EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-moviment ħieles tal-isportivi fl-UE

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

L-Artikolu 165 — tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

X'INHU L-GĦAN TAL-ARTIKOLU TAT-TRATTAT?

Dan jikkonferma li l-Unjoni Ewropea (UE) tista' tieħu miżuri biex tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-isport Ewropew, filwaqt li tirrispetta n-natura speċifika, l-istrutturi volontarji u l-funzjonijiet soċjali u edukattivi tagħha. Dawk il-miżuri jappoġġjaw, jikkoordinaw u jissupplimentaw l-azzjoni nazzjonali.

PUNTI EWLENIN

  • L-Artikolu 165 jiddikjara li l-UE tista' tiżviluppa d-dimensjoni Ewropea tal-isport billi:
    • tippromwovi l-ġustizzja u t-trasparenza fil-kompetizzjonijiet sportivi u l-kooperazzjoni bejn il-korpi tal-isports;
    • tipproteġi l-integrità fiżika u morali tal-irġiel u n-nisa sportivi, b'mod partikolari ta' dawk l-iżgħar fosthom;
    • trawwem il-kooperazzjoni ma' pajjiżi mhux tal-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, b'mod partikolari l-Kunsill tal-Ewropa;
    • tadotta inċentivi u rakkomandazzjonijiet adegwati, mingħajr ma tarmonizza l-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali.
  • Il-moviment liberu tal-persuni huwa prinċipju fundamentali tal-UE. Fl-isport, dan jiżgura li, b'mod ġenerali, il-professjonisti u d-dilettanti jistgħu jiċċaqalqu b'mod liberu minn pajjiż għal ieħor.
  • Il-prinċipju jfisser li r-regoli li jinvolvu diskriminazzjoni diretta, bħal kwoti bbażati fuq in-nazzjonalità, mhumiex permessi fl-isport professjonali.
  • Fil-prattika, restrizzjonijiet limitati u proporzjonati, li huma diskriminatorji indirettament, jistgħu jitqiegħdu fil-moviment liberu, diment li dawn ikollhom objettiv leġittimu u huma proporzjonati. Dawn jirrikonoxxu n-natura speċifika tal-isport u jinkludu:
    • id-dritt li jagħżlu biss l-atleti u l-plejers nazzjonali biex jirrappreżentaw il-pajjiż tagħhom
    • il-ħtieġa li jillimtaw in-numru ta' parteċipanti f'kompetizzjoni;
    • l-użu tal-iskadenzi għat-trasferiment tal-plejers fl-isports b'timijiet;
    • ir-regoli ta' kumpens għar-reklutaġġ u t-taħriġ tal-plejers żgħażagħ.
  • Artikoli oħrajn tat-trattat li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni nazzjonali (l-Artikoli 18 u 45) u jiggarantixxu d-dritt għal għajxien f'pajjiż ieħor tal-UE (l-Artikolu 21) u l-libertà tal-istabbiliment u l-provvista tas-servizzi (l-Artikoli 49 u 56) japplikaw għal:
    • sportivi professjonisti jew semi-professjonali (bħal ħaddiema),
    • l-instructors, il-coaches u t-trejners (bħal fornituri tas-servizzi),
    • sportivi tad-dilettanti (bħala ċittadini tal-UE).

SFOND

  • Il-gvernijiet nazzjonali u l-korpi tal-isport regolatorji jistabbilixxu r-regoli dwar il-moviment tal-isportivi. Madankollu, l-UE hija involuta li tiżgura li dawn ma jwasslux għal diskriminazzjoni inġusta jew jaffettwaw d-drittijiet tal-individwi meta l-impjieg tagħhom ikun involut.
  • Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ċċarat dawn id-drittijiet f'diversi sentenzi. L-aktar waħda notevoli minn dawn kienet is-sentenza ta' Bosman fl-1995. Din kienet tikkonċerna r-regoli tat-trasferiment tal-futbol bħala ostakoli għall-moviment liberu u l-kwoti nazzjonali bħala forma ta' diskriminazzjoni diretta.

DOKUMENT EWLIENI

L-Artikolu 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 120-121)

l-aħħar aġġornament 12.09.2016

Top