EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ir-responsabbiltà tal-proprjetarji tal-vapuri f’każ ta’ aċċidenti

Il-passiġġieri involuti f’aċċidenti marittimi għandhom jingħataw livell adegwat ta’ kumpens għal kwalunkwe telf jew ħsara li jġarrbu. Bil-għan li jiżguraw dan, il-proprjetarji tal-vapuri għandu jkollhom fis-seħħ arranġamenti ta’ assigurazzjoni xierqa.

ATT

Ir-Regolament (KE) Nru 392/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar ir-responsabbiltà ta’ trasportaturi ta’ passiġġieri bil-baħar fil-każ ta’ aċċidenti

SOMMARJU

Il-passiġġieri involuti f’aċċidenti marittimi għandhom jingħataw livell adegwat ta’ kumpens għal kwalunkwe telf jew ħsara li jġarrbu. Bil-għan li jiżguraw dan, il-proprjetarji tal-vapuri għandu jkollhom fis-seħħ arranġamenti ta’ assigurazzjoni xierqa.

X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Huwa jistipula regoli armonizzati dwar ir-responsabbiltà u l-assigurazzjoni għall-kumpaniji tat-tbaħħir li jġorru passiġġieri bil-baħar. Huwa jintroduċi fil-liġi Ewropea d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Ateni tal-1974 dwar il-ġarr bil-baħar ta’ passiġġieri u l-bagalji tagħhom u linji gwida mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.

PUNTI EWLENIN

  • Il-leġiżlazzjoni tapplika għall-vapuri kollha li jtajru bandiera ta’ pajjiż tal-UE, li jivvjaġġaw lejn jew minn port Ewropew, jew taħt kuntratt ta’ trasport Ewropew (jiġifieri kuntratt bejn it-trasportatur u l-passiġġieri tiegħu li jiddefinixxi d-drittijiet, id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet).
  • Bħalissa, il-leġiżlazzjoni tapplika kemm għall-vjaġġi domestiċi kif ukoll għal dawk internazzjonali, iżda hija ma tapplikax għall-vjaġġi domestiċi li matulhom il-vapur ikun f’distanza ta’ inqas minn 5 mili ’l barra mill-kosta.
  • Ir-responsabbiltà tal-operaturi tkopri l-passiġġieri, il-bagalji u l-vetturi tagħhom, kif ukoll it-tagħmir tal-mobbiltà għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa.
  • Għal kwalunkwe korriment jew dannu kkawżat minn inċident relatat mat-tbaħħir (jiġifieri nawfraġju, qlib ta’ vapur, kolliżjoni jew inkaljar, nirien jew splużjoni, jew difett ieħor fil-vapur), il-vittmi ma għandhomx bżonn jagħtu prova ta’ ħtija min-naħa tat-trasportatur sabiex jiġu kkumpensati.
  • L-operaturi tal-vapuri għandhom jagħmlu ħlas bil-quddiem sabiex ikopru l-ħtiġijiet ekonomiċi immedjati ta’ passiġġier li jinqatel jew jisfa korrut f’inċident relatat mat-tbaħħir. Dan il-ħlas ma jimplikax li l-kumpanija tat-tbaħħir tkun qiegħda tirrikonoxxi r-responsabbiltà.
  • Il-ħlas minimu bil-quddiem għall-mewt ta’ passiġġier huwa ta’ €21,000.
  • Il-kumpaniji tat-tbaħħir għandhom jipprovdu lill-passiġġieri b’informazzjoni li tinftiehem dwar id-drittijiet tagħhom.
  • Din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli f’kull punt tal-bejgħ, inkluż bit-telefon u bl-internet, u tiġi pprovduta qabel jew, l-aktar tard, mat-tluq.
  • Sa mhux aktar tard minn 3 snin wara d-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni (il-31 ta’ Diċembru 2012), il-Kummissjoni Ewropea għandha tipproduċi rapport dwar kif din qiegħda tiġi applikata.
  • Il-gvernijiet tal-UE jistgħu jipposponu l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni għall-vapuri involuti fi vjaġġi purament domestiċi koperti mir-Regolament. Għall-bastimenti li jivvjaġġaw distanza ta’ inqas minn 20 mil mill-kosta, id-data ta’ skadenza hija mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2018. Għall-bastimenti l-oħrajn kollha, id-data ta’ skadenza hija l-31 ta’ Diċembru 2016.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Mid-29 ta’ Mejju 2009.

Għal aktar tagħrif, ara Id-drittijiet tal-passiġġieri fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Ir-Regolament (KE) Nru 392/2009

29.5.2009

-

ĠU L 131, 28.5.2009, p. 24-46

l-aħħar aġġornament 30.09.2015

Top