Help Print this page 
Title and reference
Il-Kummissjoni Ewropea

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Il-Kummissjoni Ewropea

SOMMARJU

INTRODUZZJONI

It-Trattat ta’ Lisbona afferma mill-ġdid il-funzjonijiet essenzjali tal-Kummissjoni rigward id-dritt ta’ inizjattiva tagħha, il-funzjonijiet tagħha ta’ eżekuzzjoni, ta’ kontroll u ta’ rappreżentanza. Għadd ta’ bidliet li saru jirrigwardaw l-aktar il-kompożizzjoni tal-Kummissjoni. B'kontinwazzjoni tat-Trattati emendatorji preċedenti, l-irwol u l-poteri tal-President tal-Kummissjoni ssaħħew. Il-ħolqien tal-kariga tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà huwa wieħed mill-innovazzjonijiet prinċipali. Barra minn hekk, it-Trattat ta’ Lisbona jirsisti sabiex jipprovdi tweġiba sodisfaċenti għall-kwistjoni, diskussa fit-tul waqt it-Trattati ta’ Lisbona pprova jnaqqas in-numru ta’ Kummissarji, iżda l-Kunsill Ewropew ma xtaqx idaħħal fis-seħħ din id-dispożizzjoni.

IL-KOMPOŻIZZJONI

Il-prinċipju stabbilit mit-Trattat ta’ Lisbona jiddikjara li n-numru ta’ Kummissarji li jiffurmaw il-Kummissjoni għandu jkun terz inqas minn dak ta’ Stati Membri u li l-membri għandhom jintgħażlu fuq il-bażi ta’ sistema ta' rotazzjoni stabbilita fuq il-prinċipju tal-ugwaljanza.

Madankollu, abbażi ta' dispensa mit-Trattat, f'Mejju 2013, il-Kunsill Ewropew b'mod unanimu ddeċieda li jżomm l-istess numru ta' kummissarji bħal dak fl-Istati Membri (inkluż il-President u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà). Il-Kunsill sejjer jirrevedi din id-Deċiżjoni, minħabba l-effetti tagħha fuq ix-xogħol tal-Kummissjoni, qabel in-nomina tal-Kummissjoni li sejra tidħol minflok ta' qabilha mhux aktar tard mill-1 ta' Novembru 2014.

It-Trattat ta’ Lisbona joħloq ukoll funzjoni ġdida fi ħdan il-Kummissjoni: ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà . L-irwol tiegħu jew tagħha huwa dak li jmexxi l-politika barranija tal-Unjoni. Huwa jippresjedi fuq il-Kunsill tal-Affarijiet Barranin,iżomm is-Servizz Ewropew ta' Azzjoni Esterna u huwa ukoll wieħed mill-Viċi Presidenti tal-Kummissjoni. Huwa jinħatar mill-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata, bi qbil mal-President tal-Kummissjoni. Huwa soġġett, flimkien mal-President u l-membri l-oħrajn tal-Kummissjoni, għall-vot ta’ approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

L-IRWOL TAL-PRESIDENT

It-Trattati ta' Nizza u ta' Amsterdam estendew bi kbir is-setgħat tal-President tal-Kummissjoni. Dan tal-aħħar għandu jistabilixxi l-linji gwida politiċi għall-Kulleġġ tal-Kummissarji, iżda għandu jiddeċiedi fuq l-organizzazzjoni interna tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, il-President jiddelega l-kompiti tiegħu lil Kummissarji differenti u jista' jalloka mill-ġdid ir-responsabilitajiet matul il-mandat kollu tiegħu. Huwa jaħtar lill-Viċi-Presidenti minn fost il-Membri tal-Kummissjoni, bl-eċċezzjoni Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà. Mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbina, huwa jista' jitlob lil Kummissarju sabiex jitlaq mill-kariga tiegħu mingħajr l-approvazzjoni tal-Kulleġġ.

IL-PROĊEDURI TAL-ĦATRA

Il-mod kif jintgħażel il-President tal-Kummissjoni ma nbidilx. Huwa jiġi propost mill-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata, imbagħad approvat mill-Parlament Ewropew. Madankollu, it-Trattat ta’ Lisbona jġedded billi jintroduċi rabta diretta bejn ir-riżultati tal-elezzjonijiet fil-Parlament Ewropew u l-għażla tal-kandidat għall-Presidenza tal-Kummissjoni. Issa, il-Kunsill Ewropew ikollu jikkunsidra r-riżultati fil-Parlament meta jinnomina lill-persuna li għandu l-ħsieb li jaħtar bħala President tal-Kummissjoni. Dan it-tibdil iżid il-piż tal-Parlament fin-nomina tal-President. Għal dan il-għan, u fil-kuntest tal-Elezzjonijiet Ewropej tal-2014, il-Kummissjoni rrakkomandat li l-partiti politiċi Ewropej jaħtru l-kandidat tagħhom għall-kariga ta' President tal-Kummissjoni, u dan iżid l-importanza assoċjata mal-elezzjonijiet.

Wara dan, il-Kunsill, bi ftehim komuni mal-President elett, jadotta l-lista ta’ persuni li jipproponi li jaħtar bħala membri tal-Kummissjoni, ħlief għar-rappreżentant għoli għall-affarijiet barranin u l-politika tas-sigurtà. Il-membri tal-Kummissjoni jintgħażlu skont il-kompetenza ġenerali u l-indipendenza tagħhom. It-Trattat ta’ Lisbona jżid kriterju ġdid rigward l-impenn Ewropew tagħhom. Il-Kulleġġ kollu jiġi approvat permezz ta' vot mill-Parlament Ewropew.

TABELLA TA' RIKAPITULAZZJONI

Trattat

Artikoli

Suġġett

Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

17

Ir-rwol u l-kompożizzjoni tal-Kummissjoni; nomina u setgħat tal-President tal-Kummissjoni

Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

18

Ħatra u setgħat tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE

244 sa 250

Kif taħdem il-Kummissjoni

ATTI RELATATI

Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta' Mejju 2013 dwar in-numru ta’ membri tal-Kummissjoni Ewropea [ 2013/272/UE - Ġurnal Uffiċjali L 165 tat-18.10.2013].

L-aħħar aġġornament: 09.04.2014

Top