Artikolu 48 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jintroduċi klawsola “passerelle” ġenerali applikabbli għall-politiki Ewropej kollha (ara s-sommarju dwar “reviżjonijiet tat-trattati”. Barra minn hekk, hemm 6 klawsoli “passerelle” oħrajn speċifiċi għal ċerti politiki Ewropej, li jippreżentaw ċerti partikolaritajiet proċedurali (ara s-sommarju dwar “proċeduri leġiżlattivi”).

KLAWSOLI BREJKIJIET

Il-klawsoli brejkijiet jikkonċernaw 3 oqsma:

  • il-miżuri għall-koordinazzjoni tas-sistema tas-sigurtà soċjali għal ħaddiema migranti (l-Artikolu 48 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE));
  • il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali (l-Artikolu 82 tat-TFUE);
  • l-istabbiliment ta' regoli komuni għal ċerti reati (l-Artikolu 83 tat-TFUE).

Il-klawsoli brejkijiet inħolqu sabiex il-proċedura leġiżlattiva ordinarja tkun tista' tiġi applikata għal dawn it-3 oqsma ta' politika. Il-proċedura leġiżlattiva ordinarja hija mrażżna minn mekkaniżmu ta' bbrejkjar: pajjiż tal-UE jista' jippreżenta appell quddiem il-Kunsill Ewropew jekk iqis li l-prinċipji fundamentali tas-sistema tas-sigurtà soċjali tiegħu jew is-sistema tal-ġustizzja kriminali tiegħu huma mheddin mill-abbozz tal-leġiżlazzjoni li tkun qiegħda tiġi adottata. F'dan il-każ, il-proċedura tiġi sospiża u l-Kunsill Ewropew jista':

  • jew jibgħat lura l-abbozz lill-Kunsill li għandu jkompli bil-proċedura, filwaqt li jqis l-osservazzjonijiet li jkunu saru; jew
  • iwaqqaf il-proċedura b'mod permanenti u jitlob proposta ġdida mingħand il-Kummissjoni Ewropea, jekk dan ikun xieraq.

Għaldaqstant, l-importanza tal-klawsoli brejkijiet mhijiex biss fil-mekkaniżmu li jipproponu, iżda anki fil-fatt li jippermettu sabiex il-proċedura leġiżlattiva ordinarja tiġi estiża għall-politiki kkonċernati. L-introduzzjoni ta' dan il-mekkaniżmu fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet ikkonvinċa lill-iktar pajjiżi reżistenti tal-UE sabiex japplikaw il-proċedura leġiżlattiva ordinarja għal ċerti politiki, fejn qabel kienu applikaw ir-regola ta' votazzjoni b'unanimità.

KLAWSOLI AĊĊELERATURI

Il-klawsoli aċċeleraturi “jaċċeleraw” l-integrazzjoni bejn ċerti pajjiżi tal-UE billi jiffaċilitaw l-istabbiliment ta' kooperazzjoni msaħħa f'ċerti oqsma.

Dawn il-klawsoli jippermettu li ssir deroga mill-proċedura tal-parteċipazzjoni għal kooperazzjoni msaħħa. B'hekk, bħala riżultat ta' dawn il-klawsoli, kooperazzjoni msaħħa titqies li hija fformata ladarba tal-inqas tkun tinkludi 9 pajjiżi tal-UE. Għaldaqstant, il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni huma sempliċiment informati dwar ix-xerqa tal-pajjiżi parteċipanti li jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa.

Dawn il-klawsoli jikkonċernaw 4 oqsma:

  • il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali (l-Artikolu 82 tat-TFUE);
  • l-istabbiliment ta' regoli komuni għal ċerti reati (l-Artikolu 83 tat-TFUE);
  • il-ħolqien ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (l-Artikolu 86 tat-TFUE);
  • il-kooperazzjoni tal-pulizija (l-Artikolu 87 tat-TFUE).

Ta' min jinnota li l-klawsoli aċċeleratur li jikkonċernaw il-kooperazzjoni u r-reati jirriżultaw b'mod dirett mill-attivazzjoni tal-klawsoli brejkijiet eżistenti f'dawn iż-2 oqsma. Meta jseħħ dan u, għaldaqstant, titwaqqaf il-proċedura leġiżlattiva, il-pajjiżi jistgħu jirrikorru għall-klawsola aċċeleratur u mbagħad ikomplu u jikkonkludu l-proċedura leġiżlattiva bejniethom, taħt il-qafas tal-kooperazzjoni msaħħa.

ATTI EWLENIN

L-Artikolu 48 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

l-aħħar aġġornament 25.07.2016

Top