EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Netwerk Ewropew ta’ punti ta’ kuntatt kontra l-korruzzjoni (EACN)

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Id-Deċiżjoni 2008/852/ĠAI dwar netwerk ta’ punti ta’ kuntatt kontra l-korruzzjoni

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?

Din tistabbilixxi netwerk ta’ punti ta’ kuntatt kontra l-korruzzjoni mal-Unjoni Ewropea (UE) kollha, billi tibni fuq il-kollaborazzjoni eżistenti fi ħdan l-Imsieħba Ewropej kontra l-Korruzzjoni (EPAC).

PUNTI EWLENIN

  • Din id-deċiżjoni tistabbilixxi netwerk ta’ punti ta’ kuntatt fil-pajjiżi tal-UE responsabbli għall-prevenzjoni jew il-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Hija għandha l-għan li ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn dawn l-awtoritajiet sabiex tintensifika l-azzjoni kontra l-korruzzjoni fil-livell tal-UE.
  • In-netwerk huwa magħmul mill-awtoritajiet u l-aġenziji rilevanti fil-pajjiżi tal-UE. Kull pajjiż jaħtar organizzazzjoni waħda sa tlieta bħala l-membri tiegħu. L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) ukoll huwa membru. Il-Kummissjoni Ewropea ukoll tipparteċipa fl-attivitajiet tan-netwerk u taħtar ir-rappreżentanti tagħha stess. B’mod simili, il-Europol u l-Eurojust jistgħu jieħdu sehem fin-netwerk. Lista aġġornata ta’ punti ta’ kuntatt hija disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-EPAC-EACN.
  • Il-kompiti tan-netwerk huma li:
    • jistabbilixxi forum għall-iskambju tal-aħjar prattiki u esperjenzi li jikkonċernaw il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;
    • jiffaċilita u jżomm il-komunikazzjoni bejn il-membri tiegħu.
  • Barra minn hekk, in-netwerk jiltaqa’ mill-inqas darba fis-sena sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu.
  • L-istabbiliment tan-netwerk ma jaffettwax ir-regoli li jirregolaw il-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja bejn il-pajjiżi tal-UE u lanqas ir-rwol tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija.
  • Il-kollaborazzjoni informali li qed issir bejn l-Imsieħba Ewropej Kontra l-Korruzzjoni (EPAC) hija l-bażi għall-organizzazzjoni tan-netwerk. Kull pajjiż tal-UE, il-Kummissjoni, il-Europol u l-Eurojust għandhom iġarrbu l-ispejjeż proprji tagħhom relatati man-netwerk.

SFOND

Fil-konferenza tal-AGIS ta’ Novembru 2004 dwar it-titjib tal-kooperazzjoni operattiva fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-UE, l-EPAC appoġġaw l-istabbiliment ta’ netwerk kontra l-korruzzjoni mal-UE kollha. Din l-inizjattiva ġiet approvata wkoll fil-laqgħa annwali tagħhom f’Novembru 2006.

DOKUMENT EWLIENI

Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/852/ĠAI tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar netwerk ta’ punti ta’ kuntatt kontra l-korruzzjoni (ĠU L 301, 12.11.2008, p. 38-39)

l-aħħar aġġornament 01.12.2016

Top