Help Print this page 
Title and reference
Id-dħul u l-operazzjonijiet tal-irziezet - statistika tal-UE

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Id-dħul u l-operazzjonijiet tal-irziezet - statistika tal-UE

In-Netwerk tad-Dejta tal-Kontabbiltà Agrikola (FADN) jagħti ċ-ċans lill-Kummissjoni Ewropea (KE) tiġbor dejta dwar id-dħul u l-attivitajiet ekonomiċi tal-azjendi agrikoli fl-Unjoni Ewropea (UE) sabiex tkun tista’ tieħu deċiżjonijiet informati bil-għan li ssawwar il-Politika Agrikola Komuni fil-ġejjieni.

ATT

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1217/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi netwerk għall-ġbir ta’ informazzjoni tal-kontabilità dwar id-dħul u l-operazzjoni kummerċjali ta’ azjendi agrikoli fil-Komunità Ewropea

SOMMARJU

In-Netwerk tad-Dejta tal-Kontabbiltà Agrikola (FADN) jagħti ċ-ċans lill-Kummissjoni Ewropea (KE) tiġbor dejta dwar id-dħul u l-attivitajiet ekonomiċi tal-azjendi agrikoli fl-Unjoni Ewropea (UE) sabiex tkun tista’ tieħu deċiżjonijiet informati bil-għan li ssawwar il-Politika Agrikola Komuni fil-ġejjieni.

Bil-għan li jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet l-oħrajn u l-pubbliku jkollhom aċċess sempliċi u konvenjenti għar-rapporti analitiċi annwali abbażi tal-FADN, ir-rapporti li jkopru s-setturi magħżula huma ppubblikati fuq sit elettroniku ddedikat.

X'JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Huwa jistabbilixxi r-regoli għall-ġbir ta’ dejta komparabbli tal-kontabbiltà agrikola madwar l-UE kollha. Din id-dejta tintuża sabiex tiddetermina d-dħul annwali tal-azjendi agrikoli u għall-analiżi kummerċjali tal-attivitajiet tagħhom. Id-dejta tinġabar kull sena abbażi ta’ kampjun kompost minn aktar minn 80,000 azjenda agrikola.

Il-proċess għall-ġbir tad-dejta tal-kontabbiltà

Il-pajjiżi tal-UE huma responsabbli għall-istħarriġ li jsir fit-territorju tagħhom u kull wieħed għandu jaħtar aġenzija ta’ kollegament, li torganizza l-ġbir tad-dejta minn sorsi differenti (bħal irziezet, uffiċċji tal-kontabbiltà) u tibgħat id-dejta b’mod elettroniku lill-Kummissjoni.

Kumitat Nazzjonali huwa responsabbli mill-għażla tal-azjendi prospettanti (jiġifieri l-impriżi li jieħdu sehem fl-istħarriġ). Meta pajjiż tal-UE jkun kompost minn diversi diviżjonijiet, il-Kumitat Nazzjonali jista’ jistrieħ fuq il-kumitati reġjonali.

Redditu tal-irziezet

Kull razzett soġġett għall-istħarriġ jimla dokument uffiċjali msejjaħ “return”, li huwa tip ta’ kwestjonarju. Id-dejta li trid tinġabar u tintbagħat lill-KE hija identika għall-pajjiżi kollha tal-KE, irrispettivament mill-prattiki tal-kontabbiltà tagħhom u minn kif jorganizzaw il-proċess tal-ġbir tad-dejta.

PUNTI EWLENIN

Ir-Regolament (UE) Nru 1318/2013 jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1217/2009 (l-att bażiku tal-FADN) u jintroduċi ċerti bidliet fir-regoli tal-FADN.

Huwa jagħti lill-KE s-setgħa li tadotta atti delegati u ta’ implimentazzjoni. Dawn is-setgħat delegati jirrigwardjaw, fost l-oħrajn:

l-istabbiliment tal-lista ta’ diviżjonijiet tal-FADN (xi pajjiżi tal-UE jirrappreżentaw diviżjoni waħda, filwaqt li oħrajn, b’mod partikolari dawk akbar, jinqasmu f’unitajiet territorjali iżgħar, bħal reġjuni jew provinċji);

ir-regoli għall-iffissar tad-daqs ekonomiku tal-azjendi prospettanti li jipparteċipaw fil-kampjun u għall-pjan sabiex jintgħażlu l-azjendi prospettanti;

il-klassifikazzjoni tat-tipoloġija ewlenija tal-azjendi agrikoli tal-UE;

il-gruppi ewlenin ta’ dejta dwar il-kontabbiltà li trid tinġabar u r-regoli ġenerali għall-ġbir tad-dejta.

Bħala riżultat ta’ din is-setgħa delegata, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1198/2014 jistabbilixxi regoli li jissupplimentaw xi elementi tar-Regolament (KE) Nru 1217/2009 (eż. il-korrispondenza bejn it-tipi ta’ biedja jew il-lista tal-gruppi ewlenin ta’ dejta dwar il-kontabbiltà li trid tinġabar).

Fir-rigward tas-setgħat ta’ implimentazzjoni, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/220 jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1217/2009. Dawn jinkludu d-deskrizzjoni dettaljata tal-grupp ta’ dejta dwar il-kontabbiltà li trid tinġabar f’kull redditu tal-irziezet u l-limiti massimi ekonomiċi applikati f’kull pajjiż.

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1217/2009, id-dejta hija koperta minn regoli stretti ta’ kunfidenzjalità u tista’ tintuża biss sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-politika agrikola komuni. Pereżempju, dawn ma jistgħux jintużaw mill-awtoritajiet għall-finijiet ta’ taxxa jew konformità.

Fl-aħħarnett, ir-regolament jistipula li l-Kummissjoni hija assistita mill-Kumitat għan-Netwerk tad-Dejta tal-Kontabbiltà Agrikola, kompost minn rappreżentanti tal-pajjiżi kollha tal-UE.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ir-Regolament (KE) Nru 1217/2009 daħal fis-seħħ f’Jannar 2010, filwaqt li l-emenda li ġiet introdotta mir-Regolament (UE) Nru 1318/2013 bdiet tapplika mill-1 ta' Jannar 2014.

Aktar tagħrif huwa disponibbli minn fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-Kummissjoni Ewropea.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Ir-Regolament (KE) Nru 1217/2009

4.1.2010

-

ĠU L 328 tal-15.12.2009, p. 27-38

Att(i) li jemenda(w)

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Ir-Regolament (UE) Nru 1318/2013

20.12.2013

-

ĠU L 340, 17.12.2013, p. 1-6

ATTI RELATATI

Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1198/2014 tal-1 ta' Awwissu 2014 li jissupplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1217/2009 li jistabbilixxi netwerk għall-ġbir ta' informazzjoni tal-kontabilità dwar id-dħul u l-operazzjoni kummerċjali ta' azjendi agrikoli fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 321 tas-7.11.2014, p. 2-6)

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/220 tat-3 ta' Frar 2015 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1217/2009 li jistabbilixxi netwerk għall-ġbir ta' informazzjoni tal-kontabbiltà dwar id-dħul u l-operazzjoni kummerċjali ta' azjendi agrikoli fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 46 tad-19.2.2015, p. 1-106)

l-aħħar aġġornament 02.09.2015

Top