EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ipproċessar tal-ikel mingħajr periklu: standards komuni għas-solventi tal-estrazzjoni

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2009/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward is-solventi tal-estrazzjoni użati fil-produzzjoni tal-oġġetti tal-ikel u l-ingredjenti tal-ikel (Tfassil mill-ġdid) (ĠU L 141 tas-6.6.2009, p. 3–11). Link għal verżjoni kkonsolidata.

SOMMARJU

L-estrazzjoni tas-solventi hija mod ta’ kif sustanza tiġi sseparata minn sustanza oħra jew sustanzi oħrajn permezz tal-applikazzjoni ta’ solvent*. Din tintuża fl-industrija tal-ikel u għandha tiġi rregolata bil-għan li jiġi żgurat li s-saħħa tal-bniedem tkun imħarsa u l-prodotti li jirriżultaw mit-teknika jkunu jistgħu jinbiegħu liberament madwar l-Unjoni Ewropea (UE).

X’TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Hija tissostitwixxi l-leġiżlazzjoni preċedenti u tistabbilixxi lista waħda tas-solventi tal-estrazzjoni* li jistgħu jintużaw fl-ipproċessar tal-ikel, tal-ingredjenti tal-ikel u tal-materja prima skont prattika ta’ manifattura tajba.

PUNTI EWLENIN

Is-solventi tal-estrazzjoni permessi huma:

propan,

butan,

ethyl acetate,

etanol,

dijossidu tal-karbonju,

aċetun u

nitrous oxide.

Il-pajjiżi tal-UE ma jistgħux jipprojbixxu, jirrestrinġu jew ifixklu l-bejgħ ta’ ikel jew ingredjenti jekk dawn is-solventi jkunu ntużaw b’konformità mal-leġiżlazzjoni.

Il-pajjiżi tal-UE ma jistgħux jawtorizzaw l-użu ta’ sustanzi jew materjali oħrajn bħala solventi tal-estrazzjoni.

L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jissospendu jew jirrestrinġu temporanjament l-użu ta’ solvent tal-estrazzjoni permess jekk ikollhom bażi dettaljata li l-użu tiegħu fl-ikel jista’ jipperikola s-saħħa tal-bniedem.

Huma għandhom jinformaw minnufih lill-pajjiżi l-oħrajn tal-UE u lill-Kummissjoni Ewropea li jinvestigaw l-evidenza fornuta għad-deċiżjoni tagħhom.

Is-sustanzi użati bħala solventi tal-estrazzjoni għandhom jipprovdu ċerti dettalji viżibbli, li jinqraw u li ma jitħassrux fuq l-imballaġġ, il-kontenituri jew it-tikketti tagħhom. Dawn jinkludu:

l-isem kummerċjali,

indikazzjoni ċara tal-adegwatezza għall-estrazzjoni ta’ ikel jew ingredjenti tal-ikel u

kwalunkwe kundizzjonijiet ta’ ħażna speċjali.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Mis-26 ta' Ġunju 2009.

TERMINI EWLENIN

* Solvent: kwalunkwe sustanza li tħoll oġġett tal-ikel.

* Solvent tal-estrazzjoni: sustanza li tintuża matul l-ipproċessar tal-ikel u li mbagħad titneħħa. Din tista’ tħalli residwi jew derivattivi mhux intenzjonati, iżda teknikament inevitabbli, fl-ikel.

l-aħħar aġġornament 26.10.2015

Top