EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Protokoll kontra t-traffikar tal-persuni

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Deċiżjoni 2006/618/KE dwar il-konklużjoni mill-UE tal-Protokoll Għall-Prevenzjoni, is-Soppressjoni u l-Punizzjoni tat-Traffikar ta' Persuni, Speċjalment ta' Nisa u Tfal, li jissupplementa l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali — fl-ambitu tal-Artikoli 179 u 181a tat-Trattat

Deċiżjoni 2006/619/KE dwar il-konklużjoni mill-UE tal-Protokoll Għall-Prevenzjoni, is-Soppressjoni u l-Punizzjoni tat-Traffikar ta' Persuni, Speċjalment ta' Nisa u Tfal, li jissupplementa l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali — fl-ambitu tal-Parti III, Titolu IV tat-Trattat

X’INHU L-GĦAN TA’ DAWN ID-DEĊIŻJONIJIET?

PUNTI EWLENIN

  • L-għanijiet tal-protokoll huma li:
    • jiġi evitat u miġġieled it-traffikar ta’ persuni*, speċjalment tan-nisa u t-tfal*, minn gruppi kriminali organizzati;
    • jiġu protetti u megħjuna l-vittmi ta’ sfruttament*;
    • tiġi promossa l-kooperazzjoni fost il-pajjiżi f’dan il-qasam.
  • Kull pajjiż firmatarju għandu jadotta l-liġijiet meħtieġa u miżuri oħrajn biex jistabbilixxi bħala reati kriminali l-atti definiti bħala traffikar ta’ persuni, inkluż li wieħed jaġixxi bħala kompliċi f’tali atti.
  • It-tilwim bejn il-firmatarji dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tal-protokoll għandu jiġi solvut permezz ta’ negozjar u, jekk dan ma jirnexxix, permezz ta’ arbitraġġ.
  • Meta tilwima tkun is-suġġett ta' arbitraġġ, jekk ma jkunx ġie miftiehem arranġament fi żmien sitt xhur, kwalunkwe waħda mill-partijiet tista’ tressaq it-tilwima quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja.

Il-prevenzjoni tat-traffikar tal-persuni

  • Il-pajjiżi firmatarji għandhom jadottaw miżuri biex jipprevjenu u jiġġieldu t-traffikar tal-persuni, b’kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rilevanti. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu kampanji ta’ informazzjoni u tal-midja u inizjattivi soċjali u ekonomiċi.
  • Huwa importanti wkoll li jiġu indirizzati l-fatturi li jagħmlu lin-nies vulnerabbli għat-traffikar, bħall-faqar, in-nuqqas ta’ żvilupp u n-nuqqas ta’ opportunitajiet indaqs, permezz tal-kooperazzjoni bilaterali u multilaterali.

Il-protezzjoni tal-vittmi

  • Il-pajjiżi firmatarji huma meħtieġa:
    • jipproteġu l-privatezza u l-identità tal-vittmi tat-traffikar;
    • jagħtuhom informazzjoni dwar il-proċeduri tal-qorti u dawk amministrattivi rilevanti;
    • jipprovdu għall-irkupru fiżiku, psikoloġiku u soċjali tagħhom, eż. akkomodazzjoni, kura xierqa, impjieg, opportunitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ;
    • jippermettu lill-vittmi tat-traffikar jibqgħu fit-territorju tagħhom, temporanjament jew b’mod permanenti, billi jikkunsidraw kif xieraq il-fatturi umanitarji u ta’ kompassjoni;
    • jgħinu lill-vittmi biex jirritornaw fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom jew biex imorru f’pajjiż ieħor, b’kunsiderazzjoni dovuta għas-sigurtà tagħhom.

L-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni

  • Is-servizzi rilevanti tal-pajjiżi firmatarji jaqblu li jiskambjaw informazzjoni dwar ċerti aspetti fosthom:
    • it-tipi ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar użati għall-fini tat-traffikar tal-persuni,
    • il-mezzi u l-metodi użati mill-gruppi kriminali organizzati għal dan il-għan.
  • Il-pajjiżi jimpenjaw ruħhom ukoll li jsaħħu l-kooperazzjoni bejn is-servizzi ta’ kontroll fuq il-fruntieri tagħhom.

META JAPPLIKAW ID-DEĊIŻJONIJIET?

Dawn japplikaw mill-24 ta’ Lulju 2006.

SFOND

Il-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-15 ta’ Novembru 2000, daħlet fis-seħħ fit-23 ta’ Settembru 2003.

Din hija ssupplimentata minn tliet protokolli:

* TERMINI EWLENIN

It-traffikar ta’ persuni: ir-reklutaġġ, it-trasport, it-trasferiment, il-kenn jew l-akkoljenza ta’ persuni permezz tat-theddid jew l-użu tal-forza jew forom oħra ta’ koerċizzjoni, ħtif, frodi, qerq, abbuż tal-poter jew pożizzjoni ta’ vulnerabbiltà jew permezz tal-għoti jew tar-riċeviment ta’ ħlasijiet jew benefiċċji biex jinkiseb il-kunsens ta’ persuna li jkollha kontroll fuq persuna oħra, għall-fini ta’ sfruttament.
Tfal: persuni taħt it-18-il sena.
Sfruttament: l-isfruttament tal-prostituzzjoni ta’ oħrajn jew forom oħrajn ta’ sfruttament sesswali, xogħol jew servizzi furzati, l-iskjavitù jew prattiki simili għall-iskjavitù, is-servitù jew it-teħid ta’ organi.

DOKUMENTI EWLENIN

Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/618/KE tal-24 ta’ Lulju 2006 dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll Għall-Prevenzjoni, Soppressjoni u Punizzjoni tat-Traffikar ta’ Persuni, Speċjalment ta’ Nisa u Tfal, li jissupplementa l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali li tikkonċerna d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll, safejn id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll jaqgħu fl-ambitu tal-Artikoli 179 u 181a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU L 262, 22.9.2006, pp. 44-50)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/619/KE tal-24 ta’ Lulju 2006 dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll Għall-Prevenzjoni, Soppressjoni u Punizzjoni tat-Traffikar ta’ Persuni, Speċjalment ta’ Nisa u Tfal, li jissupplementa l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali li tikkonċerna d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll, safejn id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll jaqgħu fl-ambitu tal-Parti III, Titolu IV tat-Trattatli jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU L 262, 22.9.2006, pp. 51-58)

l-aħħar aġġornament 13.12.2016

Top