Help Print this page 
Title and reference
Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà

INTRODUZZJONI

It-Trattat ta’ Lisbona joħloq il-funzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà li għandu r-rwol li jmexxi l-politika esterna tal-Unjoni Ewropea (UE).

Il-kompetenzi tar-Rappreżentant Għoli qabel kienu jitwettqu minn żewġ persuni differenti fi ħdan l-UE:

  • l-Uffiċjal Għoli għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK);
  • il-Kummissarju għar-Relazzjonijiet Esterni.

Għalhekk it-Trattat ta’ Lisbona jiġbor f’idejn persuna waħda l-kompetenzi marbuta mal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni. B’hekk l-azzjoni esterna tal-UE għandha ssir aktar koerenti, effikaċi u viżibbli.

Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni madankollu m’għandux il-monopolju tar-rappreżentanza esterna tal-UE. Fil-fatt, it-Trattat ta’ Lisbona jagħti wkoll lill-President tal-Kunsill Ewropew ir-responsabbiltà li jiżgura fil-livell tiegħu r-rappreżentanza esterna tal-UE, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tar-Rappreżentant Għoli. Madankollu t-test ma jispeċifikax kif ix-xogħol għandu jitqassam bejn iż-żewġ persuni, b’mod li jħalli lill-prattika tiddeċiedi r-rwoli rispettivi tagħhom.

FUNZJONIJIET

Ir-Rappreżentant Għoli jieħu sehem attiv fil-politika barranija u ta’ sigurtà komuni tal-Unjoni. Huwa jikkontribwixxi l-ewwel nett għat-tfassil ta’ din il-politika permezz tal-proposti li jressaq lill-Kunsill u lill-Kunsill Ewropew. Imbagħad iwettaq id-deċiżjonijiet adottati bħala rappreżentant tal-Kunsill.

Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għandu ukoll funzjoni ta’ rappreżentanza. Huwa jmexxi d-djalogu politiku mal-pajjiżi terzi u huwa inkarigat li jesprimi l-pożizzjonijiet tal-UE fl-organizzazzjonijiet internazzjonali.

Bis-sostituzzjoni tiegħu tal-Uffiċjal Għoli għall-PESK u tal-Kummissarju għar-Relazzjonijiet Esterni, ir-Rappreżentant Għoli wiret ukoll il-kompiti rispettivi tagħhom:

  • fi ħdan il-Kunsill, huwa għandu jiżgura l-koerenza u l-kontinwità tal-ħidma li tirrigwarda l-politika esterna tal-UE. Għal dan il-għan huwa jippresjedi l-Kunsill tal-Affarijiet Barranin;
  • fi ħdan il-Kummissjoni, huwa għandu r-responsabbiltajiet li jaqgħu taħt il-Kummissjoni fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni. Barra minn hekk, huwa għandu jiżgura l-koordinazzjoni tal-politika esterna mal-politiki l-oħrajn u s-servizzi l-oħrajn tal-Kummissjoni.

ĦATRA

Ir-Rappreżentant Għoli jinħatar mill-Kunsill Ewropew li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata u bi ftehim mal-President tal-Kummissjoni. Il-Kunsill Ewropew jista’ wkoll itemm il-mandat tiegħu skont l-istess proċedura.

Minħabba l-kwalità tiegħu, ir-Rappreżentant Għoli huwa wieħed mill-Viċi Presidenti tal-Kummissjoni. Bħala tali, huwa soġġett, flimkien mal-President u l-membri l-oħra tal-Kummissjoni, għall-vot ta’ approvazzjoni tal-Parlament Ewropew. It-Trattat dwar l-UE jispeċifika li, f’każ ta’ mozzjoni ta’ ċensura vvutata mill-Parlament kontra l-Kulleġġ, ir-Rappreżentant Għoli għandu jħalli l-kariga tiegħu fi ħdan il-Kummissjoni. Għall-kuntrarju, huwa jibqa’ f’pożizzjoni li jassumi r-responsabbiltajiet li għandu fi ħdan il-Kunsill sakemm tifforma Kummissjoni ġdida.

IS-SERVIZZ EWROPEW GĦALL-AZZJONI ESTERNA

Fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni huwa mgħejun minn servizz Ewropew għall-azzjoni esterna. Dan is-servizz għandu bħala bażi legali l-Artikolu 27, paragrafu 3, tat-Trattat dwar l-UE. Il-funzjonament u l-organizzazzjoni tiegħu huma stabbiliti minn deċiżjoni tal-Kunsill li jaġixxi fuq proposta tar-Rappreżentant Għoli. F’Ottubru 2009, il-Kunsill approva l-linji gwida rigward ir-rwol u l-funzjonament ta’ dan is-servizz.

Skont il-linji gwida, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jaqa’ taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli. Dan juża dan is-servizz għat-tfassil tal-proposti li jirrigwardaw il-politika esterna tal-Unjoni u għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kunsill f’dan il-qasam.

Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jista’ wkoll jintuża mill-President tal-Kunsill Ewropew, mill-President tal-Kummissjoni u minn Kummissarji oħrajn għall-kwistjonijiet relatati mal-politika esterna tal-UE.

TABELLA TA' RIKAPITULAZZJONI

Artikoli

Suġġett

Trattat dwar l-UE

18 u 27

Nomina u setgħat tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà

L-aħħar aġġornament: 30.12.2009

Top