EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Kollegament bejn l-għajnuna, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp (LRRD)

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2001) 153 final: l-approċċ tal-Kollegament bejn l-Għajnuna, ir-Riabilitazzjoni u l-Iżvilupp

SOMMARJU

X’TAGĦMEL DIN IL-KOMUNIKAZZJONI?

L-operazzjonijiet ta’ għajnuna ta’ emerġenza jindirizzaw bżonnijiet immedjati, iżda dejjem għandhom isibu modi kif jagħtu spinta lir-reżiljenza għal kriżijiet futuri billi jipprovdu benefiċċji ta’ żvilupp fit-tul u jsaħħu l-ġestjoni tar-riskju. Dan l-approċċ jissejjaħ Kollegament bejn l-Għajnuna, ir-Riabilitazzjoni u l-Iżvilupp (LRRD).

Waqt li tiddiskuti l-isfidi li għandhom jiġu indirizzati mill-komunità internazzjonali f’sitwazzjonijiet ta’ wara l-kriżi, il-Kummissjoni tidentifika miżuri sabiex jittejjeb il-kontribut tal-UE, u għandha l-għan li tikkollega l-għajnuna immedjata mal-politiki ta’ żvilupp fit-tul b’mod effettiv.

PUNTI EWLENIN

Il-Komunikazzjoni tirreferi għal tliet kategoriji ta’ kriżi.

  • Diżastri naturali, bħal karestija, għargħar u terremoti. L-għajnuna immedjata hija neċessarja, iżda l-istat ta’ tħejjija għad-diżastri, bħal sistemi ta’ twissija bikrija għall-karestija u ż-żrigħ sabiex jiġi evitat l-għargħar jirrappreżentaw sfida aktar diffiċli.
  • Kunflitti vjolenti. Dawn jistgħu jkunu ta’ sfida partikolari minħabba interessi kunfliġġenti bejn il-partijiet, jew insabbiltà fit-tul. L-UE jeħtieġ li taħdem f’kuntest wiesa’, peress li l-għajnuna ġġib magħha r-riskju ta’ konsegwenzi negattivi bħall-korruzzjoni jew twassal sabiex il-kunflitt jieħu aktar fit-tul.
  • Kriżijiet strutturali u tipi oħrajn ta’ kriżi. Dawn jinkludu pajjiżi li qed iġarrbu kundizzjonijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali li sejrin għall-agħar, bħall-Ukrajna, il-Moldova u l-Bjelorussja, fejn l-għajnuna jista’ jkollha effett ta’ distorsjoni billi toħloq id-dipendenza jew iżżid il-kunflitti. L-għajnuna għall-iżvilupp tista’ tgħin billi ttejjeb l-istrutturi istituzzjonali u telimina l-ostakoli għall-produzzjoni u l-kummerċ.

Sabiex ikun hemm rispons effettiv għal sitwazzjonijiet ta’ wara l-kriżi, huwa propost l-approċċ segwenti:

  • Il-Kummissjoni Ewropea għandha tadotta rwol ta’ koordinazzjoni u ta’ kollaborazzjoni minn kmieni, u b’hekk issaħħaħ ir-rabta bejn l-għajnuna umanitarja u l-iżvilupp.
  • F’pajjiżi suġġetti għal diżastri naturali, għandha tingħata aktar attenzjoni lill-istat ta’ tħejjija għad-diżastri u l-prevenzjoni kemm fl-istrateġiji ta’ għajnuna umanitarja kif ukoll f’dawk għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp.
  • L-istrateġiji ta’ rkupru u riabilitazzjoni ta’ wara l-kriżi jew mid-diżastri għandhom jippruvaw jindirizzaw il-kawżi tal-vulnerabbiltà, u jinkorporaw it-tnaqqis tar-riskji ta’ diżastri u l-istat ta’ tħejjija — approċċ kultat magħruf bħala “erġa’ ibni aħjar”.
  • F’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt, ir-rabta bejn l-għajnuna u l-iżvilupp trid titqies f’kuntest ekonomiku, soċjali u politiku usa’.
  • L-għajnuna ta’ emerġenza trid tkun konsistenti ma’ għanijiet ta’ żvilupp fit-tul.
  • Għandu jittieħed kont ta’ sħubijiet fit-tul bħall-Ftehim ta’ Cotonou bejn pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-UE.
  • L-inizjattivi internazzjonali jridu jkunu koordinati aħjar, inkluż permezz tat-tisħiħ tal-approċċ “Ħbieb ta’”.
  • Il-Kummissjoni għandha tnaqqas id-dewmien u timmobilizza riżorsi xierqa malajr, filwaqt li tiżgura l-involviment ta' sħab xierqa, proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet aktar effiċjenti fi ħdan l-UE, u taċċetta livell ogħla ta’ riskju tekniku.
  • Il-programmi ta’ ħidma għandhom jitfasslu b’rispons għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi, ikopru l-azzjonijiet u l-miżuri meħtieġa, u jeliminaw il-ħtieġa għall-approvazzjoni individwali tal-proġetti.
  • Il-proċeduri tal-offerti u l-kuntratti għandhom ikunu aktar flessibbli b’rabta mar-riabilitazzjoni, l-għajnuna għar-refuġjati, l-għajnuna alimentari u s-sikurezza alimentari, u l-mini tal-art.
  • Ir-regolamenti l-ġodda jistgħu jkunu organizzati aħjar biex ikopru r-riabilitazzjoni, l-għajnuna lir-refuġjati u kwistjonijiet ta’ mini tal-art.
  • Għandha ssir diskussjoni estensiva dwar l-ideat imressqa bl-għan li tkompli tissaħħaħ il-kapaċità tal-UE li tinfluwenza r-riżultati b’mod pożittiv.

Parti mid-diskussjoni f’din il-komunikazzjoni tkompliet u ġiet żviluppata aktar fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2012 dwar l-Approċċ tal-UE għar-Reżiljenza: Nitgħallmu mill-kriżijiet tas-sigurtà tal-ikel.

SFOND

Ir-reżiljenza u l-Kollegament bejn l-Għajnuna, ir-Riabilitazzjoni u l-Iżvilupp

TERMINI EWLENIN

*L-approċċ “Ħbieb ta’”: starteġija tan-Nazzjonijiet Uniti mmirata lejn l-involviment tal-akbar numru possibbli ta’ donaturi internazzjonali li jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom f’pajjiż partikolari.

ATT

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew — Il-Kollegament bejn l-Għajnuna, ir-Riabilitazzjoni u l-Iżvilupp — Valutazzjoni (COM(2001) 153 final tat-23.4.2001)

ATTI RELATATI

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: L-Approċċ tal-UE għar-Reżiljenza: Nitgħallmu mill-kriżijiet tas-sigurtà tal-ikel (COM(2012) 586 final tat-3.10.2012)

l-aħħar aġġornament 26.11.2015

Top