Help Print this page 
Title and reference
Votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata u l-proċedura leġiżlattiva ordinarja

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata u l-proċedura leġiżlattiva ordinarja

 

SOMMARJU

It-Trattat ta’ Lisbona għandu l-għan li jimmodernizza u jtejjeb il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea (UE) f’UE li kibret għal 28 pajjiż. It-Trattat jestendi l-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill tal-UE u l-qasam li fih il-Parlament Ewropew jaġixxi fl-istess livell mal-Kunsill fir-rigward tal-adozzjoni ta’ atti leġiżlattivi (regolamenti, direttivi u deċiżjonijiet) fuq proposta mill-Kummissjoni (il-proċedura leġiżlattiva ordinarja).

OQSMA TA’ POLITIKA ĠODDA SUĠĠETTI GĦAL-VOTAZZJONI B’MAĠĠORANZA KWALIFIKATA

Il-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata issa hija l-aktar forma komuni ta’ votazzjoni fil-Kunsill tal-UE u tintuża għall-biċċa l-kbira mid-deċiżjonijiet tiegħu. Flimkien mat-Trattat ta’ Lisbona, maġġoranza kwalifikata tissostitwixxi l-unanimità f’għadd ta’ oqsma ġodda:

miżuri dwar kontrolli fil-fruntieri esterni, l-ażil u l-immigrazzjoni,

il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u l-armonizzazzjoni fil-qasam tad-dritt kriminali sabiex jiġu definiti pereżempju reati kriminali u sanzjonijiet f’oqsma tal-kriminalità partikolarment serji (eż. it-terroriżmu, it-traffikar tal-bnedmin, l-isfruttament sesswali tan-nisa u t-tfal, it-traffikar tad-drogi, il-ħasil tal-flus),

il-ħolqien ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali Ewropej sabiex tingħata protezzjoni uniformi lid-drittijiet tal-proprejtà intellettwali mal-UE kollha,

miżuri biex jiġu promossi l-isport u l-kultura,

ċerti aspetti tal-politika kummerċjali tal-UE (jiġifieri fl-oqsma tas-servizzi kulturali u awdjoviżivi, soċjali, edukattivi jew tas-servizzi tas-saħħa, u għall-adozzjoni ta’ regoli interni).

L-unanimità , madankollu, tibqa’ r-regola ġenerali f’oqsma sensittivi bħal:

l-adozzjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali tal-UE,

l-armonizzazzjoni tat-taxxa (taxxi diretti),

is-sigurtà soċjali u l-protezzjoni soċjali,

aspetti transkonfinali tad-dritt tal-familja,

Barra minn hekk, jeħtieġ li jintlaħaq qbil bejn il-pajjiżi kollha tal-UE fuq l-adeżjoni mal-UE ta’ pajjiżi ġodda u r-reviżjonijiet tat-Trattati.

UŻU AKBAR TAL-PROĊEDURA LEĠIŻLATTIVA ORDINARJA

It-Trattat ta’ Lisbona jżid 40 bażi legali oħra (oqsma ta’ politika li għandhom bażi f’artikoli tat-Trattat), b’mod partikolari fl-oqsma tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà, u l-agrikoltura mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li qabel kienet magħrufa bħala l-proċedura ta’ kodeċiżjoni. Dik il-proċedura issa tapplika għal ħafna mis-suġġetti fejn il-Kunsill tal-UE jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata.

Bidliet

L-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-maġġoranza kwalifikata esperjenzat xi bidliet, b’mod partikolari fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (l-Artikoli 82 u 83 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea – TFUE) u rigward il-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema migranti (l-Artikolu 48 TFUE).

F’dawn l-oqsma, it-Trattat ta’ Lisbona introduċa “klawsoli tal-ibbrejkjar” sabiex wieħed ikun jista' jidderoga mill-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jekk pajjiż iqis li l-prinċipji fundamentali tas-sistema ta’ sigurtà soċjali jew tas-sistema ta’ ġustizzja kriminali tiegħu huma mhedda minn leġiżlazzjoni li qed tiġi adottata.

It-Trattat ta’ Lisbona introduċa wkoll “klawżoli passerelle” sabiex “jgħaddi” minn votazzjoni unanima għal votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata għall-adozzjoni ta’ att f’qasam partikolari.

Aktar informazzjoni:

l-aħħar aġġornament 24.11.2015

Top