Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Kunsens Ewropew fuq l-Għajnuna Umanitarja

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Kunsens Ewropew fuq l-Għajnuna Umanitarja

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Dikjarazzjoni konġunta dwar l-għanijiet u l-prinċipji tal-għajnuna umanitarja tal-UE

SOMMARJU

X'TAGĦMEL ID-DIKJARAZZJONI KONĠUNTA?

  • Din hija impenn mill-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-UE biex jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom fuq il-bażi ta' għanijiet u prinċipji komuni għall-interventi ta' għajnuna umanitarja tagħhom.
  • Il-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja jistabbilixxi qafas strateġiku li jiggwida l-azzjonijiet tal-UE u tal-pajjiżi tal-UE sabiex jipprovdu għajnuna umanitarja effettiva, ta' kwalità u kkoordinata.

PUNTI EWLENIN

Miri tal-għajnuna umanitarja

L-għajnuna umanitarja tal-UE għandha l-għan li tipprovdi rispons ta’ emerġenza biex tippreżerva l-ħajja u biex tipprevjeni u ttaffi s-sofferenza tal-bniedem f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi li jirriżultaw minn diżastri kkawżati mill-bniedem u minn diżastri naturali.

B’konformità mal-kunsens, l-assistenza umanitarja tal-UE tingħata permezz ta’ msieħba implimentattivi bħas-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), il-Moviment tas-Salib l-Aħmar/ta’ Nofs Qamar u organizzazzjonijiet mhux governattivi

L-UE u l-pajjiżi tal-UE kollettivament huma l-akbar donatur ta’ għajnuna umanitarja pubblika internazzjonali fid-dinja. L-azzjonijiet tagħhom jikkumplimentaw u jsaħħu lil xulxin u huma implimentati f’koordinazzjoni mill-qrib mal-atturi internazzjonali u lokali.

Prinċipji tal-għajnuna umanitarja

L-għajnuna umanitarja hija bbażata fuq il-prinċipji umanitarji fundamentali tal-umanità*, in-newtralità*, l-imparzjalità* u l-indipendenza*.

L-UE hija impenjata wkoll sabiex tikkonforma mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari l-Liġi Umanitarja Internazzjonali, il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Liġi dwar ir-Refuġjati.

Filwaqt li l-implimentazzjoni tista’ tvarja bejn il-pajjiżi tal-UE, id-donaturi tal-UE għandhom l-għan li jtejbu l-prassi ta' donazzjoni u għandhom jikkonformaw mal-prinċipji u l-prassi tajba tal-għajnuna umanitarja. Dan isir b’mod partikolari fil-kuntest tal-inizjattiva tad-Donazzjoni Umanitarja Tajba, forum u netwerk informali internazzjonali għad-donaturi.

L-għajnuna umanitarja tal-UE trid tkun ukoll koerenti ma’ politiki oħrajn, sabiex tkun żgurata tranżizzjoni bla xkiel wara kriżi u jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet relatati mas-sessi u l-bżonnijiet differenti tal-popolazzjoni lokali.

Koordinazzjoni u koerenza tal-għajnuna tal-UE

L-UE tappoġġa l-irwol ta’ koordinament tan-NU u l-kapaċità globali miżjuda għar-rispons għall-kriżijiet umanitarji.

L-operazzjonijiet ta’ għajnuna tal-UE jridu jkunu bbażati fuq:

  • il-koordinazzjoni, il-koerenza u l-kumplementarjetà bejn l-atturi involuti, l-iskambju tal-informazzjoni, l-aħjar prassi u l-kompetenza u t-tisħiħ tal-iskambji f’livell ta’ politika, inkluż fil-livell internazzjoni kkoordinat min-NU;
  • prinċipji ta’ kwalità, effettività u responsabbiltà;
  • diversi sħubijiet sabiex toffri rispons kbir għall-kriżijiet.

L-għajnuna umanitarja tal-UE trid tiġi allokata b'mod trasparenti u fuq il-bażi tal-bżonnijiet identifikati u l-vulnerabbiltà tal-persuni.

Il-kunsens jistabbilixxi meta u kif il-protezzjoni ċivili u, b'mod eċċezzjonali bħala l-aħħar għażla, l-assi u l-kapaċitajiet militari, jistgħu jintużaw fir-rispons umanitarju.

Azzjoni internazzjonali

Filwaqt li tirrikonoxxi li l-azzjoni umanitarja hija responsabbiltà kollettiva fil-livell internazzjonali, l-UE tikkontribwixxi sabiex tiżviluppa l-kapaċità globali kollettiva għar-rispons għall-kriżijiet, u b’hekk tappoġġa r-riforma mmexxija min-NU tas-sistema umanitarja b’kooperazzjoni ma’ atturi u donaturi umanitarji oħrajn.

Barra minn hekk, fid-dawl tal-ħtieġa li qed teskala għall-assistenza umanitarja, huwa essenzjali li tingħata spinta lill-finanzjament u li dan jiġi ddiversifikat, u li jiżdiedu l-prevedibbiltà, il-flessibbiltà u l-koordinament strateġiku tiegħu.

Rabtiet mat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri u l-iżvilupp

B’mod parallel mal-operazzjonijiet ta’ emerġenza mibdija meta sseħħ kriżi, l-UE timpenja ruħha biex taħdem sabiex tnaqqas ir-riskji u l-vulnerabbiltà u biex tħejji lill-persuni għad-diżastri naturali, fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali abbażi tal-Qafas Hyogo għall-Azzjoni (li f’Marzu 2015 ġie ssostitwit bil-Qafas ta’ Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskji ta’ Diżastri 2015–2030).

Hija tappoġġa wkoll it-tranżizzjoni, l-irkupru bikri u l-iżvilupp, b’mod partikolari billi tikseb rabta aħjar bejn l-għajnuna, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp (LRRD).

Azzjoni umanitarja fil-livell tal-UE

Il-kunsens jikkonferma li l-UE għandha vantaġġ komparattiv u valur miżjud biex ittejjeb il-kumplementarjetà bejn id-donaturi umanitarji tal-UE u ma’ donaturi internazzjonali. Dan grazzi għan-netwerk globali ta’ esperti tal-UE; l-irwol tagħha li tiżgura l-koerenza politika u tippromwovi prassi umanitarja tajba; il-flessibbiltà tagħha biex tintervjeni f’żoni sensittivi mil-lat politiku; u l-kapaċità tagħha li tiffaċilità l-koordinament. Il-Kummissjoni Ewropea hija impenjata hija stess sabeix tapplika l-prinċipji u l-aħjar prassi ta' donazzjoni tajba fil-politiki u l-operazzjonijiet tagħha.

L-UE adottat Pjan ta’ Azzjoni għall-2008–2013 li jiggwida l-kooperazzjoni bejn Il-Kummissjoniu l-pajjiżi tal-UE abbażi ta’ approċċ ta’ għajnuna ta’ kwalità. L-implimentazzjoni ġiet riveduta fl-2010 permezz ta’ rieżami ta' nofs it-terminu u evalwata permezz ta’ evalwazzjoni indipendenti fl-2014. L-evalwazzjoni kkonfermat il-validità tal-kunsens u rrakkomandat l-implimentazzjoni tiegħu taħt qafas ġdid. Il-pjan ta' implimentazzjoni adottat f'Novembru 2015 se jservi bħala tali għal 18-il xahar, u se jiffoka l-azzjonijiet fuq azzjoni umanitarja bi prinċipju u l-effettività.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

* Umanità : is-sofferenza umana għandha tiġi indirizzata kull fejn tinstab, b’attenzjoni partikolari għall-aktar persuni vulnerabbli fil-popolazzjoni.

* Newtralità : l-għajnuna umanitarja ma għandha tiffavorixxi lil ebda naħa f’kunflitt armat jew tilwim ieħor.

* Imparzjalità : l-għajnuna umanitarja għandha tiġi pprovduta biss abbażi tal-ħtieġa, mingħajr diskriminazzjoni bejn jew fost popolazzjonijiet affettwati.

* Indipendenza: l-awtonomija tal-objettivi umanitarji mill-objettivi politiċi, ekonomiċi, militari jew oħrajn, li l-uniku għan tagħha huwa t-tnaqqis u l-prevenzjoni tas-sofferenza tal-vittmi ta’ kriżijiet umanitarji.

ATT

Dikjarazzjoni Konġunta mill-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea (ĠU C 25, 30.1.2008, p. 1–12)

ATTI RELATATI

Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: Pjan ta' Implimentazzjoni tal-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja (SWD(2015) 269 final tas- 27.11.2015)

l-aħħar aġġornament 31.03.2016

Top