Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem — L-appoġġ tal-UE

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem — L-appoġġ tal-UE

 

SOMMARJU TA’:

L-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

Linji gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem

X'INHU L-GĦAN TAL-ARTIKOLU 2 TAT-TRATTAT DWAR L-UNJONI EWROPEA U L-LINJI GWIDA DWAR ID-DIFENSURI TAD-DRITTIJIET TAL-BNIEDEM?

  • L-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-UE hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.
  • Il-linji gwida jistabbilixxu l-approċċ tal-UE għall-appoġġ u għall-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem* f'pajjiżi mhux tal-UE, bil-ħsieb li jkunu jistgħu jaħdmu b'mod liberu.
  • F'termini operazzjonali, dawn il-linji gwida japplikaw fil-kuntest tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK).

PUNTI EWLENIN

Dawn li ġejjin huma l-aktar aspetti importanti tal-linji gwida:

  • Id-Diplomatiċi fil-missjonijiet tal-UE* ser jiltaqgħu regolarment mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, iżuru attivisti miżmuma l-ħabs, jimmonitorjaw il-proċessi tagħhom u jippromwovu l-protezzjoni tagħhom.
  • Il-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (COHOM) għandu jidentifika s-sitwazzjonijiet li fihom l-UE hija mitluba tintervjeni fuq il-bażi tar-rapporti mill-Kapijiet tal-Missjonijiet tal-UE (KtMs), in-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tal-Ewropa u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi.
  • Uffiċjali tal-UE ta' pożizzjoni għolja (eż ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà) ser jinkludu laqgħat mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem bħala parti miż-żjarat tagħhom f'pajjiżi mhux tal-UE.
  • Id-djalogi politiċi mal-pajjiżi mhux tal-UE u l-organizzazzjonijiet reġjonali sejrin jinkludu s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem.
  • Il-kapijiet tal-missjonijiet sejrin ifakkru lill-awtoritajiet tal-pajjiżi mhux tal-UE dwar ir-responsabbiltà tagħhom li jipproteġu lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jkunu jinsabu fil-periklu.
  • L-UE sejra tikkopera mill-qrib mal-pajjiżi mhux tal-UE li għandhom ukoll politiki biex jipproteġu d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u sejra taħdem bil-mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem ta' organizzazzjonijiet reġjonali oħra, bħall-Unjoni Afrikana, l-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.
  • L-UE sejra tippromwovi t-tisħiħ tal-mekkaniżmi reġjonali eżistenti u l-ħolqien ta' oħrajn ġodda għall-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem.
  • L-impenn tal-UE biex tappoġġja d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem huwa kkumplimentat mill-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR), li jipprovdi għajnuna finanzjarja lill-organizzazzjonijiet li jappoġġjaw l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem.

SFOND

Id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għandhom rwol prinċipali:

  • fid-dokumentazzjoni tal-vjolenza;
  • l-għoti ta' appoġġ legali, psikoloġiku, mediku jew ieħor lill-vittmi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem;
  • il-ġlieda kontra l-impunità ta' dawk responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; u
  • is-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-difensuri tagħhom fil-livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali.

Madankollu, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem spiss huma miri ta' attakki u theddid, u din hija r-raġuni għala huwa importanti li s-sigurtà u l-protezzjoni tagħhom jiġu żgurati.

Għal aktar informazzjoni ara:

TERMINI EWLENIN

Id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem: individwi, gruppi jew organizzazzjonijiet li jippromwovu u jipproteġu b'mod paċifiku d-drittijiet tal-bniedem rikonoxxuti b'mod universali, jiġifieri, id-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, inklużi d-drittijiet tal-individwi li jappartjenu għall-persuni indiġeni.
Il-missjonijiet tal-UE: ambaxxati u konsulati tal-pajjiżi tal-UE u delegazzjonijiet tal-UE.

DOKUMENTI EWLENIN

Verżjoni kkonsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea — Titolu I — Dispożizzjonijiet komuni — Artikolu 2 (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 17)

Garanzija għall-Protezzjoni – Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill tal-UE (Affarijiet Barranin), 2008

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) Nru 235/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja (ĠU L 77, 15.3.2014, pp. 85-94)

l-aħħar aġġornament 07.08.2017

Top