EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Kooperazzjoni xjentifika u teknologika bejn l-UE u l-Eġittu

 

SOMMARJU TA’:

Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknologika bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu

Deċiżjoni 2008/180/KE dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu

X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U TAD-DEĊIŻJONI?

Il-ftehim jistabbilixxi qafas formali għall-kooperazzjoni, bl-għan li jħeġġeġ, jiżviluppa u jiffaċilita l-attivitajiet fl-oqsma tax-xjenza u tat-teknoloġija.

Bid-deċiżjoni tiegħu, il-Kunsill approva l-konklużjoni tal-ftehim f’isem il-Komunità Ewropea (issa l-UE).

PUNTI EWLENIN

L-attivitajiet imwettqa skont il-ftehim huma bbażati fuq sett ta’ prinċipji:

  • il-promozzjoni ta’ soċjetà bbażata fuq l-għarfien biex jitrawwem l-iżvilupp soċjali u ekonomiku taż-żewġ partijiet;
  • benefiċċji reċiproki bbażati fuq bilanċ globali tal-vantaġġi;
  • aċċess reċiproku għall-attivitajiet ta’ programmi u proġetti ta’ riċerka mwettqa minn kull parti;
  • skambju f’waqtu ta’ informazzjoni;
  • protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

Kooperazzjoni

  • Entitajiet ġuridiki* Eġizzjani tista’ tieħu sehem f’attivitajiet kooperattivi indiretti tal-programmi qafas tal-UE għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku u f’attivitajiet ta’ dimostrazzjoni skont l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għal entitajiet ġuridiki ta’ pajjiżi tal-UE, soġġett għat-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Annessi I u II tal-ftehim.
  • L-entitajiet ġuridiċi stabbiliti f’pajjiż tal-UE jistgħu jieħdu sehem fi programmi u proġetti ta’ riċerka Eġizzjani li jkopru oqsma simili għal dawk tal-programm qafas skont l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għall-entitajiet legali tal-Eġittu soġġetti għat-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Annessi I u II tal-ftehim.

L-attivitajiet kooperattivi jistgħu jinkludu dawn li ġejjin:

  • diskussjonijiet regolari dwar il-linji gwida u l-prijoritajiet għall-politiki ta’ riċerka u ppjanar fl-Eġittu u l-UE;
  • diskussjonijiet dwar prospetti ta’ kooperazzjoni u żviluppi;
  • għoti f’waqtu ta’ informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ programmi u ta’ proġetti ta’ riċerka rispettivi;
  • laqgħat konġunti;
  • żjarat u skambji ta’ riċerkaturi, ta’ inġiniera u ta’ tekniċi, inkluż għal skopijiet ta’ taħriġ;
  • skambji u kondiviżjoni ta’ tagħmir u materjal;
  • kuntatti regolari u sostnuti bejn diretturi ta’ programmi jew ta’ proġetti tal-partijiet;
  • parteċipazzjoni ta’ esperti f’seminars, f’konferenzi (“simpożji”) u f’sessjonijiet ta’ ħidma;
  • skambji ta’ informazzjoni dwar prattiki, liġijiet, regolamenti u programmi rilevanti għall-kooperazzjoni skont dan il-ftehim;
  • taħriġ fl-iżvilupp tar-riċerka u tat-teknoloġija;
  • aċċess reċiproku għall-informazzjoni xjentifika u teknoloġika fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-kooperazzjoni;
  • kwalunkwe modalità oħra adottata mill-Kumitat Konġunt ta’ Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika stabbilit skont dan il-ftehim.

DATA TA’ DĦUL FIS-SEĦĦ

Il-ftehim daħal fis-seħħ fis-27 ta’ Frar 2008 għal perjodu indefinit (applikat proviżorjament mal-iffirmar tiegħu: 21 ta’ Ġunju 2005). Dan jista’ jintemm fi kwalunkwe ħin minn kwalunkwe parti fi żmien tnax-il xahar ta’ avviż bil-miktub.

SFOND

L-Eġittu huwa wieħed mill-pajjiżi kopert mill-Politika tal-Viċinat tal-UE.

Fl-2004, il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, min-naħa l-oħra, daħal fis-seħħ.

Għal aktar informazzjoni, ara:

Għal aktar informazzjoni dwar il-kooperazzjoni ta’ riċerka u innovazzjoni (R & I) mal-Eġittu, ara:

TERMINI EWLENIN

Entitajiet ġuridiki: Kwalunkwe persuna fiżika jew kwalunkwe persuna ġuridika maħluqa skont il-liġi nazzjonali tal-post tal-istabbiliment tagħha jew skont liġi Komunitarja jew liġi internazzjonali li jkollha personalità ġuridika jew li hija intitolata li jkollha drittijiet u obbligi ta’ kwalunkwe tip f’isimha.

DOKUMENTI EWLENIN

Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknologika bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu (ĠU L 182, 13.7.2005, pp. 12-19)

Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/180/KE tal-25 ta’ Frar 2008 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu (ĠU L 59, 4.3.2008, pp. 12-13)

l-aħħar aġġornament 25.10.2019

Top