EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document JOL_2005_157_R_0003_01

Opinjoni tal-Kummissjoni tat- 22 ta' Frar 2005 dwar l-applikazzjonijiet ta' adeżjoni fl-Unjoni Ewropea tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija

OJ L 157, 21.6.2005, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.6.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

3


OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-22 ta' Frar 2005

dwar l-applikazzjonijiet ta' adeżjoni fl-Unjoni Ewropea tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 49 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija applikaw sabiex jidħlu membri fl-Unjoni Ewropea.

(2)

Fl-opinjonijiet tagħha tal-15 ta' Lulju 1997 dwar ir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija, il-Kummissjoni diġà kellha l-opportunità tesprimi ruħha fuq ċerti aspetti essenzjali tal-problemi li jinqalgħu in konnessjoni ma' dawn l-applikazzjonijiet.

(3)

Il-Kunsill Ewropew li ltaqa' f'Kopenhagen f'Diċembru 1993 stipula għall-ewwel darba l-kriteriji ta' l-acquis kif ukoll kriterji politiċi u ekonomiċi ta' sħubija, li mexxew il-proċess ta' adeżjoni u l-analiżi regolari tal-Kummissjoni dwar kemm huma lesti r-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija. Il-kriterji politiċi jitolbu lir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija jiżguraw l-istabbilità ta' istituzzjonijiet li jagħtu garanzija ta' demokrazija, ir-regola tal-liġi, id-drittijiet umani u r-rispett u l-protezzjoni tal-minoranzi; dawn it-talbiet huma miġbura bħala prinċipji kostituzzjonali fit-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea u kienu enfasizzati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea. Il-kriterji ekonomiċi jitolbu l-eżistenza ta' suq ekonomiku li jaħdem kif ukoll il-kapaċità li jlaħħqu mal-pressjoni tal-kompetizzjoni u l-forzi tas-suq fi ħdan l-Unjoni. Il-Kriterju ta' l-acquis jirreferi għall-abilità li tieħu l-obbligazzjonijiet tas-sħubija li jiġu mil-leġiżlazzjoni ta' l-Unjoni, l-acquis communautaire, inkluża l-fedeltà ma' l-għanijiet ta' l-unjoni politika, ekonomika u monetarja.

(4)

Il-kundizzjonijiet u l-ftehim għad-dħul taż-żewġ Stati ġew negozjati fil-Konferenzi bejn l-Istati Membri u r-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija.

(5)

Il-Kummissjoni, fid-Dokument ta' l-Istrateġija dwar progress fil-proċess ta' tkabbir adottat fis-6 ta' Ottubru 2004, tikkunsidra li r-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija jissodisfaw il-kriterji politiċi u hi u tikkunsidra l-progress milħuq miż-żewġ pajjiżi, l-istorja konsistenti fl-implimentazzjoni ta' l-impenji tagħhom, u x-xogħol preparatorju li għaddej bħalissa, tistenna minn dawn il-pajjiżi li jissodisfaw il-kriterji ekonomiċi u ta' l-acquis u jkunu lesti għal sħubija sa l-1 ta' Jannar 2007. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni ddikjarat li ser tagħmel kull sforz sabiex tilħaq l-għan tal-Kunsill ta' l-Ewropa sabiex tikkonkludi n-negozjati mar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija b'suċċess fl-2004, fuq il-bażi ta' merti tagħhom, bil-ħsieb li jiġi ffirmat it-Trattat ta' l-Adeżjoni malajr kemm jista' jkun fl-2005.

(6)

Dawn in-negozjati temmew f'Diċembru 2004, u jidher li d-dispożizzjonijiet miftehma huma ġusti u xierqa; għalhekk, it-tkabbir ta' l-UE, filwaqt li jippreserva il-koeżjoni u d-dinamiżmu intern tiegħu, jħalliha tieħu parti akbar fl-iżvilupp tar-relazzjonijiet internazzjonali.

(7)

Bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija jaċċettaw mingħajr riservi, it-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, u sad-dħul fis-seħħ tagħha, it-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea u l-għanijiet kollha tiegħu, id-deċiżjonijiet kollha meħuda minn meta daħlu fis-seħħ it-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej u t-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea u l-għażliet meħuda fil-konfront ta' l-iżvilupp u tisħiħ ta' dawk il-Komunitajiet u ta' l-Unjoni.

(8)

Huwa fattur essenzjali ta' l-ordni legali introdotta fit-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej u, meta jidħol fis-seħħ, it-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa li ċerti mid-dispożizzjonijiet tagħhom u ċerti atti adottati mill-istituzzjonijiet huma direttament applikabbli, li l-liġi ta' l-Unjoni tieħu preċedenza fuq kull dispożizzjoni nazzjonali li tista' tkun f'kunflitt magħha, u li proċeduri jeżistu biex jiżguraw l-interpretazzjoni uniformi tal-liġi ta' l-Unjoni Ewropea; adeżjoni fl-Unjoni Ewropea timplika għarfien ta' l-irbiet ta' dawn ir-regoli, osservanza li hija indispensabbli biex tiggarantixxi l-effettività u l-unità tal-liġi ta' l-Unjoni.

(9)

Il-Kummissjoni tagħmel sejħa lir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija biex jaħdmu bis-serjetà fuq it-titjib li għad hemm bżonn isir fil-kuntest tal-kriterji għal sħubija politiċi u ekonomiċi u fil-konfront ta' l-adozzjoni, implimentazzjoni u infurzar ta' l-acquis. Il-Kummissjoni ser tkompli tosserva mill-qrib l-implimentazzjoni ta' l-impenni u l-obbligazzjonijiet meħuda miż-żewġ pajjiżi, u ser tgħinhom bl-istrumenti disponibbli. Ibbazat fuq dan il-monitoraġġ kontinwu, il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt tagħha, kif stipulat fit-Trattat ta' l-Adeżjoni, b'mod partikolari fl-Artikolu 39 tal-Protokoll ta' l-Adeżjoni, biex tippreżenta proposta li tirrakkomanda li tipposponi l-adeżjoni b'sena sa l-1 ta' Jannar 2008, jekk jidhrilha li hemm evidenza ċara li l-istat tal-preparamenti għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' l-acquis fir-Repubblika tal-Bulgarija jew Rumanija huwa tali li hemm riskju serju li xi wieħed minn dawn l-Istati mhux se jkun preparat biex jilħaq it-talbiet ta' sħubija sad-data ta' l-adeżjoni ta' l-1 ta' Jannar 2007 f'diversi oqsma importanti inklużi impenji speċifiċi u talbiet li japplikaw għar-Rumanija f'oqsma tal-Ġustizzja u ta' l-Intern u l-Kompetizzjoni. B'riżultat ta' dan il-monitoraġġ, il-Kummissjoni tirriżerva d-drittijiet tagħha ukoll biex tinvoka l-klawżoli diversi ta' ħarsien previsti fit-Trattat ta' l-Adeżjoni taż-Żewġ pajjiżi kif ukoll il-mekkaniżmu speċifiku dwar għajnuna ta' l-Istat stipulat fit-Trattat ta' l-Adeżjoni għar-Rumanija fil-każ li dan il-pajjiż ma jissodisfax l-impenji tiegħu f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-infurzar f'dan il-qasam.

(10)

Il-Kummissjoni titlob lill-awtoritajiet Bulgari u Rumeni biex itemmu t-traduzzjoni u r-reviżjoni ta' l-acquis qabel id-data ta' l-adeżjoni sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni.

(11)

Wieħed mill-għanijiet ta' l-Unjoni Ewropea huwa li jsaħħaħ is-solidarjetà bejn il-popli filwaqt li jirrispetta l-istorja, il-kultura u t-tradizzjonijiet tagħhom.

(12)

It-Tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea permezz ta' l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija ser jgħin biex isaħħaħ il-garanziji ta' paċi u libertà fl-Ewropa.

B'DAN TESPRIMI OPINJONI FAVOREVOLI:

dwar l-adeżjoni fl-Unjoni Ewropea tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija

Din l-opinjoni hija indirizzata lill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, fit-22 ta' Frar 2005.

Għall-Kummissjoni

Olli REHN

Membru tal-Kummissjoni responsabbli mit-tkabbir

Għall-Kummissjoni

José Manuel BARROSO

Il-President


Top