Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Għajnuna umanitarja tal-ikel

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Għajnuna umanitarja tal-ikel

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (COM(2010) 126 final) — Għajnuna umanitarja tal-ikel

X’INHU L-GĦAN TA’ DIN IL-KOMUNIKAZZJONI?

Din il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tiddefinixxi il-qafas strateġiku li fih l-UE tipprovdi għajnuna tal-ikel fil-każ ta' kriżi umanitarja*.

Din hija ppreżentata flimkien ma' komunikazzjoni oħra tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà u l-iżvilupp tal-ikel.

PUNTI EWLENIN

GĦANIJIET EWLENIN

L-għajnuna umanitarja tal-ikel tal-UE* għandha l-għan li tiżgura li biżżejjed ikel sigur u nutrittiv jiġi kkunsmat qabel, waqt u wara kriżi umanitarja sabiex tipprevjeni l-mortalità, il-malnutrizzjoni akuta jew mekkaniżmi detrimentali ta' sopravvivenza (eż. fejn dawk vulnerabbli jbiegħu l-assi tagħhom jew jispiċċaw fid-dejn).

L-għanijiet speċifiċi huma:

  • 1.

    li tiġi ssalvagwardjata d-disponibbiltà ta', l-aċċess għal u l-konsum ta' ikel xieraq, sigur u nutrittiv għal popolazzjonijiet affettwati minn kriżijiet umanitarji;

  • 2.

    li jipproteġu u jipprovdu mill-ġdid il-mezzi tal-għajxien u sabiex jgħinu fit-titjib tar-reżiljenza ta' gruppi vulnerabbli għal xokkijiet futuri; u

  • 3.

    sabiex isaħħu l-kapaċità tas-sistema tal-għajnuna umanitarja internazzjonali fit-twassil tal-għajnuna tal-ikel.

Dawn jinkludu:

  • l-għoti tal-għajnuna tal-ikel fil-forma ta' flus, kupuni, prodotti tal-ikel u komoditajiet jew servizzi oħrajn, ħiliet u għarfien;
  • interventi kumplimentari bħal aċċess għall-fjuwil, għall-ilma u għall-iġjene;
  • provvediment mill-ġdid ta' mezzi ta' għajxien bażiċi, bħall-aċċess għaż-żerriegħa lill-bdiewa;
  • l-għajnuna fil-prevenzjoni u l-kura tal-malnutrizzjoni; u
  • t-tisħiħ tal-kapaċità b'approċċi, għodod u taħriġ imtejba u innovattivi.

L-għażla tal-aktar rispons xieraq, inkluż mezzi ta' trasferiment (eż. flus jew le), hija bbażata fuq il-kuntest speċifiku u hija riveduta b'mod regolari.

PRINĊIPJI

Skont il-Kunsens Ewropew fuq l-Għajnuna Umanitarja, l-interventi f'ħidmiet ta' għajnuna umanitarja tal-ikel:

  • għandhom jirrispettaw il-prinċipji umanitarji fundamentali ta'
    • umanità:
    • newtralità:
    • imparzjalità, u
    • indipendenza:
  • għandhom ikunu bbażati fuq il-ħtiġijiet u r-riżultati, flessibbli, effettiva u bla periklu;
  • għandhom ikunu kkoordinati ma' donaturi u interventi ta' żvilupp ta' sigurtà tal-ikel oħrajn sabiex:
    • jiżguraw kopertura mill-aqwa ta' ħtiġijiet ta' emerġenza u żvilupp, u
    • jimmassimizzaw l-opportunitajiet għal impatt sostenibbli kif ukoll ir-reżiljenza ta' vittmi ta' kriżi tal-ikel.

Ħidmiet ta' għajnuna

L-għajnuna umanitarja tal-ikel tal-UE ġeneralment tapplika meta:

  • rati ta' emerġenza tal-mortalità jew malnutrizzjoni severa jintlaħqu jew ikunu ser jintlaħqu minħabba nuqqas ta' ikel, skont it-tbassir;
  • hemm theddid serju għall-popolazzjoni jew riskji ta' tbatija estrema minħabba n-nuqqas ta' mezzi ta' għajxien jew strateġiji ħżiena sabiex ilaħħqu mal-kriżi (eż. bejgħ ta' assi produttivi, migrazzjoni jew prattiċi ta' sopravivenza mhux sikuri).

Madankollu, l-għajnuna tal-ikel tista' tkun ipprovduta hekk kif tibda kriżi, u mhux meta jseħħu r-riskji estremi.

Normalment, l-għajnuna umanitarja tal-ikel m'għandhiex tintuża sabiex tindirizza nuqqas ta' sigurtà kronika tal-ikel*, sakemm:

  • is-sitwazzjoni tippreżenta riskju umanitarju imminenti u sever ħafna;
  • atturi oħrajn ma jistgħux jaġixxu;
  • l-azzjoni jista' jkollha impatt pożittiv fi żmien qasir.

Ikel sigur, biżżejjed u lokali

In-nies għandu jkollhom aċċess għal ikel sigur u bbilanċjat tajjeb ta' kwantità biżżejjed u ta' kwalità suffiċjenti. It-tip tal-ikel propost għandu jkun, jekk hu possibbli, konformi ma' preferenzi lokali dijetetiċi.

SFOND

Madwar 795 miljun persuna madwar id-dinja — jew madwar persuna waħda minn kull disgħa — huma bil-ġuħ, skont l-aħħar rapport dwar il-ġuħ tan-NU (L-Istat ta’ Nuqqas ta’ Sigurtà dwar l-Ikel fid-Dinja 2015). In-numru ta' pajjiżi Afrikani li jaffaċċjaw kriżijiet tal-ikel irdoppja minn 12 fl-1990 għal 24 fl-2015. Fl-2014, il-Kummissjoni waħedha pprovdiet €349 miljun f'fondi umanitarji għall-għajnuna tal-ikel.

Għal aktar informazzjoni, ara:

* TERMINI EWLENIN

Kriżi umanitarja: avveniment li jirrappreżenta theddida kritika għas-saħħa, għas-sigurtà, għas-sikurezza jew għall-benesseri tan-nies. Kriżi umanitarja tista' tirriżulta minn diżastri naturali jew ikkawżati mill-bniedem, jista' jkollhom bidu mgħaġġel jew bil-mod u jistgħu idumu ftit jew fit-tul

Għajnuna umanitarja tal-ikel: għajnuna tal-ikel ipprovduta lil vittmi tal-kriżijiet umanitarji

Nuqqas ta’ sigurtà kronika tal-ikel: in-nuqqas ta' ħila persistenti għal aċċess ta' teħid adegwat ta' nutrijenti, kemm fuq bażi kostanti kif ukoll fuq bażi perjodika, staġjonali

DOKUMENT EWLIENI

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar — Għajnuna Umanitarja tal-Ikel (COM(2010) 126 final tal-31.3.2010)

ATTI RELATATI

Dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar — Għajnuna Umanitarja tal-Ikel (SEC(2010) 374 final tal-31.3.2010)

l-aħħar aġġornament 18.07.2016

Top