EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Aċċidenti u inċidenti fl-avjazzjoni ċivili

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) Nru 996/2010 — l-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Dan għandu l-għan li jtejjeb is-sikurezza fl-avjazzjoni billi jiżgura livell għoli ta’ effiċjenza, ħeffa u kwalità fl-investigazzjonijiet tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili tal-Unjoni Ewropea (UE).
  • Huwa jistabbilixxi regoli dwar id-disponibbiltà fil-ħin tal-informazzjoni relatata mal-persuni u mal-merkanzija perikoluża kollha abbord l-inġenju tal-ajru involut f’aċċident.
  • Għandu wkoll l-għan li jtejjeb l-assistenza lill-vittmi ta’ aċċidenti tal-ajru u l-qraba tagħhom.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

  • Dan ir-regolament japplika għal investigazzjonijiet tas-sikurezza dwar aċċidenti* u inċidenti* serji:
    • li jseħħu fit-territorji tal-Istati Membri tal-UE;
    • li jseħħu barra t-territorji tal-Istati Membri iżda jinvolvu inġenji tal-ajru rreġistrati fi Stat Membru jew li huma operati minn kumpanija stabbilita fi Stat Membru;
    • fejn Stat Membru huwa intitolat (skont l-istandards internazzjonali u l-prattiċi rakkomandati), li jaħtar rappreżentant akkreditat biex jipparteċipa fl-investigazzjoni;
    • fejn Stat Membru — li jkollu interess speċjali minħabba l-fatalitajiet jew il-feriti serji liċ-ċittadini tiegħu — ikollu permess mill-pajjiż li jwettaq l-investigazzjoni biex jaħtar espert.
  • Ir-regolament ma japplikax għal investigazzjonijiet tas-sikurezza dwar aċċidenti u inċidenti serji li jinvolvu inġenji tal-ajru impenjati f’servizzi militari, tad-dwana, tal-pulizija jew simili.

Awtoritajiet indipendenti tal-investigazzjoni tas-sikurezza

  • Kull Stat Membru jrid jiżgura li l-investigazzjonijiet tas-sikurezza dwar aċċidenti u inċidenti serji fl-avjazzjoni ċivili jitwettqu, mingħajr interferenza esterna, minn awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili nazzjonali permanenti (SIA).
  • Kull SIA trid tkun tiffunzjona b’mod indipendenti minn kwalunkwe awtorità jew kull parti oħra li tista’ tkun f’konflitt mal-kompiti tagħha jew tinfluwenza l-oġġettività tagħha.
  • Kull SIA trid tkun kapaċi twettaq investigazzjoni tas-sikurezza kompleta b’mod indipendenti. l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-SIAs rispettivi tagħhom bil-mezzi u l-finanzi — inkluż baġit — sabiex iwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom b’mod indipendenti u jkollhom aċċess għal riżorsi suffiċjenti.
  • B’mod partikolari, l-SIA jrid ikollha għad-dispożizzjoni tagħha persunal kwalifikat u faċilitajiet adegwati, inklużi uffiċċji u ħangers, biex tkun tista’ taħżen u teżamina l-inġenju tal-ajru, il-kontenut u l-fdalijiet tiegħu.

L-obbligu ta’ investigazzjoni

  • Kull aċċident jew inċident serju li għalih japplika r-Regolament (UE) 2018/1139 (ara s-sommarju) għandu jkun suġġett għal investigazzjoni ta’ sikurezza fl-Istat Membru li fih l-aċċident jew inċident serju seħħ.
  • Meta inġenju tal-ajru li għalih japplika r-Regolament (UE) 2018/1139 u li huwa rreġistrat fi Stat Membru jkun involut f’aċċident jew inċident serju li l-post tiegħu ma jistax ikun stabbilit b’mod definit bħala fit-territorju ta’ xi stat, titwettaq investigazzjoni mill-awtorità tal-investigazzjoni għas-sikurezza tal-Istat Membru tar-reġistrazzjoni.
  • L-SIAs jistgħu jiddeċiedu li jinvestigaw inċidenti għajr dawk deskritti fil-paragrafi ta’ hawn fuq, kif ukoll aċċidenti jew inċidenti serji għal tipi oħrajn ta’ inġenji tal-ajru, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri, meta jkunu qed jistennew li jisiltu tagħlim dwar is-sikurezza minnhom.
  • Fejn ebda persuna ma tkun ferita fatalment jew serjament, l-SIA responsabbli tista’ tiddeċiedi, u tqis il-lezzjonijiet li se jinkisbu għat-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni, mhux biex tibda investigazzjoni tas-sikurezza fuq għadd regolat ta’ każijiet li huma inklużi fl-Artikolu 135 tar-Regolament (UE) 2018/1139 li jissostiwixxi l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 996/2010.
  • L-investigazzjonijiet tas-sikurezza fl-ebda każ m’għandhom jiddeterminaw it-tort jew responsabbiltà. Dawn iridu jkunu indipendenti, separati minn u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe proċediment ġudizzjarju jew amministrattiv biex jiddetermina t-tort jew ir-responsabbiltà.

Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ investigazzjoni tas-sikurezza

Ir-regolament jippermetti l-kooperazzjoni bejn l-SIAs kif ukoll il-possibbiltà tad-delegazzjoni tal-kompiti.

In-netwerk Ewropew tal-awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-SIAs tagħhom jistabbilixxu Netwerk Ewropew ta’ awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza fis-settur tal-avjazzjoni ċivili (Encasia) fosthom biex:

  • ikompli jtejjeb il-kwalità tal-investigazzjonijiet magħmula mill-SIAs u jsaħħaħ l-indipendenza tagħhom;
  • jinkoraġġixxi standards għoljin fil-metodi ta’ investigazzjoni u fit-taħrig ta’ investigaturi.

Investigazzjoni

  • Minkejja kwalunkwe investigazzjoni ġudizzjarja, l-investigatur responsabbli għandu l-awtorità li jieħu l-miżuri neċessarji biex jissodisfa r-rekwiżiti tal-investigazzjoni tas-sikurezza. Fost affarijiet oħrajn, l-investigatur huwa intitolat sabiex:
    • ikollu aċċess immedjat, mhux ristrett u mingħajr xkiel għas-sit tal-aċċident jew tal-inċident kif ukoll għall-inġenju tal-ajru, il-kontenut jew il-fdalijiet tiegħu;
    • jirrikjedi li jinġabru l-evidenza u t-tifrik jew komponenti jitneħħew għall-analiżi;
    • jitlob li jsiru awtopsji u l-eżami mediku tal-persuni involuti fl-operat tal-inġenju tal-ajru;
    • isejjaħ lix-xhieda u jitlobhom jagħtu evidenza.
  • L-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun seħħ aċċident jew inċident serju huwa responabbli biex jiżgura t-trattament sigur u l-protezzjoni tal-evidenza kollha.

Il-koordinazzjoni ma’ awtoritajiet oħrajn

  • L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-SIAz u awtoritajiet oħra (eż. ġudizzjarji, tal-avjazzjoni ċivili, tat-tiftix u salvataġġ involuti fl-investigazzjoni tas-sikurezza) jikkooperaw ma’ xulxin permezz ta’ arranġamenti avvanzati, sakemm dawk l-arranġamenti ma jikkompromettux l-indipendenza tal-SIAs.
  • L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw dawn l-arranġamenti lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li teħtieġ tibgħathom lill-President tal-Encasia, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Kunfidenzjalità u l-użu xieraq tal-informazzjoni

  • Ir-regolament jistabbilixxi lista ta’ rekords li ma jistgħux isiru disponibbli jew jintużaw għal skopijiet ħlief għall-investigazzjoni tas-sikurezza (eż. ir-reġistrazzjonijiet tar-reġistru tad-data tat-titjira, l-abbozz ta’ rapporti, l-identità tal-persuni li jkunu taw l-evidenza, noti tal-investigaturi).
  • Ir-regoli fir-regolament dwar l-użu kunfidenzjali tal-informazzjoni, inkluża informazzjoni, bħal numri tas-serje u tar-reġistrazzjoni, li tidentifika l-inġenju tal-ajru suġġett għar-rapport tal-okkorrenza direttament, huma emendati bir-Regolament (UE) Nru 376/2014. Ir-regolament jirrikonoxxi wkoll li l-amministrazzjoni tal-ġustizzja jew l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi dwar l-iżvelar tar-rekords skont id-dritt nazzjonali. Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jiddeċiedu li jillimitaw il-każijiet li fihom tista’ tittieħed tali deċiżjoni ta’ żvelar, filwaqt li josservaw l-atti legali tal-UE.

Assistenza għall-vittmi u l-qraba

  • L-Istati Membri għandhom kollha kemm huma jistabbilixxu pjan ta’ emerġenza ta’ aċċidenti ta’ avjazzjoni ċivili nazzjonali b’dispożizzjonijiet għall-assistenza lill-vittmi ta’ aċċidenti u l-qraba tagħhom, Huma jridu jiżguraw ukoll li l-linji tal-ajru għandhom il-pjan tagħhom stess sabiex jgħinu lill-vittmi u l-qraba tagħhom, filwaqt li jqisu b’mod partikolari l-appoġġ psikoloġiku.
  • L-Istati Membri għandhom iħeġġu lil-linji tal-ajru mhux tal-UE li joperaw fi ħdan l-UE sabiex jadottaw pjan simili.
  • Kull Stat Membru involut f’aċċident irid jaħtar persuna bħala punt ta’ kuntatt u ta’ informazzjoni għall-vittmi u l-qraba.
  • Il-linji tal-ajru jridu joffru lill-vjaġġaturi l-opportunità li jipprovdu d-dettalji ta’ kuntatt ta’ persuna li għandha tiġi kkuntattata fil-każ ta’ aċċident. L-isem ta’ persuna abbord irid isir pubbliku qabel ma jiġu infurmati l-qraba ta’ dik il-persuna.

Rapport u rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza

  • Waqt l-investigazzjoni, l-awtorità tas-sigurtà se tirrakkomanda kwalunkwe azzjoni fil-pront li tikkunsidra meħtieġa għat-titjib tas-sigurtà fl-avjazzjoni lil:
    • persuni responsabbli għall-inġenji tal-ajru jew il-manifattura ta’ inġenji tal-ajru;
    • persuni responsabbli għall-inġenji tal-ajru jew il-manutenzjoni ta’ inġenji tal-ajru;
    • operaturi ta’ inġenji tal-ajru; u
    • persuni responsabbli għat-taħriġ tal-persunal.
  • L-investigazzjoni tikkonkludi b’rapport li jkun fih rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza wara konsultazzjonijiet finali mal-awtoritajiet ikkonċernati, inkluża l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni.. Ir-rapport finali huwa ppubblikat fl-iqsar żmien possibbli, jekk possibbli fi żmien 12-il xahar mid-data tal-aċċident jew l-inċident. L-awtorità ser tirreġistra wkoll it-tweġibiet għar-rakkomandazzjonijiet tagħha.
  • Kull parti li tirċievi rakkomandazzjoni dwar is-sikurezza, inkluż l-awtoritajiet tas-sikurezza fil-livell nazzjonali u tal-UE, trid ukoll twettaq monitoraġġ tal-progress tal-azzjoni meħuda bħala tweġiba għar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza rċevuti.
  • Hemm interess leġittimu li l-pubbliku jingħata aċċess għal kull rakkomandazzjoni tas-sigurtà u t-tweġibiet tagħhom minħabba l-għan ġenerali tar-Regolament (UE) Nru 996/2010 u r-Regolament (UE) Nru 376/2014 biex inaqqas l-għadd ta’ aċċidenti u jippromwovi d-disseminazzjoni tas-sejbiet ta’ inċidenti relatati mas-sigurtà. Bħala tali, id-Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1128 tirregola d-drittijiet ta’ aċċess għar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza u għat-tweġibiet maħżuna fir-repożitorju ċentrali Ewropew.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mit-2 ta’ Diċembru 2010.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Aċċidenti. Avveniment assoċjat mal-operat ta’ inġenju tal-ajru fejn kull persuna li ssofri mewt jew feriti serji, l-inġenju tal-ajru ssirlu ħsara sostanzjali, jew l-inġenju tal-ajru huwa mitluf jew kompletament inaċċessibbli. F’każ ta’ inġenju tal-ajru bl-ekwipaġġ, l-avveniment iseħħ bejn il-ħin li kwalunke persuna titla’ fuq l-inġenju tal-ajru bl-intenzjoni li tivvjaġġa u tali persuni jkunu żbarkaw. F’każ ta’ inġenju tal-ajru mingħajr ekwipaġġ, l-avveniment iseħħ bejn il-ħin li l-inġenju tal-ajru jkun lest biex jiċċaqlaq bil-għan li jtir sa tali ħin li jieqaf fi tmiem il-vjaġġ u s-sistema primarja ta’ propulsjoni tintefa’.
Inċident. Okkorrenza, minbarra aċċident, assoċjata mal-operat ta’ inġenju tal-ajru u li taffettwa jew li tista’ taffettwa s-sikurezza tal-operat.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar id-Direttiva 94/56/KE (ĠU L 295, 12.11.2010, pp. 35–50)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 996/2010 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta’ okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u (KE) Nru 1330/2007 (ĠU L 122, 24.4.2014, pp. 18–43)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 18.10.2021

Top