EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Insaħħu l-protezzjoni tad-dejta personali

L-għan ewlieni hawnhekk huwa li tiġi modernizzata l-leġiżlazzjoni preżenti tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta billi tiġi addattata għall-isfidi tal-globalizzazzjoni u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda (eż., il-midja soċjali) filwaqt li nipproteġu aħjar id-drittijiet tal-individwi.

ATT

Proposta għal Reglament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali u l-moviment liberu ta’ tali dejta (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta) (COM(2012)11 finali - Mhux ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

SOMMARJU

Il-Kummissjoni Ewropea għamlet proposti legali sabiex issaħħaħ il-protezzjoni tad-dejta personali madwar l-UE. L-għan huwa li liġi ġenerali preżenti (Direttiva 95/46/KE) dwar il-protezzjoni tad-dejta tiġi sostitwita b’liġi ġenerali ġdida u li liġi oħra (Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI) tiġi sostitwita b’liġi ġdida li tistabbilixxi regoli ta’ protezzjoni tad-dejta fejn id-dejta tintuża biex issolvi l-kriminalità.

Id-dejta personali tinkludi l-informazzjoni kollha relatata ma’ persuna identifikata jew li tista’ tiġi identifikata, jew b’mod dirett jew b’mod indirett.

Il-proposti ta’ riforma għall-protezzjoni tad-dejta tal-UE jikkonsistu f’żewġ liġijiet ewlenin. Liġi proposta (Regolament) għandha l-għan li ssaħħaħ il-protezzjoni tad-dejta personali tal-individwi u tgħolli l-livell ta’ fiduċja tagħhom fl-ambjent diġitali.

Il-liġi l-oħra proposta (Direttiva) għandha l-għan li żżid il-livell ta’ protezzjoni tad-dejta personali tal-individwi meta tintuża kontra l-kriminalità. Il-liġi għandha l-għan ukoll li ssaħħaħ il-fiduċja fost l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi sabiex ikunu jistgħu jaqsmu dejta personali kontra l-kriminalità.

EŻEMPJI TA’ ELEMENTI PRINĊIPALI TAR-REGOLAMENT

Dritt li jkollok id-dejta personali tiegħek imħassra, li tmexxiha u li tifhem kif tkun qed tintuża

Ir-regolament sejjer itejjeb l-abilità tal-individwi li jikkontrollaw id-dejta personali tagħhom billi fost affarijiet oħrajn

  • jagħti lil dawk li jużaw l-internet id-dritt li jkollhom id-dejta tagħhom imħassra eż. jekk jirtiraw il-kunsens tagħhom u jekk ma jkunx hemm raġunijiet oħrajn leġittimi għala tinżamm id-dejta (id-dritt li tintnesa);
  • il-libertà li jċaqalqu d-dejta tagħhom minn fornitur ta’ servizz għall-ieħor mingħajr intoppi;
  • rinfurzar tad-dritt għall-informazzjoni sabiex l-individwi jifhmu aħjar kif id-dejta personali tagħhom tkun qiegħda tintuża, b’mod partikolari meta jiġu pproċessati attivitajiet dwar tfal.

Għajnuna lill-individwi jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom

Ir-Regolament sejjer jagħmilha aktar faċli għall-individwi sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom billi

  • jgħin lill-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-dejta sabiex ikunu attrezzati kif jixraq sabiex jiffaċjaw b’mod effettiv ilmenti, bil-poteri li jwettqu investigazzjonijiet effettivi, jieħdu deċiżjonijiet vinkolattivi u jimponu sanzjonijiet effettivi u dissważivi;
  • Jagħmluha aktar faċli għall-individwi li jieħdu azzjoni (eż. azzjoni legali permezz tal-qorti) meta jinkisru d-drittijiet tal-protezzjoni tad-dejta.

Jitnaqqas ir-riskju ta’ ksur tas-sigurtà tad-dejta

Ir-Regolament sejjer isaħħaħ is-sigurtà tad-dejta billi:

  • jinkoraġġixxi l-użu tat-teknoloġiji li jipproteġu l-privatezza tal-informazzjoni billi jimminimizzaw il-ħażna ta’ dejta personali;
  • l-introduzzjoni ta’ obbligu ġenerali għall-kontrolluri tad-dejta (dawk l-organizzazzjonijiet privati jew fis-settur pubbliku li jipproċessaw id-dejta tal-individwi) li jinnotifikaw ksur tad-dejta mingħajr dewmien bla bżonn (fi żmien 24 siegħa fejn possibbli) kemm lill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta kif ukoll lill-individwi kkonċernati.

Sejjer ukoll jobbliga lill-kontrolluri tad-dejta li jinnominaw Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Dejta f’kumpaniji ta’ aktar minn 250 impjegat u f’kumpaniji li huma involuti fl-ipproċessar ta’ dejta fejn hemm riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi. Dawn l-organizzazzjonijiet se jkollhom ukoll iwettqu Assessjar tal-Impatt tal-Protezzjoni tad-Dejta.

ATTI RELATATI

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali minn awtoritajiet kompetenti għall-għanijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, kxif jew prosekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u l-moviment liberu ta’ tali dejta. (COM(2012)10 finali - Mhux ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni għall-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: Salvagwardja tal-Privatezza f’Dinja Konnessa - Qafas Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta għas-Seklu 21. (COM(2012)9 finali - Mhux ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni għall-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Ħarsa komprensiva lejn il-protezzjoni tad-dejta fl-Unjoni Ewropea (COM(2010) 609 finali - Mhux ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

L-aħħar aġġornament: 17.03.2014

Top