Help Print this page 
Title and reference
Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà

INTRODUZZJONI

INTRODUZZJONI

Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà huwa fundamentali għall-funzjonament tal-Unjoni Ewropea (UE), u iktar speċifikament għat-teħid ta’ deċiżjonijiet fl-Ewropa. B’mod partikolari, il-prinċipju jiddetermina meta l-UE hija kompetenti biex tilleġiżla, u jikkontribwixxi sabiex id-deċiżjonijiet jittieħdu kemm jista’ jkun fil-qrib taċ-ċittadin.

Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà huwa stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Dan jidher flimkien ma’ żewġ prinċipji oħra li wkoll huma meqjusin essenzjali għat-teħid ta’ deċiżjonijiet fl-Ewropa: il-prinċipji tal-għoti tal-kompetenzi u ta’ proporzjonalità.

Il-Protokoll fuq l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità wkoll jiddefinixxi l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Barraminhekk, it-Trattat ta’ Lisbona saħħaħ b’mod konsiderevoli l-prinċipju ta’ sussidjarjetà billi introduċa diversi mekkaniżmi ta’ kontroll sabiex isir monitoraġġ tal-applikazzjoni tiegħu.

DEFINIZZJONI

Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà għandu l-għan li jiddetermina l-livell ta’ intervent li huwa l-iktar rilevanti fil-oqsma tal-kompetenzi kondiviżi bejn l-UE u l-pajjiżi tal-UE. Dan jista’ jikkonċerna l-azzjoni fil-livell Ewropew, dak nazzjonali jew lokali. Fil-każijiet kollha, l-UE tista’ tintervjeni biss jekk hija kapaċi taġixxi b’mod iktar effettiv mill-pajjiżi tal-UE fil-livelli nazzjonali jew lokali rispettivi tagħhom. Il-Protokoll fuq l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità jistabbilixxi tliet kriterji bl-għan li jistabbilixxu kemm huwa mixtieq l-intervent fil-livell tal-UE:

L-azzjoni għandha aspetti transnazzjonali li ma jistgħux jiġu solvuti mill-pajjiżi tal-UE?

L-azzjoni nazzjonali jew in-nuqqas ta’ azzjoni tkun kuntrarja għar-rekwiżiti tat-Trattat?

L-azzjoni fil-livell tal-UE għandha vantaġġi ċari?

Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà għandu wkoll l-għan li jqarreb l-UE u liċ-ċittadini tagħha lejn xulxin billi jiggarantixxi li l-azzjoni tittieħed fil-livell lokali meta tkun neċessarja. Madankollu, il-prinċipju ta’ sussidjarjetà ma jfissirx li l-azzjoni dejjem trid tittieħed fl-iktar livell qrib għaċ-ċittadin.

Komplimentarjetà mal-prinċipji tal-għoti tal-kompetenzi u ta’ proporzjonalità

L-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddefinixxi t-tqassim tal-kompetenzi bejn il-livell tal-UE u dak tal-pajjiżi tal-UE. Dan l-ewwel jirreferi għall-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi li skontu l-UE għandha biss dawk il-kompetenzi li huma mogħtija lilha mit-trattati.

Is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità huma prinċipji konsegwenzjali tal-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi. Dawn jiddeterminaw sa liema punt l-UE tista’ teżerċita l-kompetenzi mogħtija lilha mit-trattati. Permezz tal-prinċipju ta’ proporzjonalità , il-mezzi implimentati mill-UE sabiex jiġu ssodisfati l-objettivi stabbiliti mit-trattati ma jistgħux imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju.

Għaldaqstant l-UE tista’ taġixxi biss f’qasam ta’ politika jekk:

l-azzjoni tagħmel parti mill-kompetenzi mogħtija lill-UE mit-Trattati (prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi);

fil-kuntest tal-kompetenzi kondiviżi mal-pajjiżi tal-UE, il-livell tal-UE huwa l-iktar wieħed rilevanti sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mit-Trattati (prinċipju ta’ sussidjarjetà);

il-kontenut u l-forma tal-azzjoni ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mit-Trattati (prinċipju ta’ proporzjonalità).

IL-MONITORAĠĠ TAL-PRINĊIPJU TA’ SUSSIDJARJETÀ

Il-Protokoll fuq l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità stabbilixxa mekkaniżmi għall-monitoraġġ tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà. It-Trattat ta’ Lisbona rriforma l-Protokoll imsemmi hawn fuq sabiex itejjeb u jsaħħaħ il-monitoraġġ.

Il-Protokoll, introdott mit-Trattat ta’ Amsterdam, ipprovda għall-konformità ma’ ċerti obbligi matul l-abbozzar tal-leġiżlazzjoni nnifsu. Għalhekk, qabel tipproponi atti leġiżlattivi, il-Kummissjoni Ewropea trid tħejji Green Paper. Il-Green Papers jikkonsistu f’konsultazzjonijiet wiesgħin. Dawn jippermettu lill-Kummissjoni tiġbor opinjonijiet mill-istituzzjonijiet nazzjonali u lokali u mis-soċjetà ċivili dwar kemm hija mixtieqa proposta leġiżlattiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

Il-Protokoll iżid ukoll obbligu għall-Kummissjoni li takkumpanja l-abbozzi ta’ atti leġiżlattivi b’dikjarazzjoni li turi l-konformità mal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità.

It-Trattat ta’ Lisbona jintroduċi element ġdid billi jassoċja l-parlamenti nazzjonali mill-qrib mal-monitoraġġ tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Il-paralmenti nazzjonali jeżerċitaw monitoraġġ doppju:

dawn għandhom id-dritt joġġezzjonaw meta tiġi abbozzata l-leġiżlazzjoni. B’hekk jistgħu jiċħdu proposta leġiżlattiva quddiem il-Kummissjoni jekk iqisu li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà ma ġiex osservat (ara l-fajl Parlamenti Nazzjonali);

huma jistgħu jikkontestaw att leġiżlattiv quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE jekk iqisu li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà ma ġiex osservat.

It-Trattat ta’ Lisbona jassoċja wkoll il-Kumitat tar-Reġjuni mal-monitoraġġ tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Bl-istess mod bħall-parlamenti nazzjonali, il-Kumitat ukoll jista’ jikkontesta att leġiżlattiv li ma jikkonformax mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Bħala parti mill-implementazzjoni tal-inizjattiva għal Regolamentazzjoni Aħjar tagħha, il-Kummissjoni Ewropea tippubblika rapporti annwali dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.

l-aħħar aġġornament 03.09.2015

Top