Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Ir-reviżjoni tat-Trattati tal-UE

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Ir-reviżjoni tat-Trattati tal-UE

 

SOMMARJU

Il-possibbiltà li jiġu riveduti t-trattati kostituttivi hija essenzjali għall-Unjoni Ewropea (UE). Din tippermetti li l-qafas ta’ leġiżlazzjoni u politiki Ewropej jiġi adattat għal sfidi ġodda li jkollha tiffaċċja l-UE. It-Trattat ta’ Lisbona jippermetti proċedura ta’ reviżjoni ssimplifikata u jagħmel ir-reviżjoni aktar demokratika.

Il-proċeduri ta’ reviżjoni huma deskritti fl-Artikolu 48 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Irrispettivament mill-proċedura segwita, il-pajjiżi tal-UE jridu jiddeċiedu b’mod unanimu dwar ir-reviżjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ikkonċernati.

PROĊEDURA TA’ REVIŻJONI ORDINARJA

Il-proċedura ta’ reviżjoni ordinarja tikkonċerna emendi ewlenin magħmula għat-Trattati, bħaż-żieda jew it-tnaqqis tal-kompetenzi tal-UE. Din taħdem kif ġej:

Kwalunkwe gvern nazzjonali ta’ pajjiż tal-UE, il-Parlament Ewropew jew il-Kummissjoni jista’ jippreżenta proposta lill-Kunsill sabiex jemenda t-trattati; il-Kunsill jippreżenta dawn il-proposti lill-Kunsill Ewropew (li jikkonsisti mill-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern tal-pajjiżi tal-UE), filwaqt li l-Parlamenti nazzjonali wkoll jiġu nnotifikati dwar il-proċedura proposta.

Jekk il-Kunsill Ewropew jadotta deċiżjoni pożittiva, titlaqqa’ Konvenzjoni magħmula mir-rappreżentanti tal-Parlamenti nazzjonali, mill-Kapijiet ta’ Stat jew tal-Gvern tal-pajjiżi tal-UE, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni. Il-Konvenzjoni teżamina l-proposti għal emendi u tadotta deċiżjonijiet b’kunsens.

Konferenza ta’ rappreżentanti tal-gvernijiet tal-pajjiżi tal-UE mbagħad titlaqqa’ mill-President tal-Kunsill bl-għan li l-emendi għat-trattati jiġu adottati bi qbil komuni. Il-bidliet jidħlu fis-seħħ biss wara li jkunu ġew ratifikati mill-pajjiżi kollha tal-UE.

Il-Kunsill Ewropew jista’ jiddeċiedi wkoll, wara li jikseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew, li ma jsejjaħx Konvenzjoni jekk l-emendi ma jkunux ta’ importanza kbira.

PROĊEDURA TA’ REVIŻJONI SIMPLIFIKATA

It-Trattat ta’ Lisbona joħloq proċedura simplifikata sabiex jiġu emendati l-politiki u l-azzjonijiet interni tal-UE (pereżempju, l-agrikoltura u s-sajd, is-suq intern, il-kontrolli fuq il-fruntieri, il-politika ekonomika u monetarja). L-għan huwa li tiġi ffaċilitata aktar integrazzjoni Ewropea f’dawn l-oqsma.

Din il-proċedura tevita l-ħtieġa li jissejħu Konvenzjoni Ewropea u Konferenza Intergovernattiva.

Il-Kunsill Ewropew jaġixxi b’unanimità wara li jkun ikkonsulta lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Bank Ċentrali Ewropew jekk l-emenda tkun tikkonċerna kwistjonijiet monetarji. L-emendi għat-Trattati jidħlu fis-seħħ biss jekk ikunu ġew ratifikati mill-pajjiżi tal-UE kollha.

Madankollu, il-kompetenzi tal-UE ma jistgħux jiġu estiżi permezz ta’ proċedura ta’ reviżjoni simplifikata.

Wara l-kriżi bankarja tal-2008, il-proċedura ssimplifikata ntużat sabiex tippermetti l-ħolqien ta’ Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà bi ftehim intergovernattiv tal-pajjiżi fiż-żona tal-euro. Id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2011 iżżid it-tielet paragrafu mal-Artikolu 136 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li jaqra kif ġej “l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jistgħu jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ stabbiltà […]” iżda “[l-]għoti ta’ kwalunkwe għajnuna finanzjarja taħt il-mekkaniżmu se […] jkun soġġett għal kriterji stretti ta’ kondizzjonalità”.

KLAWŻOLI PASSERELLE

Il-“klawżoli passerelle” huma t-tieni proċedura ta’ reviżjoni ssimplifikata.

Il-klawżola passerelle ġenerali (Artikolu 48(7) TUE) tikkonċerna ż-żewġ każijiet segwenti:

1.

Meta t-Trattati jipprovdu li att għandu jiġi adottat mill-Kunsill li jaġixxi b’mod unanimu, il-Kunsill Ewropew jista’ jadotta deċiżjoni li tawtorizza lill-Kunsill jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata. Il-possibbiltà ma testendix għal deċiżjonijiet rigward implikazzjonijiet militari u għal dawk fil-qasam tad-difiża.

2.

Meta t-Trattati jipprovdu li att għandu jiġi adottat permezz ta' proċedura leġiżlattiva speċjali, il-Kunsill Ewropew jista’ jadotta deċiżjoni li tippermetti l-adozzjoni ta’ tali att skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

Fiż-żewġ każijiet, il-Kunsill Ewropew jista’ jaġixxi b’mod unanimu wara li jikseb il-kunsens tal-PE. Barra minn hekk, kull Parlament nazzjonali għandu d-dritt li joġġezzjona u li jipprevjeni l-attivazzjoni tal-klawżola passerelle ġenerali.

IL-KLAWŻOLA TA’ FLESSIBBILTÀ (ARTIKOLU 352 TFUE)

Din il-klawżola testendi għas-setgħat tal-UE meta miżura tidher li tkun neċessarja sabiex jintlaħaq wieħed mill-għanijiet tat-Trattati u meta t-Trattati ma jipprovdux għall-kompetenza neċessarja. Il-miżuri taħt din id-dispożizzjoni huma adottati mill-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni u wara l-approvazzjoni mill-Parlament Ewropew. Dawn m’għandhomx jinvolvu l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-pajjiżi tal-UE f’oqsma li fihom it-Trattati jeskludu din l-armonizzazzjoni.

l-aħħar aġġornament 17.11.2015

Top